Taħt u fuq il-ħamrija
Darba xi ħadd kien tani parir li jekk ridt ninqata’ mill-għawġ tad-dinja ta’ kuljum u ninsa l-aħbarijiet kollha niket li nisimgħu prattikament il-ħin kollu, kelli nistudja l-arkeoloġija...
Darba xi ħadd kien tani parir li jekk ridt ninqata’ mill-għawġ tad-dinja ta’ kuljum u ninsa l-aħbarijiet kollha niket li nisimgħu prattikament il-ħin kollu, kelli nistudja l-arkeoloġija. Hemm isfel, wiċċek mal-blat u taħt il-ħamrija, l-aktar li tista’ tiltaqa’ hu ma’ xi skeletru li aktarx l-aktar li jista’ jagħmel – kieku jista’ – ikellmek tnejn ħażin għax kxiftu u ksirtlu s-sliem li suppost kien ta’ dejjem.
Domt ftit żmien mhux ħażin biex intbaħt kemm kien żbaljat dan il-parir. Avolja jiddispjaċini sal-lum li ma ħadtux, u minflok ħadt toroq oħrajn, il-faxxinu bl-imgħoddi, speċjalment b’dak li hu moħbi u minsi, urieni li dak li hemm ‘hemm taħt’ huwa kontemporanju daqs il-kronaka fuq l-aħbarijiet tat-tmienja u li għalkemm dan il-kliem jista’ jkun klixè, il-passat huwa ktieb ta’ istruzzjonijiet dwar kif ngħixu l-preżent.
Fi kliem ieħor dak li hemm hemm taħt huwa biss verżjoni antika ta’ dak li qed jiġri fil-wiċċ. U jfisser ukoll li jgħattu kemm jgħattu s-safef tal-ħamrija, il-moħbi hu politiku daqs il-mikxuf.
Ovvjament mhux fl-estremità li sab ruħu fiha Kaled Asaad. Aktarx li ftit minna kien semgħu b’dar-raġel, tneħħi dawk midħla fl-istudji arkeoloġiċi. Studjuż u riċerkatur li ħadem għal xi ħamsin sena fil-belt antika ta’ Palmira fis-Sirja, din il-ġimgħa tħabbar li Asaad inqatel brutalment min-nies tal-Istat Iżlamiku billi ddekapitawh u mbagħad dendlu l-katavru mmutilat tiegħu ma’ kolonna fl-istess belt. Kienet tkun mewta pjuttost poetika li kieku Asaad instab mejjet f’nofs il-belt b’mewta naturali: qatta’ ħajtu f’din il-ġawhra arkeoloġika u ħalla ħajtu hemmhekk stess. Imma f’dan il-każ, il-makabrità – għalkemm anki din hemm id-drabi meta għandha l-element poetiku tagħha – ma tħallikx tippoetiċizza wisq. Bla dubju, għall-qattiela, ir-ritwal funerarju grottesk li wettqu kien mimli poeżija, bħalma huma mimlijin poeżija it-tkissir u l-anniħilizzazzjoni ta’ siti oħrajn arkeoloġiċi bħal Nimrud, belt antika oħra fl-Iraq.
“Il-passat huwa ktieb ta’ istruzzjonijiet dwar kif ngħixu l-preżent”
L-Istat Iżlamiku wera kemm-il darba li huwa fenomenu antiuman. Ma tistax tirrispetta l-umanità jekk ma tagħrafx il-valur ta’ dak li tħalla wara minn ta’ qablek. U s-segwaċi ta’ dan l-istat jafuh sew dan: li ma kienx hekk ma kinux iwettqu l-atrotiċitajiet fuq is-siti storiċi u arkeoloġiċi (minbarra fuq l-umani nfushom). Hemm nies li m’għandhomx rispett lejn ta’ qabilhom, imma hemm oħrajn li jagħrfu l-valur ta’ dak li baqa’. Kien għalhekk li l-qawwiet kolonizzaturi kaxkru kulma felħu jkaxkru mill-kolonji tagħhom lejn il-mużewijiet fil-bliet kapitali tagħhom. Naturalment dan is-serq (għax wara kollox dak li kien) mill-kolonji sar b’diżrispett totali għall-popli li kolonizzati, għaliex kien ukoll att simboliku ta’ dominanza u anki għaliex is-serq qatt m’huwa ġustifikat.
Kaled Asaad jispiċċa maqtul u żarmat u mdendel għaliex ta’ arkeologu gwapp li kien, seta’ japprezza l-valur inkwantifikabbli tal-fdalijiet li rnexxielu jittrasporta bil-moħbi minn Palmira għal min jaf fejn. U ta’ hekk kellu jmut ta’ martri, eroj (nittama) li l-ġest tiegħu – jiġifieri jibqa’ ma jikxifx fejn ħeba l-fdalijiet ta’ Palmira – swielu ħajtu imma wkoll jaf jiswa l-posterità ta’ eluf ta’ snin ilu.
Hawnhekk qegħdin nitkellmu wkoll dwar il-ġmiel. Palmira, Nimrud, l-Ipoġew, il-Ġgantija, Stonehenge, Stobi kienu bliet u siti li primarjament kellhom funzjoni soċjali x’jaqdu għal minn bniehom. Kien x’kien il-kunċett ta’ ġmiel u dekorazzjoni eluf ta’ snin ilu, illum ma nistgħux ma nimmeraviljawx irwieħna bis-sbuħija ta’ dawn is-siti. Il-bliet li għandna llum, li bnejna jew estendejna u mmodifikajna dan l-aħħar, jaqdu l-ħitiġijiet funzjonali tagħna b’mod li dawk il-bliet u siti antiki ma jistgħux jaqdu. Imma meta nħarsu lejhom naraw sbuħija li kważi tisboq il-kliem. Għallinqas normalment nagħmlu hekk. It-tkissir ta’ monumenti u ħitan ta’ eluf ta’ snin u fdalijiet oħrajn bid-drillers u l-jack hammers u l-mazez u l-imnanar huwa battalja kontra l-ġmiel (minbarra li kontra l-umanità).
L-Istat Iżlamiku, li saddattant hu maħsub li qiegħed anki jbigħ ċerti fdalijiet biex b’hekk jiffinanzja parzjalment l-ispejjeż tal-kampanji vjolenti tiegħu, għandu skuża għala qiegħed iwettaq dawn l-atti kriminali kontra l-umanità: Alla. Kollox qiegħed isir f’isem Alla.
Meta dak li jkun iħares lejn l-istorja u jara kemm traġedji seħħew tul is-sekli f’isem Alla – mill-qtil tal-massa fl-Eġittu, sal-ħruq tas-sħaħar, u l-vjolenza li sseħħ illum il-ġurnata – kważi ma jibqagħlekx triq oħra ħlief tħares lejn dan Alla u tibda titħassru.
Quddiem il-martirju ta’ Kaled Asaad u d-diżastru li l-ġellieda tal-Istat Iżlamiku qegħdin iwettqu bil-wirt kulturali dinji, m’hemmx wisq x’tista’ tagħmel, tneħħi forsi tiddispra li fl-2015 għadhom jiġru dawn it-traġedji u tittama li jinstab tarf dan l-Istat. Imma wieħed irid ukoll japprezza r-reazzjoni ta’ xokk u rabja minn ħafna li setgħu jifhmu xi ntilef minbarra l-ħajja ta’ arkeologu brillanti.
Il-kultura ta’ min jiċċelebraha wkoll, mhux biss bħala sbuħija imma anki bħala att (forsi dgħajjef, jista’ jkun) ta’ reżistenza kontra l-ġenn. Proprju minn nhar il-Ħamis sa nhar is-Sibt, fil-forti ta’ Sant Iermu se jkun għaddej l-uniku festival letterarju f’Malta: il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Din taħbat l-għaxar edizzjoni, u allura hemm lok ta’ ċelebrazzjoni doppja. Bħal snin oħra se jkun hemm lista ta’ kitba li tħallat Maltin ma’ oħrajn minn partijiet differenti tad-dinja, u bħal snin oħra se jkun hemm ismijiet li jġorru magħhom statura kbira fid-dinja kulturali bħal, biex insemmi eżempju wieħed, il-kittieba u ħassieba Marina Warner li tibqa’ magħrufa ħafna għall-istudju voluminuż li kitbet dwar il-mit u l-kult Marjan.
“Asaad inqatel brutalment min-nies tal-Istat Iżlamiku billi ddekapitawh u mbagħad dendlu l-katavru mmutilat tiegħu ma’ kolonna”
Il-festival, ismu miegħu, huwa festa, ċelebrazzjoni, laqgħa ta’ numru ta’ kittieba u l-qarrejja (u s-semmiegħa) tagħhom. Emfasizzajt li dan huwa l-uniku festival letterarju f’Malta għaliex, kuntrarju għal pajjiżi oħrajn fejn festivals ta’ dan it-tip isiru bosta, din hija l-unika okkażjoni, għallinqas sa issa, li fiha l-qarrejja jistgħu jiltaqgħu ma’ wħud mill-aqwa kittieba li għandna u li hawn fil-Mediterran u ’l barra minnu.
U tkun okkażjoni li l-ġawhar kulturali nieħdu gost bihom, ngħożżuhom u nkomplu nagħtuhom il-ħajja.
(Għal aktar tagħrif dwar il-festival żur is-sit https://inizjamedmalta.wordpress.com/programme-2015/