“Ħalluhom ħa jiġu għandi!”
Meta jkollok ħafna imwiet, dawn isiru statistiċi. Tal-inqas hekk jingħad li qal Himmler għall-Olokawst tal-Lhud. Mewta waħda, però tista’ tagħmel aħbar. Anzi, ritratt jista’ jkun aħjar anke jekk il-vittma tkun għadha ħajja. Jekk il-vittmi jkunu t-tfal, l-għagħa tkun akbar.
Hemm ritratt ta’ tifel Lhudi żgħir liebes beritta b’idejh mgħollija ’l fuq fil-getto ta’ Varsavja. Tifel imwerwer quddiem l-azzarini tas-suldati Nażisiti. Ara kemm rajna filmati ta’ kampijiet ta’ konċentrament u muntanji ta’ iġsma fi stat ta’ putrifikazzjoni, ir-ritratt ta’ dan it-tifel jibqa’ l-aktar wieħed ikoniku rappreżentattiv ta’ dak li għaddew minnu l-Lhud taħt Adolf Hitler.
Dwar il-gwerra tal-Vjetnam rajna ħafna ‘footage’ televiżiv oriġinali. Inħaddmu films f’Hollywood dwar din il-gwerra bla ħniena, daqs kemm għandi xagħar f’rasi. Iżda l-aktar ritratt ikoniku li jfakkar x’kienet tfisser din il-gwerra, hija tifla Vjetnamiża tiġri għarwiena fit-triq, b’idejha mgħollija ’l fuq u b’ġisimha ġerħa waħda, mismut u maħruq mill-bombi napalm. Bombi li ma kinux jiddistingwu bejn ċivili u kumbattenti. Fid-dagħdiegħa tal-preġudizzji u tpattija, anke l-aktar pajjiżi ċivilizzati jinbidlu f’barbari, b’mod speċjali meta l-mewt issir ħaġa ta’ kuljum u tindera.
Fit-traġedja li għaddejja minnha d-dinja bħalissa ta’ mijiet t’eluf ta’ nies li qed jaħarbu mit-terrur biex isibu ħajja ħafna aħjar minn fejn qegħdin, għal darb’oħra kellu jkun ritratt ta’ tifel żgħir mejjet, qisu rieqed fuq ir-ramel jitbaħbaħ fil-mewġ tal-baħar. Din id-darba, it-tifel li jismu Aylan u kunjomu Kurdi. Ritratt li bħalissa qiegħed jidher fuq kull sit elettroniku u kull stazzjon tat-TV.
Dwar din it-traġedja umana, smajna, rajna u qrajna ħafna. Smajna b’imwiet ta’ għexieren ta’ nies li jsibu l-qabar tagħhom fil-qiegħ tal-baħar Mediterranju. Smajna b’nies li biex jaħarbu mill-qirda li hemm f’pajjiżhom, saħansitra mietu ffriżati f’xi ‘container’ jew waqt li kienu moħbijin fis-sħana infernali ta’ magna ta’ karozza! Biex taħrab mill-biża’, anke l-mewt tissogra...istint li jinsab f’kulħadd.
Ngħid għalija, kieku jiena qiegħed fl-istess sitwazzjoni ta’ Sirjan, Libjan, Jemenit, Iraqqin, Afghan, u mitt pajjiż ieħor fejn hemm it-terrur, nagħmel dak kollu possibbli biex naħrab. Jekk għandi familja, ma rridx li ma jkollhiex ġejjieni. Nista’ nassigurakom, li kull wieħed minnha, kemm jekk iħares lejn din il-problema minn aspett uman u kemm jekk le, bħal dak il-Malti li fi Brussel jingħad li ta daqqa ta’ placard lil waħda Musulmana, żgur li nagħmlu l-istess. Ebda baħar imqalleb u ebda ħajt, ma jżommok milli taħrab biex tfittex futur aħjar.
Bħalma dejjem għidt, dak li qegħdin naraw, huwa proċess inarrestabbli li rridu naddottaw irwieħna għalih, sakemm il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi fejn hemm l-inkwiet ma jitjiebux. Inutli li nagħmlu diskorsi infjammatorji kontra l-immigranti irregolari. Għalxejn intellgħu l-ħitan, għax dawn se jibqgħu ġejjin bl-eluf tagħhom...u ngħidha b’wiċċi minn quddiem, għandhom ragun.
Għalhekk, flok naqgħu fid-disprament, ikun aħjar li nsibu soluzzjonijiet sabiex nagħmlu żewġ affarijiet. Ebda waħda minnhom ma hi dik li qiegħed jipproponi l-Prim Ministru konservattiv tal-Ungerija Viktor Orban. Fil-fehma tiegħi, għandu jkun hemm tqassim ġust ta’ dawn l-immigranti bejn il-pajjiżi kollha. Jiena nemmen li dan għandu jsir mhux biss bejn il-pajjiżi Ewropej, iżda anke dawk li mhumiex. L-aġenzija biex tagħmel din ir-ridistribuzzjoni għandha tkun il-Ġnus Magħquda. Din hija responsabbiltà globali u mhux reġjonali kif bħal donnha dejjem titpinġa. Proposta mhux għal kollox identika, jidher, li sa fl-aħħar qiegħda titressaq mill-Ġermanja bi kwalifika importanti ħafna, dan it-tqassim ma jkunx wieħed volontarju iżda wieħed mandatorju.
Dan l-aspett tal-problema kien qam xi snin ilu meta f’pajjiżna kien hemm amministrazzjoni oħra. Kien l-istess Simon Busuttil li niżel Malta u ħabbrilna li kienet saret rebħa kbira għal pajjiżna. Kien qal li nstabet sistema li fuq bażi volontarja, kull pajjiż fl-Unjoni seta’ jitlob li jieħu parti minn dawn l-immigranti. Dakinhar, il-Partit Laburista kien għamilha ċara li din ma kienet tfisser xejn. Issa jidher li l-Ġermanja, li jekk il-memorja għadha taqdini tajjeb, kienet kontra dan, bidlet il-pożizzjoni tagħha. Jista’ jkun li llum qiegħda tingidem, tant li dawk kollha li qegħdin jidħlu mill-Greċja u l-Ungerija qegħdin jagħmluha ċara li jridu jmorru l-Ġermanja.
Fl-aħħar nett, irridu naħsbu f’sistemi ta’ integrazzjoni. Hija ħasra li l-Prim Ministru konservattiv Ungeriż qiegħed jitkellem b’ilsien daqstant mimli preġudizzji. Qiegħed jibni l-argumenti tiegħu kontra dawn l-immigranti fuq kwistjonijiet reliġjuzi billi jinsisti li l-parti l-kbira minn dawk li qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom huma Musulmani u li b’hekk qed nikkompromettu l-valuri Kristjani. Ħaġa li ma jidhirx li ġrat la fil-Ġermanja, bil-preżenza qawwija ta’ Torok u l-anqas fl-Ingilterra jew Franza, li ilhom jilqgħu fosthom eluf ta’ nies minn eks kolonji tagħhom li jħaddnu l-fidi Musulmana.
Il-Prim Ministru Viktor Orban mhux jirrealizza, li b’dawn ix-xorta ta’ argumenti mhux biss mhux isolvi l-problema, iżda qiegħed ikabbarha. Ikun aħjar li jagħraf ir-realtà tas-sitwazzjoni u jirrassenja ruħu għall-programmi ta’ riintegrazzjoni aktar milli ta’ esklużjoni. Il-ħitan ta’ ħadid spinuż li jaqta’ mhux se jżomm dan il-proċess. Jista’ jkun li jservi l-iskop tiegħu għal żmien qasir ħafna, iżda mhux se jirrisolvi l-problema permanentament. Il-ħitan, jipposponu l-problema li dejjem tibqa’ tikber. L-ironija hi, li filwaqt li qiegħed jiddefendi l-fidi Kristjana, ma naħsibx li jaf x’qal Kristu fil-prietka minn fuq il-muntanja, fost oħrajn, li tagħti kenn lil min għandu bżonnu.
L-agħar li nistgħu nagħmlu f’sitwazzjoni bħal din, hu li nassoċjaw ir-reliġjon ma’ xi xorta ta’ ideoloġija politika. Inkunu qegħdin inħejju ‘cocktail’ perikoluż ħafna, li fl-istorja tagħha, l-Ewropa daqitu mhux darba jew tnejn b’konsegwenzi diżastrużi, anke bejn setet ta’ Kristjani stess, aħseb u ara fis-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha llum. Viktor Orban qiegħed jara sa mnieħru u ma jafx bil-ħsara kbira li qiegħed jagħmel.
Biex taħrab mill-biża’, anke l-mewt tissogra...istint li jinsab f’kulħadd
Għandu biss raġun wieħed, iżda għal raġuni differenti minn dak li semma hu, li l-Ewropa taħti in parti għal dak li qegħdin naraw jiġri. Għandha responsabbiltà storika għal dak li għaddej f’dawn il-pajjiżi, li ħafna minnhom kienu eks kolonji ta’ ħafna pajjiżi Ewropej u fejn sal-lum, għad għandhom interessi kapitalistiċi. It-terrur li qegħdin naraw f’dawn il-pajjiżi huwa bħas-susa ħierġa minn injam storiku antik.
Fl-aħħar nett, hemm raġuni oħra importanti u wkoll storika. Filwaqt li nammetti li dawn il-pajjiżi kienu taħt dittaturi, xi pajjiżi Ewropej kienu wisq mgħaġġla biex ineħħuhom, iżda mingħajr ma kellhom pjan ta’ kif se jimlew il-vojt li kienu se jħallu warajhom. Wara t-tneħħija ta’ dawn id-dittaturi, kull struttura ta’ dak li jagħmel stat, iġġarrfet u spiċċajna naraw xeni ta’ ‘free for all’ u ta’ min jiflaħ, iħawwel, bl-agħar forom ta’ formazzjonijiet fundamentalistiċi jgħaffġu fuq popolazzjonijiet sħaħ. Popolazzjonijiet li m’għandhom l-ebda għazla ħlief li jaħarbu mit-terrur tal-intolleranza.
Kull ma nista’ nagħmel hu, li nitlob skuza lil Aylan Kurdi li għazel li jissogra li jmut b’ħalib ommu fi snienu, milli jgħix fejn m’hemmx demokrazija sakemm jaqgħulu snienu.