It-tazza li ma tfur qatt
L-Editorjal tal-ILLUM
Ilbieraħ tħabbar li fir-Renju Unit il-Partit Laburista għandu mexxej ġdid, Jeremy Corbyn. Ir-reżistenza li ffaċċja mill-midja u mill-partit tiegħu stess kienet pjuttost kbira hekk kif saħansitra l-eks Prim Ministru Laburista Tony Blair kien ħareġ jgħid li rebħa għax-xellugi kienet se tfisser il-mewt ċerta tal-Partit Laburista Ingliż, li issa ilu fl-Oppożizzjoni mill-2010.
Ix-xellug u ċ-ċentru xellug, mhux biss fir-Renju Unit iżda madwar l-Ewropa kollha, kien ilu jaffaċċja kriżi ta’ identità għal bosta snin fejn riżultati elettorali wrew li anke fl-eqqel tal-kriżijiet ekonomiċi b’miżuri ta’ awsterità imposti fuq il-popli, il-votant xorta pprefera partiti taċ-ċentru lemin.
Jidher iżda li f’dawn l-aħħar snin huma ħafna dawk il-votanti Ewropej li tajjeb jew le, reġgħu qed jaraw tama f’partiti li għalihom il-ġustizzja soċjali u l-elevazzjoni tan-nies mill-faqar jiġu l-ewwel u qabel kollox. Huwa ċar li qed jinbena moviment fl-Ewropa, li jaf jibni saħħa kbira, ta’ nies li m’għadhomx jikkuntentaw bin-numri, li xebgħu jħallsu biex isalvaw il-banek u li ma jifilħux jgħixu aktar bil-loqom waqt li qaqoċċa nies jiffuxnaw fil-ġid. Ir-rebħa li għamel aktar kmieni din is-sena Alexis Tsipras fil-Greċja ġabet magħha ħafna inkwiet u mistoqsijiet. Però l-akbar inkwiet kien ta’ min jinsab komdu. Ara l-Griegi, dawk tkellmu mod ieħor. Għal darba, tnejn urew lill-Ewropa u lill-kumplament tad-dinja li mhux se jaċċettaw aktar li jiġbru l-loqom u jgħixu fil-miżerja. Għal darba, tnejn wrew li mhux lesti aktar li fl-2015 imorru f’xi kju biex forsi xi ħadd itihom loqma ħobż u platt għaġin.
U l-Laburisti Ingliżi lbieraħ ukoll għamluha ċara li mhux se joqgħodu għat-theddid u l-biża’ ta’ min jinsab komdu u alleaw ruħhom ma’ persuna li, ħobbu jew obgħodu, iħaddan il-prinċipji soċjali li suppost kull partit taċ-ċentru xellug iħaddan.
Anke lokalment, għidniha minn dan l-editorjal u nibqgħu ngħiduha, il-Gvern, suppost ċentru-xellugi Malti, ma jistax jibqa’ jiffesteġġja ma’ kull ċertifikat ekonomiku pożittiv u jieqaf hemm. Tajjeb li raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji u jalla jraħħas aktar, imma min jaħdem f’dak in-negozju gawda jew se jgawdi parti minn dak il-ġid? Tajjeb li niftaħru bil-profitti kbar li għamel dak il-bank u dak il-kuntrattur jew dak in-negozjant, imma l-persuni li jħaddem qed jaraw titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet? Tajjeb li ngħidu li l-pagi f’Malta qed jiżdiedu. Imma ta’ min qed tiżdied? Ta’ kulħadd jew tal-ftit? Tajjeb li niċċelebraw ir-ratings pożittivi ta’ Fitch u Moody’s, imma min jaqlagħha u jiekolha mhux bir-ratings jgħix.
U biex inkunu konsistenti ma’ dan il-ħsieb, li se jibqa’ jkun ċentrali għall-ġurnal ILLUM, ikollna bilfors nagħmlu referenza għall-istorja fuq il-faċċata tal-lum biex inġibu eżempju.
Hija aħbar ferm pożittiva li l-valur tal-proprjetà f’Bormla trippla f’dawn is-sentejn, aħbar li definittivament tfisser ħafna għal din il-belt. Iżda jkun żball li fl-ewforija ninsew li ż-żieda fil-valur tal-proprjetà ma tfissirx li se nħassru b’gomma l-problemi soċjali u l-faqar li għad hemm f’Bormla. Ifisser li min jinnegozja fil-proprjetà se jagħmel festa mistħoqqa u jaqla’ aktar flus. U min m’għandux proprjetà tiegħu? Min f’Bormla qed jgħix bl-eżatt? Min f’Bormla qiegħed f’impjieg prekarju u qed jikri? Min f’Bormla jgħix bir-relief? Dawn x’se jgawdu?
Għalhekk kull Gvern ċentru-xellugi jew anke xellugi jeħtieġ jifhem li, iktar iva milli le, it-tazza ta’ fuq ma tfurx waħedha anzi tikber biex ma tfur qatt. Għalhekk kull partit li jrid jissopravivi din iċ-ċaqliqa lejn ix-xellug fl-Ewropa jeħtieġ jifhem li meta t-tazza ta’ fuq ma tfurx, jeħtieġ ikun hu stess li jferra, ħalli mill-ġid igawdi kulħadd u ma jaqa’ lura ħadd. Hekk titlob il-ġustizzja soċjali.