Il-Lezzjoni ta’ Franceschini
Il-ministru Franceschini, 56 sena, illum hu wieħed mill-veterani tal-politika Taljana
Din il-ġimgħa nqala’ ftit furur mhux ħażin fl-Italja minkejja li qegħdin fl-eqqel tal-vaganzi tas-sajf. Dan wara li tħabbret il-ħatra tad-diretturi tal-aktar għoxrin mużewijiet importanti fl-Italja.
Is-soltu, id-diretturi kienu jintagħżlu minn fost is-Sopraintendenza tal-Beni Kulturali. Kienu jintagħżlu nies li qattgħu ħajjithom kollha probabbilment fl-istess mużew jitilgħu skaluna wara l-oħra sakemm jaslu fil-quċċata. Din id-darba, il-ministru tal-kultura, Dario Franceschini ried li l-affarijiet isiru b’mod differenti. Ħatar kummissjoni sabiex tirrakkomanda liema huma l-aħjar kandidati għal dawn il-karigi tant sensittivi. Dan sar anke minħabba l-konvinzjoni li għalkemm l-Italja għandha wieħed mill-aktar patrimonji kulturali rikki fid-dinja, ma kinetx qed tisfrutta l-potenzjal ta’ dan il-patrimonju bl-aħjar mod possibli. U ċertament bosta mill-mużewijiet Taljani kienu prova ta’ dan: ċerta mużewijiet bħall-Uffizi ġo Firenze, li b’żewġ miljun viżitatur huwa l-aktar mużew taljan li jilqa’ viżitaturi, trid tagħmel is-sigħat tistenna biex tidħol; oħrajn bħall-Accademia ta’ Venezja jbellħuk li minkejja r-rikkezza tal-pittura li għandhom, m’għandhomx l-iċken struttura sabiex jisfruttaw il-potenzjal kummerċjali tagħhom. Meta żort l-Accademia f’Settembru li għadda, laqatni l-istat ħażin ta’ xi wħud mis-soqfa u n-nuqqas totali ta’ kaffetterija fejn wieħed jista’ jitrejjaq waqt il-mawra. Biex ma nsemmux li bil-kemm issib kartolina tal-pitturi fil-wirja għal bejgħ .
Il-ministru Franceschini, 56 sena, illum hu wieħed mill-veterani tal-politika Taljana. Kien jimmilita fil-Margherita, il-parti eks-demokristjana ta’ dak li llum hu l-Partit Demokratiku. Wara r-riżenja ta’ l-ewwel segretarju tal-Partit Demokratiku, Walter Veltroni, kien laħaq segretarju temporanju għal ftit xhur. Kien ikkontesta l-kariga għal segretarju kontra PierLuigi Bersani imma minkejja kampanja kuraġġjuża, ma kienx rebaħ. Imma kien jogħġobni l-mod dirett kif kien jitkellem, mingħajr dawrien tal-kantunieri. Illum, tneħħi l-veteran l-ieħor, il-ministru tal-affarijiet barranin, Paolo Gentiloni, huwa l-aktar ministru anzjan fil-kabinett ta’ Matteo Renzi.
Il-kummissjoni li ħatar Franceschini sabiex jagħżlu l-għoxrin kandidat mill-1,222 applikazzjoni li ntbagħtu, kienet ippreseduta minn eminenza griża tal-kultura taljana: il-president tal-biennale ta’ Venezja, Paolo Baratta. Baratta hu ħabib intimu ta’ Giorgio Napoletano li ftit xhur ilu talbu jsolvi problema li nqalgħet ftit qabel il-ftuħ tal-Expo ta’ Milan ma’ Dante Ferretti. Ferretti hu xenografu famuż ħafna u rebbieħ ta’ tlett premji Oscar. Hu x-xenografu favorit ta’ Martin Scorsese li miegħu ħadem films kbar bħal “The Age of Innocence” u “Gangs of New York”. Ferretti kellu jlesti żewġ strutturi ispirati mis-swieq tradizzjonali Taljani u l-pitturi fantastiċi fil-veru sens tal-kelma ta’ Giuseppe Arcimboldo. Ix-xogħol waqa’ lura u nqalgħet kwistjoni mal-orġanizzaturi tal-Expo. Ferretti, li kien qiegħed ma’ Scorsese fuq is-sett tal-aħħar film tar-reġista Amerikan f’Taiwan, ma riedx jirritorna l-Italja. Napoletano kellem lil Baratta biex jirranġa d-differenzi li Ferretti kellu mal-organizzaturi tal-Expo u dan hekk għamel. L-istrutturi tlestew ftit tard u ġew inawgurati fil-5 ta’ Ġunju mill-president Mattarella imma l-agħar ġie evitat.
Barra Baratta, fuq il-kummissjoni kien hemm Lorenzo Casini, professur tad-dritt amministrativ fl-Università ta’ Ruma Sapienza u espert fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-patrimonju kulturali, Claudia Ferrazzi, segretarju ġenerali tal-Accademia di Francia-Villa Medici ta’ Roma u eks general manager tal-Louvre, Luca Giuliani, professur tal-arkeoloġija klassika u rettur tal-Wissenschaftskolleg ta’ Berlin u Nicholas Penny, storiku tal-arti u direttur tan-National Gallery ta’ Londra. Kienet ċertament kummissjoni ta’ kalibru għoli u mżewqa b’nies b’esperjenzi differenti kemm fl-Italja kif ukoll barra.
L-għażla tal-Kummissjoni qajmet reazzjoni qawwija. L-unika direttur ta’ mużew li żammet postha kienet Anna Coliva fil-Galleria Borghese f’Ruma, mużew li ċertament kull min imur Ruma għandu jżur u jibbukja minn qabel ħalli ma jdumx jistenna wisq. L-età medja tar-rebbieħa hi ta’ 50 sena u mill-20 li ntgħażlu, 10 huma rġiel u 10 nisa. Minn dawn, 7 huma barranin, kollha ċittadini tal-UE (3 Ġermaniżi, 2 Awstrijaċi, Ingliż u Franċiż) waqt li ntgħażlu 4 taljani li kienu jaħdmu barra. 14 huma storiċi tal-arti, 4 arkeoloġi, u 2 museologi jew maniġer kulturali, mentri waħda ġiet mill-istrutturi interni tal-ministeru, l-imsemmija Anna Coliva.
Fl-Uffizi, id-direttur mill-2006, Antonio Natali li jgawdi prestiġju kbir, ġie sostitwit mill-Ġermaniż Eike Schmidt ta’ 47 sena, espert tal-arti Fiorentina ta’ fama internazjonali li wara snin twal ta’ studju ġo Firenze qiegħed fil-Minneapolis Institute of Art. Fi Brera, ġie nominat James Bradburne, Kanadiż ta’ ċittadinanza Britannika. L-iżgħar kandidat hu Gabriel Zuchtriegel, Ġermaniż ta’ 34 sena li ntgħażel sabiex jidderieġi l-Park Arkeoloġiku ta’ Paestum li kelli l-privileġġ li nżur f’Settembru li għadda meta kont mistieden għal tieġ li sar hemm.
Il-kritika ma naqsitx. Il-kritiku tal-arti, il-famuż Vittorio Sgarbi kkritika l-fatt li ntgħażel l-istess numru ta’ rġiel u nisa li sejjaħlu “grottesk” u l-metodu tal-konkors biex jintgħażlu l-kandidati. Akkuża lil Franceschini li mmina l-istess istituzzjoni li jippresjedi, u bħala eżempju semma dak tal-Uffizi fejn l-għażla ta’ Schmidt ċekknet ix-xogħol ta’ livell għoli ta’ Antonio Natali. L-ewroparlamentari tal-Lega Nord Gianluca Buonanno stqarr li “Franceschini jrid ibiegħna lill-barranin. Wera li hu għadu tal-Italjanità tal-arti, b’għażliet li pprivileġġjaw lill-barranin a skapitu tal-kompetenza u tal-professjonalità tat-Taljani. Naqbel u nappoġġja dak li qal Vittorio Sgarbi. Għan-nomini tal-mużewijiet, kellna nsegwu kriterji oħra, ċertament mhux dawk li spiċċaw jippenalizzaw lit-Taljani.” Anke l-eks ministru Maurizio Gasparri tal-partit ta’ Berlusconi kien kritiku: “Qegħdin f’paradoss. Il-mużewijiet tad-dinja huma mimlijin xogħlijiet Taljani li jagħmluhom importanti u fl-Italja bi provinzjaliżmu nimlew il-mużewijiet ta’ pajjiżna b’diretturi impurtati minn barra.” Tassew ironiku li Gasparri jitkellem fuq “provinżjaliżmu” sabiex jattakka l-għażla ta’ diretturi mhux Taljani mentri saħansitra sejħu din id-deċiżjoni bħala “kolonizzazzjoni minn professjonisti barranin”.
Jiena ċert li kieku dan kollu ġara f’Malta kien ikollna reazzjonijiet simili. Wara kollox dawn is-sentimenti rajnihom ukoll meta l-gvern inkariga lil Renzo Piano sabiex jiddisinja l-bini tal-Parlament u d-daħla tal-Belt. Min jaf kemm-il darba smajna d-diskors li messu tqabbad perit Malti? Imma llum qegħdin ngħixu f’dinja ferm aktar miftuħa minn qatt qabel. F’Ruma stess, ma ddejqux jinkarigaw lill-arkitett Iraqqina Zara Hadid sabiex tiddisinja l-mużew tal-Arti Moderna, il-Maxxi. L-istess Renzo Piano wettaq inkarigi prestiġjużi tista’ tgħid f’kull belt importanti inkluż Pariġi, Londra, Berlin u New York mentri l-Ġermaniżi qabdu lill-Brittaniku Sir Norman Foster sabiex jiddisinja s-saqaf tal-parlament Ġermaniż wara l-għaqda.
Anki fil-qasam tal-mużewijiet, id-difensuri ta’ Franceschini semmew il-bosta Taljani li għandhom inkariġi prestiġġjużi barra mill-Italja bħal Gabriele Finaldi li ftit xhur ilu ntagħżel bħala s-suċċessur ta’ Nicholas Penny fin-National Gallery ta’ Londra, mużew li jattira 6 miljun viżitatur fis-sena.
L-għażla ta’ dawn l-20 direttur mhux neċessarjament se tkun suċċess totali. Jista’ jkun hemm minnhom li ma jingranawx. Imma ċertament l-intenzjoni hija ferm tajba u msejsa fuq il-mertu tal-magħżula u l-ebda konsiderazzjoni oħra. Ma sar l-ebda attentat biex dawn l-inkarigi jibqgħu biss f’idejn it-Taljani, u kandidati validi mhux Taljani ma ġewx esklużi.
Fl-istess ħin li kont qiegħed naqra dwar din il-polemika fl-Italja, il-ġurnali Maltin kienu qed jirraportaw dak li qal il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi dwar l-għażla tal-ġudikanti. Iddefenda l-metodu attwali fejn l-għażla ssir mill-ministru u hija suġġetta biss għall-approvazzjoni tal-kabinett. Kif ilu jsir mill-era kolonjali.
Wieħed jaqbel mal-ministru li kwalunkwe mod ġdid ta’ għażla tal-ġudikanti m’għandux iservi biex l-għażla tiġi kkundizzjonata minn favoritiżmi jew kunsiderazzjonijiet oħra mhux xierqa. Imma dan ma jfissirx li l-metodu attwali hu l-aktar wieħed trasparenti u idoneju sabiex isiru l-aħjar għażliet. Tassew li bosta għażliet irnexxew imma dan ma jfissirx li ma kienx hemm kandidati oħra validi li ġew esklużi. U m’hemm l-ebda garanzija li kwalunkwe metodu li wieħed jadotta se jagħti riżultati dejjem tajbin. Imma li ma nbiddlux għax ma nafux kif l-aħjar inbiddlu mhuwiex aċċettabli. U lanqas ma wieħed jista’ jiddefendi l-istatus quo bħalma għamel il-ħabib tiegħi, Toni Abela ftit xhur ilu meta lmenta li qabel, ma kienx hemm sejħiet għar-riformi f’dan il-qasam. Ma nafx fejn kien Toni meta l-Prim Imħallef tal-epoka, Vincent Degaetano għamel appell imqanqal għall-ħatra ta’ Judicial Selection Committee sabiex tagħmel l-għażliet ġudizzjarji.
Mod kif dan jista’ jsir hu billi ssir sejħa għall-kandidati li jiġu mgħarbula mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Isiru r-rakkomandazzjonijiet lill-Ministru li jkun irid iġib l-approvazzjoni tal-Kabinett. Min jiġi nominat irid imbagħad jiġi approvat mill-Kamra tad-Deputati. Tali metodu huwa ferm aktar kumpless minn dak attwali imma jiżgura li l-aħjar kandidati jintgħażlu. Jekk m’hemmx fiduċja fil-Kummissjoni, kif il-Ministru ta x’jifhem (u l-eżempju li ġab mhuwiex ta’ min jinjorah), allura tali eżami preliminari jista’ jsir minn xi enti ieħor, anke kumitat magħżul tal-Kamra. B’hekk, il-branek kollha tal-Istat ikunu involuti fl-għażla ta’ karigi daqshekk delikati u importanti.
Biex il-pajjiż iżomm postu, u anke jtejbu, fost il-pajjiżi l-oħra, l-għażliet ta’ posizzjonijiet importanti - imma mhux biss - iridu jkunu msejsa fuq kriterji stretti ta’ mertu u idonjetà. Jekk nagħtu l-ġenb lill-meritokrazija u nibbażaw biss fuq il-klijenteliżmu, pajjiżna jistaġna u jmur lura kif ġara lill-ġar tagħna. Il-klassi politika għandha t-tentazzjoni li żżomm kemm jista’ jkun l-affarijiet f’idejha għax jidrilha li hija biss tista’ tieħu d-deċiżjonijiet tajbin. Imma aktar importanti milli tagħmel l-għażliet individwali, huwa l-bini ta’ strutturi fejn tali għażliet jistgħu jsiru b’mod seren, trasparenti u fuq bażi strettament ta’ mertu.
Pajjiżna għandu d-dritt li jaspira għal xejn anqas.
Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph.