Reġġgħu lura l-wirt t’Austin Gatt
L-Editorjal tal-ILLUM
Din il-ġimgħa, il-pajjiż sar jaf biċċa oħra mill-wirt imprezzabbli li ħalla warajh l-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt. F’nofs ġurnata ta’ strajk mill-impjegati fit-trasport pubbliku ġie għall-konoxxenza pubblika li Gatt, lura fl-2012, bħala Ministru responsabbli mill-bidu tal-akbar qassata fit-trasport pubbliku kien daħħal liġi li prattikament toqtol id-dritt li ħaddiem jieqaf fuq strajk, filwaqt li toqtol l-effettività tiegħu.
Jidher, tal-anqas mill-informazzjoni li ħarġet s’issa li fl-istess sena, l-istess Ministru kien introduċa liġi li permezz tagħha, strajk jew le, 50% tas-servizz irid dejjem jingħata. Liġi allura li qed tgħaffeġ fuq id-dritt divin imnaqqax fil-liġi tax-xogħol li ħaddiem, hu min hu, ikollu dritt li jieqaf għal xi żmien mix-xogħol meta kull diskussjoni tkun falliet. Għax jekk toqtol l-effetività ta’ strajk, mela allura qed toqtol l-għan tal-istess għodda. U jekk toqtol l-għodda tal-istrajk, qed toqtol l-effetività tal-vuċi tal-ħaddiem meta dan jara d-drittijiet tiegħu jitnaqqru biċċa, biċċa.
Din il-ġimgħa, hekk kif Gatt jinsab paxxut fl-eżilju politiku, mijiet ta’ ħaddiema ħarġu jistrajkjaw quddiem tnaqqis fil-kundizzjonijiet tagħhom. Veru, il-kumpanija Spanjola ġabha lejn pajjiżna l-Ministru Joe Mizzi, imma meta konna ħsibna li d-dnubiet tal-passat, mhux ta’ Gatt biss iżda tal-qaqoċċa ta’ madwaru fl-aħħar leġiżlatura ta’ Gonzi, kienu ntesew, ifeġġ salvauomo. Mhux salvauomo għall-ħaddiem, ma tarax! Mhux salvauomo għall-passiġġier, ma tarax! Le, salvauomo tal-Gvern preċedenti għall-kumpanija, hi liem hi, biex tkun tista’ tilgħab bil-kundizzjonijiet tal-ħaddiem kemm trid bl-għarfien li jiġri x’jiġri, rasha mistrieħa minn liġi tal-mistħija.
Minkejja l-inkonvenjent li strajk bħal ta’ nhar il-Ħamis jista’ joħloq, din il-gazzetta temmen li miżuri a la Margaret Thatcher, li b’xi mod jew ieħor għandhom l-għan li jnaqqru mid-dritt ta’ ħaddiem li jistrajkja, sakemm it-tali strajk ma jkunx ta’ periklu għas-sigurtà tal-pajjiż u tal-buon ordni, hija tal-mistħija u għandha titreġġa lura.
Dan il-Gvern, jekk verament irid juri li huwa differenti minn ta’ qablu, għandu opportunità tad-deheb biex jaqbad din il-liġi li tirrestrinġi d-dritt ta’ strajk, u jarmiha fil-landa taż-żibel, fejn jixraqilha.
Imma mhux hekk biss. Dan il-Gvern għandu jevalwa sew id-deċiżjoni li ħa meta għażel lil kumpanija privata barranija biex tmexxi t-trasport pubbliku. Il-passiġġier qed jinqeda aħjar? Qed jaslu fil-ħin għax-xogħol in-nies? Tal-linja qed tasal fil-ħin? U fl-aħħar u mhux l-anqas, il-ħaddiem f’dan il-qasam qiegħed aħjar jew agħar?
Jekk jidhirlu li r-risposta hija fil-pożittiv, mela l-Ministru Mizzi jista’ jorqod b’kuxjenza safja. Imma jekk le, mela allura l-Gvern preżenti għandu jreġġa’ lura mhux biss il-liġi tal-mistħija li tirrestrinġi d-dritt tal-istrajk, imma l-wirt tal-eks-Ministru Nazzjonalista li jagħti dan is-servizz lill-kumpanija barranija. Huwa ċar li minkejja l-għaġeb kollu Malti għal dak kollu li huwa barrani, fejn jidħol trasport pubbliku, kemm l-Arriva kif ukoll l-ALESA, fallew.
Il-Gvern għandu jkollu l-kuraġġ ireġġa’ lura wirt Austin Gatt f’dan il-qasam. Wara kollox wirt mimli bużulotti jkun qed ireġġa’ lura. Dan dejjem jekk il-Gvern preżenti mhux qed iħossu komdu bil-bużullotti li qed jiġru bħalissa, sempliċiment għax qed jiġru taħtu