Ponzju Pilatu

L-Editorjal tal-ILLUM

 

Ilbieraħ, is-sit illum.com.mt ippubblika ritratti xokkanti, anzi naslu ngħidu tat-twerwir, ta’ tfal, allegatament fil-maġġoranza tagħhom Sirjani li affaċċjaw il-mewt hekk kif huma flimkien mal-ġenituri tagħhom kienu qed ifittxu ħajja aħjar ’il bogħod mill-jasar, l-inkwiet u t-taqlib li għaddej f’pajjiżhom. Dawn it-tfal huma vittmi mhux biss ta’ baħar li ma jafx ħniena, imma huma simbolu ikrah ħafna u tebgħa sewda fuq il-politiċi, fuq l-awtoritajiet, anke ekkleżjastiċi u l-aktar fuqna lkoll bħala popli Ewropej li suppost nemmnu fis-solidarjetà, fl-għajnuna, fl-imħabba u fil-kompassjoni.

Il-kliem ta’ Ġesu Kristu, li l-maġġoranza tal-Ewropej jipprofessaw li jemmnu fih, “dak li tagħmlu mal-iżgħar fost ħuti tkunu qed tagħmluh miegħi,” tar mar-riħ, u minflok, illum inkluż f’pajjiżna sirna nipprofessaw teorija oħra, dik li naħslu jdejna u ndawru wiċċna n-naħa l-oħra taparsi ma rajna xejn u taparsi ma nafu b’xejn. Sirna qisna Ponzju Pilatu, naħslu jdejna bħalu, ndawru wiċċna bħalu, nagħmlu mhux dak li huwa sew u ġust ma’ ħutna l-bnedmin imma dak li jaqbel lilna u li jżommna fis-sigurtà tal-bużżieqa tagħna. 

Din il-ġimgħa, nstabu 70 persuna mejta fgati, fi stat ta’ dekompożizzjoni, ġo vann fuq il-fruntiera tal-Awstrija li minnhom erbgħa kienu tfal, 200 mietu fil-baħar Mediterran ’il barra mil-Libja ftit siegħat wara, u l-ġimgħa l-oħra mietu sitt persuni oħrajn qrib il-kosta tat-Turkija. Fil-ġurnata li aħna niċċelebraw il-festa tal-Assunta, mietu 40 persuna qrib il-kosta Taljana u lura f’April mietu 14 mgħaffġin minn ferrovija fil-Maċedonja. Skont l-Uffiċċju Internazzjonali tal-Migrazzjoni, din is-sena diġà mietu 2,600 immigrant fil-Mediterran biss, xi ħaġa li ma tinkludix l-imwiet li qed iseħħu fuq il-kontinent, fosthom fi Franza fejn mijiet qed jippruvaw jaqsmu lejn ir-Renju Unit.

U lil hinn mill-pożi, iċ-ċerimonji, laqgħat u summits li dejjem iwiegħdu bidu ġdid, u li minnhom il-mexxejja Ewropej dejjem joħorġu bi tbissima, donnhom skoprew l-Amerika,  x’qed isir fir-realtà biex din it-traġedja tkun miġġielda? X’qed isir biex iċ-ċirku qerriedi ta’ min qed jagħmel il-flus mill-isfortuni ta’ ħaddieħor jitkisser? Kemm se ndumu nisimgħu Prim Ministri jgħidulna dwar “il-ġlieda kontra t-traffikanti” biex wara, din il-wegħda solenni ssir suf? Meta se jindunaw il-politiċi Ewropej li ħafna aktar importanti mill-pożizzjoni li jridu jżommu u l-logħob politiku, hemm ħajjet il-bniedem?

U anke fil-Kurja, Ponzju Pilatu huwa ħaj. Imdawrin b’baħar li sar ċimiterju, għandna fuq ħoġorna demm ħutna li xtaqu jgħixu ħajja aħjar, fuq ir-ramel maċ-ċafċifa tal-baħar, qed jittellgħu l-katavri, u minflok omelija fuq oħra dwar il-mewt kiefra li qed isofru dawn il-bnedmin, il-Kurja hawn Malta moħħha fuq liema Knisja se ssir bażilika u liema koppja se tkun kanonizzata u kemm huwa insolenti li xi ħadd jilbes ta’ soru fil-karnival.  Jekk il-Kurja (u kull min jħossu ta’ awtorità fiha) mhux se tkun hi li minn ta’ quddiem tgħajjat mill-pulptu u ssaffar is-sfafar tat-twissijiet fuq din it-traġedja, kif għajtet u saffret meta kien jaqblilha u meta kellha x’titlef, mela allura tkun qed tirrendi lilha nnifisha f’awtorità u istituzzjoni tal-bandalora u l-bradella.

 Anke l-popli Ewropej, inkluż aħna l-Maltin u l-Għawdxin, jeħtieġ nieqfu għall-mument, ineħħu n-nuċċali li qed jagħmina u nistaqsu lilna nfusna “kieku kienet binti, kieku kien ibni li miet mgħerreq, imwassal lejn il-kosta mill-kurrent tal-baħar u midfun bla dinjità, anzi mgħajjar li kien jixraqlu l-mewt għax missu baqa’ pajjiżu, kif kont inħossni?” Kemm għad iridu jħarsu lejna uliedna u ulied uliedna u jistaqsu “kif ma stħawx iħarsu n-naħa l-oħra missierijietna meta l-kontinent ta’ madwarhom kien sar wied tad-dmugħ u mewt? Kif ma stħawx jikkundannaw lil Ponzju Pilatu meta għamlu eżatt bħalu? 

More in Blogs