Inkunu rġiel
In-nuqqas ta’ ġenerożità tagħna l-Maltin quddiem il-katakliżma umana li qed tiżvolġi fil-Mediterran u fl-Ewropa qajla jagħmel sens. Żgur li Malta in ġenerali qatt ma kienet daqshekk sinjura daqs kemm hi llum u ħadd m’għandu għalfejn jitlaq xtutna bħalma kien jiġri sa erbgħin sena ilu. Hawn verament kriżi ta’ xogħol imma mhux għax min irid jaħdem ma jsibx jaħdem imma għax min irid iħaddem ma jsibx min irid jaħdem. Tmur fejn tmur u titkellem ma’ min titkellem, ma tiltaqax ħlief ma’ imprendituri jilmentaw li ma jsibux b’min jaħdmu u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ikollhom iqabbdu barranin u anke extra-komunitarji.
M’għandhomx għalfejn jitkażaw il-kelliema tal-Gvern li nofs l-impjiegi li qed jinħolqu qed jittieħdu mill-barranin. Din hija sitwazzjoni li ġabha l-aktar il-Gvern attwali li reġa’ qajjem ix-xitan tal-impjieg mal-gvern. Kull min jista’ qed jabbanduna s-settur privat biex jakkwista impjieg fis-settur pubbliku fejn il-kundizzjonijiet ħafna drabi jkunu aktar rilassati (speċjalment bil-prattika assurda u anakronistika ta’ nofstanhari fi tliet xhur u nofs tas-sena!) Il-pressjoni mill-bażi tal-Partit Laburista li ddabbar rasha fis-settur pubbliku tidher li hija kbira u l-Gvern qed jagħmel mill-anqas biex jirreżistiha.
Dan kollu qed joħloq diffikultajiet kbar fis-settur privat. Qed tiddakkar bil-kbir l-etika tax-xogħol fost il-ħaddiem Malti. Kif qalli imprenditur ewlieni Għawdxi nhar il-Ġimgħa, allaħares kien hawn aktar xogħol (u f’Għawdex tal-anqas, għadu jinħass nuqqas kbir ta’ xogħol), għax kieku ma jkunx hawn b’min isir dan ix-xogħol.
Fuq l-ekonomija nitkellmu darb’oħra: minkejja t-trijonfaliżmu uffiċjali, l-istatistika u r-rating agencies, f’bosta setturi, il-qagħda mhix sabiħa daqs kemm tingħata impressjoni li hi. Imma llum nixtieq inkompli nitkellem fuq it-tema tal-immigrazzjoni. Il-fatt jibqa’ li l-qagħad huwa f’livell mill-aktar baxx: f’Lulju li għadda n-numru ta’ nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 5,062, tnaqqis sostanzjali ta’ 1,772 fuq il-figura ta’ 6,834 ta’ sena qabel. Figura oħra sinnifikattiva ngħatat din il-ġimgħa mit-Times dwar in-numru ta’ persuni li ħadu viża ta’ residenza hawn Malta fis-sena li għaddiet. B’kollox, ingħata 13,800 permess, żieda ta’ 53% fuq is-sena ta’ qabel. Minn dawn, 3,500 kienu Libjani, id-doppju tan-numru fl-2013 filwaqt li 1,400 permess ingħata lil Russi u 1,200 lil Filippini. 100 permess biss inħareġ lil Sirjani fl-2014 u fl-2013.
13,800 permess ta’ residenza f’sena mhix ċajta. Barra minn hekk, is-sena l-oħra, 1,213-il persuna b’xi mod jew ieħor saru ċittadini Maltin. Jiġifieri s-sena l-oħra, ħmistax-il elf ruħ akkwistaw id-dritt li jgħixu u jaħdmu f’Malta mingħajr xkiel ta’ xejn. U ħadd ma tniffes. Barra minn hekk, eluf ta’ ċittadini komunitarji qegħdin jiġu jaħdmu Malta. Naħseb li kulħadd issa dera jinqeda minn xi waiter barrani f’xi bar jew ristorant. Kif stqarr il-Ministru Bartolo xi jiem ilu, nofs l-impjiegi li qed jinħolqu qed jimtlew minn ‘barranin’ fil-maġġorparti, ċittadini komunitarji. U dan peress li ħafna Maltin saru jiddarsu jaħdmu f’oqsma bħal dak tal-ospitalità, tindif jew bini meta jistgħu jsibu impjieg faċli mal-gvern.
Minkejja dan ix-xenarju, għall-mistoqsija li tpoġġiet fuq il-portal ta’ dan il-ġurnal din il-ġimgħa, “Taqbel li bħala sinjal ta’ solidarjetà, Malta għandha taċċetta li żżid il-kwota ta’ immigranti b’133 persuna?”, anqas minn 19% irrispondew fl-affermattiv mentri 79% kienu kontra minħabba li skonthom, pajjiżna huwa żgħir wisq jew minħabba li m’għandniex riżorsi. L-appell li għamlu xi kunsilliera sabiex il-Kunsill tagħhom jadotta familja ta’ rifuġjati ma tantx sab appoġġ u l-kunsilliera Laburisti li tkellmu, kienu kontra din l-idea. U min-naħa tal-gvern, l-atteġjament kien wieħed ġenerali ta’ bruda. Tassew mewġa ta’ inospitalità!
Wieħed irid jgħid li dan mhux atteġġjament partikolarment Malti, għalkemm dan ma jistax iservi ta’ skużanti. Anke f’pajjiżi oħra bħad-Danimarka u fl-Ewropa tal-lvant m’hemmx entużjażmu sabiex jilqgħu r-rifuġjati. Imma l-iżvilupp inkredibbli ta’ dan is-sajf kien kif l-opinjoni pubblika Ġermaniza biddlet l-atteġjament tagħha bir-riżultat li anke Merkel kellha tadotta pożizzjoni differenti min dik ta’ ftit ġimgħat qabel. Matul l-ewwel tmien xhur tal-2015, 413,000 applikaw għall-ażil fil-Ġermanja. Dan kien 40% tat-total ta’ applikazzjonijiet fl-UE B’kollox, 800,000 mistennija japplikaw matul is-sena. Minkejja dan, stħarriġ tal-opinjoni riċenti juri li l-perċentwal ta’ Ġermaniżi li jaċċettaw aktar refuġjati, żdied minn 57% f’Awwissu għal 59%; 96% iħossu li dawk li qed jaħarbu mill-gwerra jew mill-vjolenza huma intitolati għall-ażil. Merkel għamlet kif is-soltu tagħmel: qrat, korrettament, is-sentiment pubbliku u fetħet il-bibien tal-Ġermanja għal aktar rifuġjati.
Anke fl-Italja, kien hemm bidla fis-sentiment pubbliku: stħarriġ tal-opinjoni pubblika magħmul għall-ġurnal Repubblica din il-ġimgħa wera li l-perċentwal ta’ nies li jaħsbu li l-immigrazzjoni hija periklu għas-sigurtà niżel minn 42% f’Ġunju għal 35%. U fl-Ingilterra lbieraħ kien hemm dimostrazzjoni enormi, li għaliha attenda l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, Jeremy Corby, sabiex ir-Renju Unit jadotta pożizzjoni aktar miftuħa fir-rigward ta’ din l-emerġenza umanitarja.
In-nies qed jaħarbu mis-Sirja u mill-Afghanistan mhux b’kapriċċ. Il-gwerra ċivili fis-Sirja issa ilha għaddejja erba’ snin u nofs u mietu tal-anqas kwart ta’ miljun ruħ. In-numru ta’ refuġjati Sirjani f’pajjiżi ġirien, l-aktar il-Libanu, it-Turkija u l-Ġurdan, qabeż 4 miljuni mentri 2.5 miljuni qegħdin fl-Għarabja Sawdita għalkemm mhux rikonoxxuti bħala rifuġjati. Barra minn hekk, il-UNHCR tistma li hemm 7.6 miljun Sirjan li kellu jitlaq daru u jmur jgħix x’imkien ieħor fis-Sirja stess. Dan f’pajjiż b’popolazzjoni ta’ 18-il miljun.
In-nies li qegħdin jaħarbu mis-Sirja qed jagħmlu hekk mhux biss minħabba l-ISIS imma anke minħabba l-atroċitajiet tal-armata ta’ Bashar al-Assad. U hekk kif ir-reġim ta’ Assad jersaq lejn xifer il-preċipizju u jsoffri aktar telfiet militari (xi xhur ilu kien jikkontrolla biss 30,000 kilometru kwadru jew wieħed minn sitt partijiet mis-Sirja) u ftit hemm prospetti ta’ xi ħaġa aħjar minn Assad, min jagħti tort lil min qata’ qalbu jistenna fil-kampijiet tar-refuġjati u jipprova jibni futur aħjar fl-Ewropa jew x’imkien ieħor? Barra mill-fatt li l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda m’għandhomx fondi sabiex ikomplu jitimgħu dawn ir-rifuġjati.
Meta wieħed jiftakar li hawn Malta ġew mijiet ta’ immigranti Sirjani għar-raġunijiet strettament ekonomiċi f’dawn l-aħħar għoxrin sena u ħadd ma tniffes, wieħed jista’ biss jattribwixxi dan in-nuqqas ta’ merħba mill-poplu tagħna għal ftit mijiet ta’ refuġjati Sirjani bħala frott ix-xenofobija u l-eġoiżmu. Ċertament ma jgħinux f’dan ir-rigward il-kummenti tal-Prim Ministru Muscat li Malta trid tkun kawta fil-ħruġ ta’ viżi umanitarji minħabba l-biża’ ta’ infiltrazzjoni mill-ISIS. Verament din mhix biża’ biss ta’ Muscat għax bosta politiċi tal-lemin esprimew l-istess biża’. Imma wieħed ma jimmaġinax li min hu fl-ISIS se jirriskja ħajtu fuq dgħajsa biex jaqsam il-Mediterran meta ħafna minnhom għandhom passaport Ewropew. Meta din il-ġimgħa, ġurnal Ġermaniż saqsa lil Merkel jekk wieħed jista’ jeskludi li fost il-persegwitati jkun hemm kriminali u terroristi, ir-risposta ta’ Merkel kienet pjuttost klinika. Qalet li għas-sigurtà tagħna, jeħtieġ li jitwettqu kontrolli mill-aktar rigorużi u hu importanti li r-refuġjati jiġu reġistrati fil-pajjiż Ewropew fejn l-ewwel jaslu biex wieħed jivverifika jekk hemmx xi informazzjoni dwarhom.
Imma fl-ebda ħin ma Merkel ġabet dan it-tħassib dwar is-sigurtà bħala pretest biex il-Ġermanja ma tiftaħx il-bibien tagħha għal din il-mewġa ta’ refuġjati Sirjani. U s-sieħba soċjaldemokratiċi fil-Grosse Koalition jaqblu perfettament: il-viċi-kanċellier u kap soċjaldemokratiku, Sigmar Gabriel stqarr li l-Ġermanja hija lesta li tieħu nofs miljun rifuġjat Sirjan fis-snin li ġejjin. Ironikament huma l-alleati konservattivi Bavariżi li qed jistonaw u ma jaqblux mal-pożizzjoni tas-CDU u l-SPD.
Min-naħa tal-gvern, l-atteġjament kien wieħed ġenerali ta’ bruda. Tassew mewġa ta’ inospitalità!
Il-politiċi Maltin ilhom is-snin iħambqu fuq id-dmir tal-Ewropa li taqsam il-piż tal-immigrazzjoni li jaslu fi ħdanha. Qajla basru li bħalma ġara fil-passat, l-immigrazzjoni ma tgħaddiex biss min-nofs il-Mediterran. Issa li r-refuġjati sabu t-triq aktar faċli li jaqsmu mill-kosta Torka għal gżejjer Griegi li huma biss ftit kilometri ’l bogħod, irridu aħna nġorru parti mill-piż ukoll. U m’għandniex għalfejn nagħmlu stejjer kbar għax barra li nkunu qed nirrispettaw l-obbligi umanitarji u morali tagħna, m’hemm xejn barra minn hawn li nospitaw 500 ruħ u anke aktar. Barra minn hekk se nibbenefikaw ekonomikament kif għamel kull min laqa’ fi ħdanu l-immigrazzjoni.
Nistennew li l-pożizzjoni ta’ Malta fis-summit straordinarju tal-mexxejja tal-UE li se jsir għada tkun waħda pożittiva u konsonanti mat-tradizzjoni ta’ ospitalità ta’ pajjiżna matul is-sekli. Pożizzjoni li ma tkunx imsejsa fuq konsiderazzjonijiet popolisti u xenofobi biex nissodisfaw minoranza storbjuża li jagħmlu għaġeb kull meta jaslu xi immigranti jew rifuġjati fostna.
Segwi l-aħħar żviluppi internazzjonali fuq il-paġna tiegħi ta’ Facebook jew Twitter @ellisjoseph.