Mhux b’kapriċċ

"Quddiem din is-sitwazzjoni tassew imħawda, ħadd m’għandu jażżarda li jgħid li min qed jirriskja kollox biex jasal fl-Ewropa qed jagħmel dan b’kapriċċ"

Quddiem din is-sitwazzjoni tassew imħawda, ħadd m’għandu jażżarda li jgħid li min qed jirriskja kollox biex jasal fl-Ewropa qed jagħmel dan b’kapriċċ
Quddiem din is-sitwazzjoni tassew imħawda, ħadd m’għandu jażżarda li jgħid li min qed jirriskja kollox biex jasal fl-Ewropa qed jagħmel dan b’kapriċċ

Ix-xeni li qed naraw fuq it-televiżjonijiet tagħna huma tassew apokalittiċi li wieħed jittama li qatt ma jkollna ngħaddu minnhom. Spiss nistħajjilni qed nara xi film ta’ Hollywood dwar xi katakliżma naturali jew xi wasla ta’ aljeni fostna b’mijiet ta’ eluf u anke miljuni ta’ nies jaħarbu b’ta’ fuqhom senduqhom minn darhom sabiex isibu kenn x’imkien fiż-żgur.  Ma tistax ma timpressjonax ruħek meta tara mijiet, jekk mhux eluf, ta’ refuġjati, l-aktar maħrubin mill-Gwerra Ċivili Sirjana. Jippressaw biex jgħaddu mill-fruntiera magħluqa Ungeriża biex jispiċċaw jaħarbu mill-gass tad-dmugħ tal-pulizija Ungeriża. Dak li kien baqa’ li jgħaddu minnu dawn l-imsieken wara li kellhom jaħarbu minn darhom, jgħixu għal ħafna żmien f’kampijiet tar-refuġjati u jimxu mijiet ta’ kilometri.

Dawn ix-xeni jfakkruni fil-passat riċenti meta miljuni ta’ Ġermaniżi kellhom jaħarbu mill-artijiet anċestrali tagħhom fil-Prussja tal-lvant u miċ-Ċekoslovakkja fi tmiem it-tieni gwerra dinjija kif ukoll fix-xeni ta’ nofs miljun Taljan li kellu jaħrab mill-Istrija wara li din spiċċat f’idejn il-Jugoslavja ta’ Tito.  Ilkoll tafuha l-kanżunetta ta’ Sergio Endrigo, L’arca di Noè li kien kantaha ma’ Iva Zanicchi fil-Festival ta’ San Remo tal-1970 u ġiet it-tielet .

Partirà

la nave partirà

dove arriverà

questo non si sa

sarà come l'Arca di Noè

il cane, il gatto, io e te

Endrigo kien twieled fil-belt ta’ Pola, illum Pula u kellu jaħrab lejn l-Italja fl-1947.  Beda jaħdem fl-Excelsior tal-Lido di Venezia u jagħmel xi xogħol waqt il-Mostra del Cinema qabel ma beda l-karriera mużikali li eventwalment ġabitlu s-suċċess. Sibt verżjoni ta’ din il-kanżunetta fuq YouTube u taħtha kien hemm dan il-kumment ta’ xi wieħed li probabilment kien ukoll refuġjat Istrijan.

This song always makes me cry. I emigrated from Trieste to Australia in 1959. If someone were to play a song at my funeral, this would be it. This song is for all emigrants and refugees and boat people everywhere, always. Thank You.

Vera kliem tad-deheb.  Jitlaq il-vapur imma ħadd ma jaf fejn se jasal.  Kif qed jiġri lill-eluf li qed iħabbtu fuq il-bibien magħluqa tal-Ewropa. L-istess esperjenza għaddew minnha l-konazzjonali tagħna meta kellhom jitilqu minn Smirna fl-1922 wara li t-Torok ħadu lura l-kontroll ta’ din il-belt, l-Eġittu fis-snin ħamsin meta tkeċċew minn Nasser u mill-Alġerija u t-Tuneżija wara l-indipendenza fis-snin ta’ wara. Ħabib anzjan tiegħi, imwieled Kostantinopli u li dalwaqt jagħlaq disgħin sena, jirrakkonta sikwit dwar familja li kien jaf Bormla li kienet ħarbet minn Smirna fuq destroyer Ingliż. U l-kuġini tiegħi ta’ Franza qatt ma jonqsu li jirrakkontaw meta niltaqgħu kif kellhom jaħarbu minn Bona meta l-Alġerija ħadet l-indipendenza fl-1962.  Ħallew il-karozzi fuq il-moll u meta salpaw lejn Franza, ma tantx kellhom merħba tajba. Il-Komunisti ppruvaw jibbojkotjaw l-irmiġġ tal-vapuri f’Marsilja u laqgħuhom bi strixxuni biex imorru lura lejn l-Alġerini.  Il-Franċiżi tal-Alġerija, il-piednoirs, illum huma integrati fi Franza u wħud minnhom avvanzaw fil-karriera minkejja d-diffikultajiet kbar li ltaqgħu magħhom fis-snin sittin. Franza ma fallietx bil-wasla tagħhom, anzi, kellha bżonn il-manodopera tagħhom u ffjorixxiet. Imma għal ħafna minn dawn il-piednoirs kienet esperjenza verament trawmatika. Ċertu Magro li l-familja tiegħu toriġina minn Ħal-Qormi u kienet fost minn tal-ewwel li emigrat lejn l-Alġerija fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax irrakkontali kif missieru qatt m’aġġusta għall-ħajja ġdida fin-nofsinhar ta’ Franza, anke minħabba l-klima.  Fl-Alġerija, kien irabbi l-bhejjem u fi Franza pprova jibda negozju tal-ġwież imma l-impriża tiegħu falliet.  Tilef kollox imma assolutament ma riedx jinfatam miż-żiemel li kien ħa miegħu mill-Alġerija.

Meta wieħed jaqra ċertu kummenti fuq il-ġurnali u fuq is-siti tal-internet, wieħed spiss jistagħġeb dwar in-nuqqas ta’ simpatija li bosta juru fir-rigward ta’ dawn ir-refuġjati.  Għal ħafna dawn m’huma xejn ħlief immigranti ekonomiċi. Ma neskludiex li hemm minnhom f’din il-kategorija, imma huwa ċar daqs il-kristall li fil-maġġorparti huma każijiet ġenwini ta’ refuġjati, nies li jaħarbu minn gwerra ċivili selvaġġa li s’issa swiet il-ħajja ta’ xi 300,000 ruħ. Kif għidt il-ġimgħa l-oħra, n-numru ta’ refuġjati Sirjani f’pajjżi ġirien - l-aktar il-Libanu, it-Turkija u l-Ġordan, qabeż l-4 miljuni, mentri 2.5 miljuni qegħdin fl-Għarabja Sawdita għalkemm mhux rikonoxxuti bħala rifuġjati. Barra minn hekk, l-UNHCR tistma li hemm 7.6 miljun Sirjan li kellu jitlaq daru u jmur jgħix x’imkien ieħor fis-Sirja stess. Dan f’pajjiż b’popolazzjoni ta’ 18-il miljun. 

Kont ktibt fit-tul dwar din il-gwerra ċivili Sirjana fl-artiklu tiegħi “Anniversarju Mdemmi” fil-ħarġa tas-16 ta’ Marzu 2014.  Kont spiċċajt billi għidt “Il-konflitt Sirjan mistenni jkompli bla ebda naħa ma jirnexxielha tasserixxi ruħha fuq in-naħa l-oħra għal bosta żmien.” Sfortunatament, kelli raġun. Madankollu, fl-aħħar sena u nofs kien hemm żviluppi mhux mistennija. Mix-xejn, tfaċċaw l-ISIS li fi ftit żmien okkupaw medda enormi ta’ territorju kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq li jestendi minn Aleppo sa Damasku sa Bagħdad. Illum miljuni jgħixu taħt il-ħakma brutali tal-ISIS.

L-ISIS hija l-aħħar mutazzjoni ta’ Al Qaeda fl-Iraq u hija tant imdemmija li anke Al Qaeda ppruvat tiddissassoċja ruħha minnha. Fil-fatt, Al Qaeda għandha l-affiljat tagħha fis-Sirja, Al Nusra li hija marġinalment aktar umana u mhux l-ewwel darba li spiċċat tiġġieled mal-ISIS. Imma l-momentum hu kollu favur l-ISIS li għadha tattira eluf ta’ rekruti minn pajjiżi Għarab u anke mill-punent bl-ideoloġija/teloġija tagħha ta’ vjolenza mdemmija, poter brutali, skjavitù u sfruttament sesswali. 

Ir-rispons tal-Amerikani wara l-waqgħa drammatika ta’ Mosul fl-Iraq, kien li jiffurmaw alleanzi ta’ pajjiżi li lesti li jieħdu sehem f’kampanja mill-ajru. Min stenna li din il-kampanja mill-ajru waħedha mingħajr l-hekk imsejħin boots on the ground kien se jkollha suċċess ta’ malajr, kien tassew żbaljat. 

L-uniċi nies li qegħdin joffru resistenza serja lill-ISIS huma l-kurdi, kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq. Il-kurdi hu poplu li wara l-waqgħa tal-imperu Ottoman fl-1918 spiċċa maqsum bejn it-Turkija, is-Sirja, l-Iraq u l-Iran. Fl-Iraq, illum igawdi awtonomija wiesgħa u fis-Sirja, il-Kurdi wkoll qed jasserixxu ruħhom wara li rnexxielhom jirreżistu l-attakk tal-ISIS bl-għajnuna indispensabbli tal-appoġġ mill-ajru tal-Amerikani. Il-Kurdi Sirjani issa qed jokkupaw aktar territorju u dan qed jinkwieta lit-Torok li huma suspettużi ta’ kwalunkwe attentat tal-Kurdi li jwaqqfu Kurdistan.

Din is-sitwazzjoni ġiegħlet lill-President Tork Erdogan, il-vera dominus tat-Turkija li jbiddel it-tattika. It-Turkija dejjem żammew lura milli jattakkaw lill-ISIS u lanqas ħallew lill-Amerikani jużaw il-bażijiet tagħhom fit-Turkija fl-offensiva tagħhom kontra l-ISIS. Effettivament, hemm raġunijiet biżżejjed li wieħed jikkonkludi li l-ISIS ma kienx ikollhom is-suċċess li kellhom kieku ma kellhomx l-għajnuna taċita u mhix tat-Torok li jridu akkost ta’ kollox jeħilsu minn Bashar Al Assad. Assad min-naħa tiegħu wkoll jgħinhom billi ħeles lir-radikali Iżlamiċi mill-ħabsijiet tiegħu ħalli jpinġi ruħu bħala difensur kontra l-Iżlamiżmu radikali u brutali.

F’dawn l-aħħar xhur, ir-reġim ta’ Assad, minkejja l-għajnuna kbira Iranjana u ta’ Ħeżbollah, kellu bosta telfiet militari. Tilef Idlib u Palmyra fejn hemm rovini impressjonanti ta’ ċiviltà kbira tal-era Rumana. Anke l-għoljiet ta’ ħdejn Damasku waqgħu f’idejn ir-ribelli. Ta’ min jgħid, għax ħafna drabi dan jintesa, li l-forzi tal-gvern fis-Sirja qegħdin iwettqu brutalità kbira u barra l-użu ta’ armi kimiċi, qed joqtlu indiskriminament mill-ajru bit-tfiegħ ta’ tankijiet mimlijin splussiv u ħadid. Ir-rifuġjati qed jaħarbu mill-atroċitajiet tar-reġim ta’ Assad kif ukoll tar-ribelli fosthom l-ISIS u mis-sitwazzjoni ferm diffiċli li qiegħda toħloq il-gwerra ċivili.  

Jitfaċċa fuq ix-xena (mhux għax kien wisq assenti) Putin u r-Russi, li f’dawn l-aħħar ġimgħat kienu qed ifornu lir-reġim t’Assad b’aktar armi, inkluż ajruplani u tankijiet kif ukoll suldati. Probabbilment, Putin qed jipprospetta l-kollass imminenti tal-aħħar alleat russu fil-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, qed jipprova joħroġ mill-iżolament internazzjonali tiegħu wara l-avventura Ukrena (fejn jidher li issa qed jabbanduna r-ribelli tad-Donbass) u jipprova jagħmel front komuni mal-alleati tal-punenti kontra l-ISIS. Skont xi sorsi, is-servizzi sigrieti Russi stmaw li hemm 1,700 ġellied tal-ISIS li huma ċittadini Russi jew mill-eks Unjoni Sovjetika u dan qed jinkwieta lil Putin.

F’daqqa waħda, l-Amerikani u r-Russi reġgħu bdew jitkellmu u dan anke sabiex jevitaw konflitt aċċidentali fl-ispażju tal-ajru Sirjan. Żgur li se jkun hemm aktar ċarċir ta’ demm qabel id-‘denouement’ finali u għalkemm, il-potenzi kollha jridu li l-fruntieri tal-aħħar mitt sena ma jinbidlux, huwa ferm improbabbli li jiġri x’jiġri, se nirritornaw għall-fruntieri li uffiċjal Brittaniku, Mark Sykes u ieħor Franċiż, Francois-Georges Picot pittru fl-1915 sabiex jaqsmu t-territorji Għarab wara l-waqgħa tal-imperu Ottoman f’żoni ta’ influwenza Brittanika u Franċiża. 

Quddiem din is-sitwazzjoni tassew imħawda, ħadd m’għandu jażżarda li jgħid li min qed jirriskja kollox biex jasal fl-Ewropa qed jagħmel dan b’kapriċċ. Altru milli hu hekk.

Segwi l-iżviluppi nternazzjonali fuq il-profil tiegħi ta’ Facebook jew Twitter @ellisjoseph.

More in Blogs