L-ILLUM jgħid: Qed jitilgħu l-ħitan fl-Ewropa!
Erġajna qed ngħixu ż-żmien tal-ħitan u tal-kontroll wara snin niftaħru b'Ewropa bla fruntieri
L-Ewropej ilhom snin issa jiftaħru bil-fatt li bħala Unjoni Ewropea aħna kontinent mingħajr fruntieri. Anke lokalment, bħas-soltu b'argumenti xi ftit jew wisq pwerili u li ma jmorrux ċentimetru lilhinn mill-wiċċ, konna niftaħru li issa żmien il-kju spiċċa. Hekk inbiegħet lill-Maltin l-idea tax-Shengen u hekk xtraha l-proplu Malti. Is-sistema li permezz tagħha tista ssiefer mingħajr passaport, bl-ID card biss u li tqabbeż il-kju fl-ajruport.
Min jaħdem fil-midja jista jaħseb li qed neseġera jew qed inkun simplistiku, imma fir-realta' għal ħafna l-kunċett tax-Shengen kien jeżisti ximkien fis-sema'. Issa, imma, il-kunċett tal-moviment ħieles ta' persuni, servizzi u oġġetti qed jolqotna fil-laħam il-ħaj. Issa l-ħafna diskors ta' Ewropa mingħajr fruntieri qed jisfuma xi ftit.
L-Ungerija bniet ħajt u l-Awstrija u l-Ġermanja qed iżidu l-kontrolli f'stazzjonijiet minn fejn qed jidħlu eluf ta' persuni li qed ifittxu ħajja aħjar. Il-mistoqsijiet jiġu waħedhom allura. Għalkemm il-miżuri ta' sospensjoni tax-Shengen f'ċerti pajjiżi u ċerti żoni huma temporanji, kemm jgħidu dawn il-miżuri dwar ir-rieda tal-Ewropej illi verament ikollna kontinent bla fruntieri? Kemm hija ideali li jkollna kontinent fejn kulħadd jgħaddi minn pajjiż għall-ieħor mingħajr sistema robusta u iebsa biżżejjed ta' sigurta'? Kemm hija pratikkabbli l-idea tax-Shengen fid-dawl ta' eluf kbar ta' persuni li qed ifittxu kenn fl-Ewropa?
Solidarjeta' iva, imma solidarjeta' ma jfissirx li jkollna sistemi u politika ta' kontrolli fuq il-fruntieri li huma dgħajfin. B'dak li qed iwettqu pajjiżi Ewropej stess, il-Ġermanja xejn inqas, nħossu li huwa żmien propizju biex nistaqsu lilna nfusna jekk fir-realtajiet il-ġodda ta' movimenti kbar ta' nies minn kull angolu, lejn l-Ewropa, il-kunċett tax-Shengen għandux jibqa' bla mittiefes jew inkella għandux ikun diskuss mill-ġdid.