Iħirsa tal-passat

L-Editorjal tal-ILLUM

Il-Partit Nazzjonalista tilef l-aħħar elezzjoni b’marġini kbar. Imma dik issa hija storja. It-telfa tal-PN  għaddiet u l-istess partit jidher li qam u bil-mod il-mod qed jitfarfar mit-trabijiet ta’ disfatta mistennija, u pjuttost mistħoqqa wkoll. Il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna, qed iħalli ħafna iktar impatt illum milli qatt ħalla kemm ilu li ddeċieda li jidħol fil-politika lokali, lilhinn mill-Parlament Ewropew.

Busuttil rebaħ ċerta preżenza b’diskorsi li għandhom ħafna iktar lingwaġġ politiku li jogħġob, jinżel tajjeb u li jġib xi ftit ta’ tbissima wkoll. L-Oppożizzjoni armat lilha nnifisha b’biżżejjed munizzjon politiku, ftit mogħti lilha mis-sorsi tagħha u ħafna mogħti lilha mill-Gvern stess, biex terġa tibni l-“armata” meħtieġa u tiġġieled l-elezzjoni li jmiss. Definittivament, għal darb’oħra jekk irridu nkunu onesti, il-PN illum qiegħed f’sitwazzjoni ħafna aħjar mit-tgerfix, taħwid u xiżmi li kien fih ftit qabel ma’ ġie litteralment xkupat ‘l barra minn Kastilja. Anke l-midja tal-PN jidher li stejqret xi ftit u bdiet tieħu ftit tan-nifs wara li sfat fgata minn djun kbar li ġew akkumulati matul is-snin u li, tħallew jikbru taħt it-tapit.

Imma t-triq għall-PN hija ħafna itwal milli jaħsbu bosta. Il-PN, fil-verita’, għad irid jibda biex jifhem li r-riżultat fl-2013, ma kienx frott ta’ “ftit garr” fl-aħħar tliet snin ta’ Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi u lanqas kif, b’mod verament diżonest, jipprovaw jraqquha xi wħud, jiġifieri li l-PN tilef għax il-Labour “wiegħed il-pjaċiri”. It-telfa għall-PN kienet ilha ġejja mill-2004, meta bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-istess partit spiċċa mingħajr viżjoni u mingħajr raġuni, lilhinn minn kull kwistjoni purament lokali jew settorali, biex jibqa’ fil-Gvern.

L-elezzjoni tal-2008 kienet l-iżgħar rebħa għall-PN u l-agħar ħaġa li qatt seta’ ġralu. Id-dwejjaq elettorali, nbidel f’rabja. Il-vuċijiet tal-ftit li kienu Nazzjonalisti, spiċċaw f’għajta qawwija tal-massa u persuni viċin jew fil-PN, bdew jesprimu l-ħsibijiet tagħhom kontra l-partit b’mod miftuħ ħafna. Il-Gvern beda dieħel minn ġo sqaq għall-ieħor sakemm ikkommetta l-akbar suwiċidju politiku u baqa’ fil-poter, meta kien ċar ħafna li ma kienx għad kellu la l-maġġoranza fil-Parlament u wisq anqas barra minnu.

Ma’ dawn jingħaqdu l-iskandlu li jdur madwar il-mod kif kien qed jinxtara ż-żejt, il-fatt li l-Enemalta tħalliet tikkrolla taħt id-dejn, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-fjask fit-trasport pubbliku, il-wegħdi elettorali tal-2008 li ġġebbdu u tkissru kif kien jaqbel, qagħda finanzjarja xejn fis-sod, l-arroganza ta’ min kien jaħseb li laħaq is-sema, il-konservattiviżmu li kien qed joħnoq u d-dijarea verbali b’attakki mill-aktar personali u viljakki fuq kull min iddeċieda li l-PN ma kienx għadu postu.

Iva, l-PN illum qed iqum mit-tumakka elettorali u jidher li qed jipprova, u sa ċertu punt qed jirnexxielu, jilħaq lil setturi ġodda li forsi qatt ma vvutaw PN jew li ma baqgħux. Iżda l-akbar għadu li l-istess partit jeħtieġ jiġġieled huma l-iħirsa tal-passat. Għax dwar l-ambjent għandu tliett’iswaba ippuntati lejh, dwar l-enemalta u l-enerġija għandu ħamsa , dwar l-arroganza għandu tmienja u dwar il-meritokrazija għandu għaxra.

Il-PN ma titlifx għax kien ilu fil-Gvern biss, il-PN tilef għax kien qdiem, kien jaf li qdiem u fil-ferneżija li qabditu fl-aħħar ftit snin li kien fil-poter beda jfajjar id-daqqiet ta’ ponn lil kull min ma kienx baqa’ jara għajn m’għajn miegħu.

Il-PN mhux biss huwa rilevanti imma importanti għall-pajjiż u għad-demokrazija, imma l-iħirsa tal-passat għadhom qed iħalluħ maqbud f’morsa politika li għadu ma ħariġx minna. Xi darba joħroġ minnha u jerġa jkun rebbieħ mill-ġdid. Dik id-darba, ma jidhirx li hija bħalissa.

More in Blogs