Jekk se taqa’ l-mannara
l-editorjal tal-ILLUM
Dan il-ġurnal jippreferi illi meta niddiskutu l-politika jew meta nintervistaw Ministru tal-Gvern, bħal m’għamilna fil-ħarġa tal-lum, ikun min ikun il-Ministru u mill-liema partit ikun ġej, nitkellmu dwar il-kwistjonijiet purament politiċi. Nitkellmu dwar in-nies u kif il-politika tal-Gvern preżenti qed taffetwa lin-nies. Nitkellmu dwar l-inġustizzji li kienu u għadhom qed iseħħu u, mela le, nitkellmu dwar kwistjonijiet bħal ta’ Gaffarena jew il-mod kif kien jinxtara ż-żejt, li setgħu ġew immaniġġjati aħjar jew evitati għal kollox.
Minkejja dan, din il-ġimgħa l-ILLUM intervista lill-Ministru Cardona, mhux dwar il-portafoll tiegħu, iżda dwar żewġ allegazzjonijiet partikolari, jiġifieri waħda dwar appartament li qed jikri f’Portomaso u l-oħra dwar bar, illi allegatament jiffrekkwentah l-istess Cardona. L-allegazzjoni hija li f’dan il-bar imorru ħafna kriminali u nies li jieħdu d-droga. Li jfisser li mal-allegazzjoni hemm insinwazzjoni mhux daqstant sottili, li la Cardona qed ikun f’dan il-post, jew huwa assoċjat mal-kriminalita’ jew inkella qed jieħu d-drogi hu.
Dan il-ġurnal jixtieq jiffoka fuq it-tieni allegazzjoni u/jew insinwazzjoni. Aħna m’aħniex se nilagħbuha ta’ avukati għal Cardona, dak ix-xogħol jagħmlu hu kif għamel fl-intervista li qed tidher fuq dan il-ġurnal illum. Cardona għamilha ċara li f’ħajtu qatt ma miss ma’ droga u allura issa huwa f’idejn il-qarrejja li jaraw, jevalwaw u jiddeċiedu jemmnuhx jew le. Bl-aktar mod ċar iżda, jaħseb x’jaħseb kulħadd, din il-ġimgħa il-mannara waqgħet fuq Cardona, prinċipalment fuq il-kredenzjali u fuq l-integrita’ tiegħu.
Imma issa jekk se nwaqqgħu l-mannara, l-mannara għandha taqa’ għal kulħadd. Għax jekk kellna nemmnu li dan il-bar huwa mimli nies dubjużi, nistgħu nsemmu patafjun bars, każini u postijiet oħrajn li huma dubjużissimi. U jekk kellna naqbdu nsemmu kull politiku li daħal f’dawn il-bars u każini, nsibu li hemm politiċi miż-żewġ naħat li, konxjament jew le, kienu f’post mimli xorb u tbagħrid, b’xi persuna dubjuża tħakkek miegħu.
Jekk Chris Cardona qed ikun f’postijiet mimlijin bil-kriminali u drogi mela qed jagħmel ħażin u ħażin ħafna. Qed jinsa li llum hu sar Ministru u mal-kariga tiegħu jġorr ir-reputazzjoni tal-Gvern. Imma dak li jgħodd għal Cardona, jgħodd għal kulħadd. Għax issa dan il-pajjiż, frankament, iddejjaq u xaba’ jara l-istess akkużi, li b’kumbinazzjoni dejjem isiru fuq min ħadha kontra naħa waħda tax-xaqliba politika.
Xbajna naraw missirijiet li jkunu ilhom jpejpu l-ħaxixa 15-il sena, jew aktar, jiġu arrestati fil-mument li binhom imur jidher mal-Partit Laburista. Issa ddejjaqna naraw nies ivvitimizzati, mgħajjra u insulentati fil-mument li jgħidu li se jivvutaw lill-Partit Laburista. Alla jbierek Nazzjonalist f’kariga, hi x’inhi l-kariga, jibqa’ pur sakemm jibqa’ leali. Imbagħad il-mument li jidher jifavorixxi jew (allaħaresqatt) jivvota lill-PL, hemmhekk jinfetħu l-bibien tal-vomtu u t-tgħajjir. Minn hemmhekk isir drugat, miġnun, għandu bżonn psikjatra, kriminal u kull akkuża li tista’ timmaġina. U ma noqgħodux nilagħbuha tad-dojoq. Nafu li hekk ġara u mid-dehra hekk għadu jiġri.
Mela ħalluha taqa’ l-mannara fuq il-politiċi. Ħalluha taqta’ l-irjus. Imma ħalluha taqa’ għal kulħadd, għal kull Ministru, passat, preżenti u prospettiv. Għax f’dan il-pajjiż, speċjalment fil-politika, ħadd mhu divin, ħadd mhu qaddis, ħadd mhu subgħajh dritt u ħadd mhu verġni. Ħa taqa’ l-mannara!