Lill-moħħna bażwarnih
It-teknoloġija qed tagħti wisq xogħol lil moħħna:-
Darba x-xjuħ tagħna kienu jgħidulna ‘qis mitt darba u aqta darba’. Dan il-qawl Malti jew aħjar kliem ix-xiħ Malti mhux talli ftit jew ħadd m’għadu jagħti kasu iżda d-dinja moderna tal-lum lanqas biss tagħtik ċans tqis jew taħseb darba aħseb u ara mitt darba.
Id-dinja teknoloġika saret tħaddem il-moħħ aktar minn qatt qabel. Sa 10 snin ilu aġenziji tal-ivjaġġar kienu jieħdu ħsieb jirriservaw it-titjiriet u kull tip ta’ vjaġġi lil min irid jivjaġġa. Il-persuni li jbiegħu kienu jieħdu ħsieb jgħinu lil min ikun irid jixtri, jagħżel dak li jixraqlu. It-tajpisti jew segretarji kienu jieħdu ħsieb li jwasslu messaġġi ta’ dawk li jkollhom wisq x’jagħmlu. Iżda llum grazzi għall-ismart phones jew tablets dan kollu qed jagħmlu l-istess persuna u l-istess moħħ.
Illum l-moħħ irid jaħdem u jaħseb dak li qabel kienu jaħsbu għalih 10 persuni oħrajn, barra li xorta dan l-imsejken moħħ irid jara li jmexxi lil sidu li jieħu ħsieb l-uliedu, lil ħbieb, il-karriera, il-passatemp u anke xi program televiżiv favorit jew inkella xi partita Football.
L-Ismart phones ħadu post il-kalendarji, id-diaries (li saru kotba tal-passat), id-dizzjunarji li kienu jinxtraw ‘by instalments’, il-’gameboy’, il-posta (email flok envelope u bolla), tape recorder, kamera tar-ritratti, albums tar-ritratti, tbassir tat-temp, GPS, diskursata mal-ħbieb u gazzetta bl-aħbarijiet mibdulin minn ħin għall-ieħor. M’għadek tilmaħ lil ħadd miexi rilassat isaffar u jittanta lix-xemx għaddejja. Kulħadd rasu ‘l isfel bis-swaba jtektku dak li jikkmandahom il-moħħ.
Illum m’għandekx għalfejn tistudja dwar l-istorja, ġeografija, artisti, għax jekk trid tkun taf xi ħaġa waqt xi diskursata ma’ ħabib ħares lejn l-ismart phone jew tablet li dejjem iġġorr miegħek u igoogiljah (il-kelma moderna) taqra dak li xi ħadd kiteb, u tirreptih bħal pappagall. Għax moħħok m’għadux tiegħek, moħħok ta’ dak li ddeċieda jdaħħal dak li ried hu fl-internet. Xogħol moħħok hu li jaqrah u jgħidu bħal pappagall.
Addio komunikazzjoni fuq il-mejda
Niftakar żmien fejn waqt ikla bejn il-ħbieb jew tal-familja kulħadd jargumenta fuq politika, sess, reliġjon, festi, football u x’naf jien. Illum dawk li jibqgħu madwar il-mejda u ma jmorrux ipejpu barra l-bieb tar-ristorant moħħhom biex itektku fuq l-ismart phone u fuq it-tablet u l-moħħ msejken jrid jaħdem fuq min skorja, kemm mietu f’inċident tat-traffiku, x’għamel dak il-ministru u ta’ qablu u ħadd biss ma jagħti kas x’jismu jew x’libes jew x’make up għamlet ta’ quddiemu. Għax dak il-moħħ li normalment jmexxielna għajnejna u l-gosti tagħna lejn ta’ quddiemna jispiċċa mmexxi minn dak il-biċċa apparat li ma jafx jagħżel bejn ħin ta’ rilass jew ta’ xogħol, fejn il-boss isibek fejn irid u fejn moħħok ma jibqax tiegħek iżda tiegħu.
‘Multitasking’ = deċiżjonijiet bl-għaġġla
Ħafna jiftaħru li dan jagħmluh għax għandhom sens ta’ ‘multitasking’, li kapaċi jaħsbu ħafna affarijiet f’daqqa u jieħdu deċiżjonijiet f’daqqa. Iżda min jaħseb li kapaċi jagħmel dan ikun qed jitmejjel bih innifsu għax kulma jkun qed jagħmel hu jaqleb minn biċċa xogħol għal oħra b’ċerta għaġġla u żgur li mhux qed jagħmel kollox f’daqqa. Mhux talli hekk talli min jagħmel dan ikun qed jieħu ħafna iżjed żbalji għax ma jkunx qed jikkonċentra fuq ħsieb wieħed u mhux talli ma jqisx mitt darba talli tant jieħu deċiżjonijiet mgħaġġla li lanqas darba ma jkun qed iqis x’qed jgħid u x’deċiżjoni qed jieħu. Ikun qisu qed jitfa l-platt ‘il fuq u jipprova jaqbad platt ieħor minn fuq il-mejda b’ċans kbir li jispiċċa bla platt għax wieħed ma jilħaqx jiġbru u l-ieħor jilħaq jaqgħalu mal-art. Hu fatt magħruf u ppruvat li l-multitasking jagħmlek inqas effiċjenti.
Għandna l-ismart Phones, l-ismart tablets iżda fejn spiċċa l-Ismart person?
Ieqfu u aħsbu ftit kemm il-darba wieħed iwieġeb telephone, waqt li jkun qed idur fuq l-internet ifittex xi ħaġa, jaqra xi imejl jekk mhux anke jibgħat xi sms lil xi ħadd u tispiċċa tmur għand ħaddieħor. U din tafu li ġrat, anke fost dawk b’karigi għoljin f’Malta.
U kemm hawn min ikun qed jiċċettja ma’ xi ħadd fuq xogħol, ma’ xi familjari, u jagħti xi pariri kif mara għandha tibqa mar-raġel li jkun abbandunaha xi ftit. Kollha fl-istess ħin. Moħħu jrid jaħdem fuq xogħol, fuq problemi familjari u fuq xewqat u fantasiji fl-istess ħin. Normalment jiġri li lil bintek tgħidlha li x-xogħol dejqek (suppost bgħatta lil kollega tax-xogħol), lil kollega tax-xogħol li jkun tal-istess sess tiegħek tistiednu biex jorqod miegħek (suppost bgħatta lil dik il-mara abbandunata) u lil-mara li tkun qed tagħtiha l-pariri matrimonjali tibgħatha tara lill-ommha (messaġġ lil bintek). Għax il-moħħ tkun ħawwadtu.
Dan kollu jwassal biex dak li mingħalih wettaq erba biċċiet xogħol fl-istess ħin ikun ħareġ riżultat xejn iffukat u mimli deċiżjonijiet żbaljati inkella mhux kif kellhom ikunu. Kollha deċiżjonijiet ta’ fuq fuq u xejn konkret.
Qed nitilfu moħħna
Il-fattur li wieħed jibdel il-ħsieb minn ħaġa għal-oħra jikkawża lil moħħ li jaħraq il-fjuwil tiegħu kollu (glucose) u jħalli lil persuna għajjien u imħawwad fil-ħsibijiet tiegħu. Ħafna drabi l-persuna issir aktar aggressiva u nervuża għax l-istress cortisol jaħraq il-glucose li jkollu bżonn il-moħħ. U meta wieħed jiffoka fuq ħaġa waħda l-ħsibijiet tiegħu jkunu aktar luċidi b’deċiżjonijiet aktar iffukati. Għandna l-ismart Phones, l-ismart tablets iżda fejn spiċċa l-Ismart person? Moħħna bażwarnieh u tlifnih!