L-ekonomija tal-politika tat-Tango
Hawn ħafna forom ta’ mużika li jappellaw għal gosti differenti. Min jogħġbu l-‘heavy metal’, min is-‘psychedelic’ jew il-‘jazz’ jew il-mużika klassika jew dik lirika. Kulħadd gostih għax kif jgħid il-qawl latin, toqgħodx tistaqsi dwar il-gosti ta’ dak jew l-ieħor. Imma nażżarda ngħid li ftit huma dawk li ma jieħdux gost jaraw xi żifna tango kif naraw f’reklam ta’ brandy Taljan jew jisimgħu xi kunċert ta’ mużika tango ta’ Astor Piazzolla. Ir-ritmu frenetiku tat-tango flimkien maż-żanqir tal-vjolini u l-melodija tal-accordion huma riċetta ta’ armonija mużikali li ma tantx tista’ tirreżistiha, ma tridx tagħmel sforzi kbar biex tapprezzaha u ma tiddejjaqx minnha kif ġieb u laħaq.
Ġieni dan il-ħsieb meta kont qed nipprepara biex nikteb dan l-artiklu. Min jogħġbu jaqra sat-tmiem, jinduna għaliex irreferejt għat-tango. Inħobb naħseb li x-xeni u l-aħbarijiet ta’ dawn il-jiem, għandhom jiddisturbaw il-kuxjenza ta’ kull min għandu d-demm jiġri ġol-vini tiegħu. Imma m’iniex daqshekk konvint: filwaqt li l-qtugħ tad-dawl għal xi sagħtejn xi ġimgħat ilu pprovoka xmara ta’ linka reali jew virtwali, l-imwiet li qed jiġru ftit mili ’l bogħod minn Malta ta’ dawk li qed jaħarbu għall-Ewropa qajla jqanqlu reazzjoni fost il-poplu. Kulħadd għaddej għall-affari tiegħu qisu mhu qed jiġri xejn ftit ’il bogħod minn xtutna.
Sfortunatament, il-ħajja li qed ngħixu, spiss iġġiegħlna nikkonċentraw fuq il-ħtiġijiet tagħna u qajla nagħtu kas il-ħtiġijiet tal-‘proxxmu’, kelma li spiss konna nisimgħu fid-duttrina meta konna tfal imma li llum donnha m’għadhiex moda. It-traġedji li qed jiġru fl-ibħra ta’ madwarna u fit-toroq tal-Ewropa qed jiġru fl-indifferenza ġenerali, tal-anqas hawn Malta. Oħroġ il-għaġeb, minkejja li ninsabu fuq waħda mir-rotot prinċipali tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa, f’dawn l-aħħar sentejn, il-Forzi Armati tagħna rari intervjenew biex isalvaw l-immigranti stivati bħas-sardin fuq id-dgħajjes tal-kuntrabandisti. Fejn qabel il-Forzi Armati tagħna kienu jintervjenu bil-mezzi tagħhom jew jikkoordinaw l-operazzjoni tas-salvataġġ, jidher li issa għaddejna l-palju għal kollox lit-Taljani. Aktar qed isalvaw nies mezzi Irlandiżi, Iżlandiżi jew Norveġiżi milli dawk Maltin.
U ovvjament ħadd mill-poplu Malti mhu qed jilmenta. Imma x’imkien hemm xi quid pro quo għala t-Taljani jiġbru l-ħajjin u joħduhom l-Italja mentri jħottu l-katavri hawn Malta ħalli nkunu nistgħu norganizzaw iċ-ċerimonji biex l-Ewropa tipprova turi s-sogħba tagħha għat-traġedji li qed iseħħu wisq ta’ spiss. Imma l-poplu qajla jinteressah: l-importanti li l-immigranti ma jiġux jgħixu ma’ saqajna, u speċjalment jekk ikunu suwed.
U l-klima f’pajjiżi oħra hija qajla aħjar. Fil-Ġermanja, in-neo nażisti ħarqu ċ-ċentri li jilqgħu r-refuġjati, is-Slovakkja ma tridx taċċetta Misilmin u l-Ungerija qiegħda tibni ħajt sabiex ma tħallix lill-immigranti jidħlu mis-Serbja. Meta ftit jiem ilu l-Maċedonja għalqet il-fruntiera mal-Greċja, kien hemm xeni ta’ pandemonju u wara ftit jiem, jekk mhux sigħat, kellha terġa’ tiftaħha. In-numri kollha jindikaw l-entità tal-fenomenu, l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-rifuġjati ħabbret din il-ġimgħa li matul din is-sena diġà waslu fil-Greċja u fl-Italja 300 elf migrant mentri s-sena l-oħra, li diġà kienet sena rekord, b’kollox waslu 219 elf. Il-Ġnus Magħquda qiegħda ukoll tipprevedi li dalwaqt, tlett elef emigrant kuljum se jgħaddu mill-Maċedonja u mis-Serbja. Bil-kundizzjonijiet fis-Sirja imma anke f’pajjiżi bħall-Iraq u l-Afghanistan dejjem sejrin għal agħar, wieħed qajla jista’ jistenna li l-fenomenu tal-immigrazzjoni se jbatti dalwaqt. Anzi għas-snin li ġejjin għandna nistennew li jinkiser rekord wara l-ieħor ta’ wasliet.
M’għandhix il-ħsieb li noqgħod nagħtikom wisq statistiċi kif spiss inħobb nagħti, naħseb li ftit għandhom jiddubitaw li qed nitkellmu fuq problema kbira għall-Ewropa kollha, problema li qiegħda kuljum tikber. Min jixtieq jara dawn l-istatistiċi, nissuġġerilu jaqra l-artiklu eċċellenti li ppubblika din il-ġimgħa l-ġurnal Ingliż The Economist.
The Economist huwa wieħed mill-ġurnali favoriti tiegħi, ilni naqrah kważi tletin sena minn meta ggradwajt l-Università. Introduċihuli membru taċ-ċivil li dik il-ħabta ftit kellu x’jagħmel u li ħasra li pajjiżna m’għamielx użu aħjar minnu. Li jogħġobni ħafna f’The Economist, barra l-korrettezza fattwali tal-artikli tiegħu, huwa l-opinjonijiet li jesprimi li spiss mhumiex ortodossi kif ukoll il-perspettiva ekonomika li regolarment jipprovdi.
L-editorjal ta’ din il-ġimgħa dwar l-immigrazzjoni huwa każ klassiku. It-titlu tiegħu mill-ewwel jurik x’inhu l-ħsieb tal-editur: “Let them in and let them earn”. U s-sottotitolu aktar espliċitament jgħid, “A bigger welcome mat would be in Europe’s own interest.”
L-editorjal jibda biex jgħid li l-Istat Iżlamiku ma jaħbiex il-ħruxijiet tiegħu, għaldaqstant meta l-maħrubin mis-Sirja jew l-Iraq jistqarru li jibżgħu jmorru d-dar, x’aktarx qed jgħidu l-verità. L-UE hi waħda mir-reġjuni l-aktar sinjuri u l-aktar trankwilli fid-dinja u ċ-ċittadini tagħha jħobbu jaħsbu biex iżommu l-istandard għall-kompassjoni. Il-pajjiżi kollha tal-UE jaċċettaw li għandhom dmir legali li jospitaw min jibża’ mill-persekuzzjoni. Imma ż-żieda riċenti fit-talbiet għall-ażil qed jittestjaw dawn l-ideali.
l-imwiet li qed jiġru ftit mili ’l bogħod minn Malta ta’ dawk li qed jaħarbu għall-Ewropa qajla jqanqlu reazzjoni fost il-poplu. Kulħadd għaddej għall-affari tiegħu qisu mhu qed jiġri xejn ftit
Għaldaqstant, jgħid The Economist, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu ċertu figure, it-300,000 ruħ li waslu bil-baħar huma madwar wieħed minn kull 1,900 Ewropew. U bosta minn dawn se jintbagħtu lura. Postijiet ifqar tgħabbew b’piż akbar: il-Libanu b’popolazzjoni ta’ 4 miljuni għandu 1.1 m Sirjan mentri t-Turkija għandha 1.7 miljun refuġjat. It-Tanżanija, fejn id-dħul medju hu wieħed minn ħamsin tal-UE, laqgħet fi ħdanha mijiet ta’ eluf minn pajjiżi ġirien u mingħajr tgergir. Inżid ngħid li l-istess jista’ jingħad għal mijiet t’eluf ta’ Somali li ilhom snin jgħixu fil-Kenja. Madankollu, il-pajjiżi membri tal-UE tqanżħu biex jaċċettaw fuq perjodu ta’ sentejn 32,256 rifuġjat li waslu l-Greċja u l-Italja.
U hawnhekk, l-editorjal ta’ The Economist ħareġ bl-argument ekonomiku. L-Ewropa, jistqarr l-editorjal, għandha u jmessha tagħmel aħjar. U mhux biss għal raġunijiet morali, imma anke għal skopijiet eġositici. Il-manodopera Ewropea qiegħda tixjieħ u dalwaqt tibda tiċkien. Il-gvernijiet Ewropej iddejnu ħafna, liema dejn iridu jagħmlu tajjeb għalih il-ġenerazzjonijiet futuri. Dan se jkun aktar iebes jekk dawn il-ġenerazzjonijiet futuri se jonqsu. L-immigranti huma tipikament żgħar fl-età u lesti li jaħdmu. Għaldaqstant, jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni jekk l-Ewropa tuża l-vitalità tagħhom sabiex jerfgħu parti mid-dejn tal-pajjiżi tal-UE. Mhux faċli li dan jitwettaq politikament, u biex isir jeħtieġ riformi tas-swieq tax-xogħol.
L-immigranti jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni jekk l-Ewropa tuża l-vitalità tagħhom sabiex jerfgħu parti mid-dejn tal-pajjiżi tal-UE
Fl-ewwel lok, kompla The Economist, l-eżami tat-talbiet għall-ażil għandu jkun immedjat u ġeneruż - altru rifuġjat mis-Sirja u altru wieħed mill-Albanija jew mis-Serbja. Min jaqsam id-deżert u jaffronta l-baħar, x’aktarx ma jitgħażżinx meta jasal qawwi u sħiħ. Studji madwar id-dinja juru li iktar hemm ċans li l-immigranti jibdew negozju milli n-nies tal-lokal, anqas hemm ċans li jwettqu reati serji u jikkontribwixxu pożittivament għall-kaxxa tal-Istat. Lanqas mhu minnu li jieħdu x-xogħol u jnaqqsu l-pagi. The Economist jgħid li minħabba li jġibu ħiliet, ideat u konnessjonijiet ġodda, it-tendenza hi li jgħollu l-pagi tan-nies tal-lokal ħlief għal dawk ta’ bla snajja. L-immigranti wkoll jibbenefikaw bil-kbir għaliex ir-renju tad-dritt fl-Ewropa jippermettilhom jaħdmu aħjar u l-pagi tagħhom għalhekk jiżdiedu.
The Economist ikompli jgħid li verament hemm il-biża’ tal-impatt kulturali tal-immigrazzjoni u tat-terroriżmu Iżlamiku. Tali biżgħat mhumiex bla bażi u l-monitoraġġ tal-gruppi ġiħadisti jrid jiżdied. Imma r-risposta għall-mistoqsija kif l-Ewropa tista’ tassimila aħjar mal-immigranti hija sempliċi: ħallihom jaħdmu. Din il-formula, skont The Economist, taħdem sew f’Londra, New York u Vancouver. Ix-xogħol ibiegħed iż-żgħażagħ mill-għawġ u għalhekk il-politika li tħalli lill-immigranti jitgħażżnu, bħalma għandna Malta, hija daqshekk destruttiva. L-editorjal ta’ The Economist jikkonkludi li Ewropa aktar miftuħa bi swieq tax-xogħol aktar flessibli, tista’ ddawwar il-kriżi tar-refuġjati f’opportunità hekk kif għamlet l-Amerika fis-seklu għoxrin b’mewġiet suċċessivi ta’ refuġjati fosthom ħafna mill-Ewropa. Ħalluhom jidħlu u ħalluhom jaqilgħu l-flus, hu l-appell imqanqal ta’ The Economist.
Ix-xogħol ibiegħed iż-żgħażagħ mill-għawġ u għalhekk il-politika li tħalli lill-immigranti jitgħażżnu, bħalma għandna Malta, hija daqshekk destruttiva
Anke Malta qegħdin naraw xi wħud minn dawn il-benefiċċji ekonomiċi tal-immigrazzjoni. F’Santa Marija kelli diskursata ma’ imprenditur li tgħidx kemm faħħar il-ħaddiema barranin li għandu u speċjalment dawk Afrikani. Fl-industrija tal-kostruzzjoni, il-ħaddiema lokali naqsu sew u allura bil-fors l-imprendituri jkollhom jirrikorru għall-barranin u għall-extra-komunitarji. Ħasra jekk dawn ma jiġux ingaġġati regolarment minħabba l-liġijiet restrittivi tas-suq tax-xogħol tagħna għax dan jagħti lok għal sfruttament u għal anqas kontributi għall-fond tal-pensjonijiet li tant għandu bżonn, dak li aħna nsejħulu l-NI.
U t-tango? It-tango jidher li kien il-frott ta’ influssi migratorji f’Buenos Aires u Montevideo fl-aħħar snin tas-seklu dsatax. Twieled fil-briedel tal-kwartieri baxxi ta’ dawn il-bliet fejn il-vjolin tal-immigranti Lhud u l-accordion tat-Taljani taw bixra ġdida lir-ritmi tad-dixxendenti tal-iskjavi Afrikani. M’għandniex għalfejn immorru ’l bogħod għaliex anke pajjiżna mar ’il quddiem matul is-snin bl-influss ta’ nies minn kull ġens li ma damux ma integraw ruħhom sew fil-ħajja Maltija.
Jekk se nibqgħu nibżgħu mill-babaw, ħsara se nkomplu nagħmlu lilna nfusna.
Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph.