Djarju ta’ bużulotti fuq erba’ roti
Issa xbajna fuq li xbajna f’dan il-pajjiż b’teatrin fuq ieħor fejn jidħol it-trasport pubbliku u meta ngħid li xbajna u tqażżiżna qed nitkellem għalija nnifsi u għal mijiet oħrajn li jiddependu mit-trasport pubbliku biex imorru minn post għad-destinazzjoni aħħarija tagħhom.
Xbajna nistennew fuq stejġ b’xarabank li ma tidher li trid tasal qatt. Mhux wisq ilu, fil-fatt biex inkun preċiż fil-11 ta’ Settembru li għadda, kien hemm aċċident fit-Telgħa t’Alla u Ommu, li wassal biex ingħalqet it-triq. Kelli l-isfortuna li dakinhar ridt naqbad ix-xarabank minn Pembroke għal San Pawl il-Baħar. Wasalt fuq l-istejġ fl-10:10pm u sal-11:20pm u nofs pakkett sigaretti wara kont għadni hemmhekk, nistenna ma’ grupp ta’ barranin ilkoll ipejpu u jidgħu bl-Ingliż, l-Ungeriż u naħseb kien hemm xi ħadd qed jidgħi biċ-Ċiniż ukoll.
Iva possibbli ma setgħux, min jikkoordina (jekk hemm min), it-trasport pubbliku jgħarraf b’tibdiliet fir-rotta? Possibbli, huwa aċċettabbli li għax kien hemm aċċident ikollok tistenna siegħa u għoxrin minuta?
“U ajma imma dak aċċident, x’qed tippretendi?” nistħajlek tgħid. Imma ma’ din, lanqas ngħodd id-drabi li flimkien ma’ bosta oħrajn spiċċajna nistennew ix-xarabank ġejja għal ammont redikolu tal-ħin, imbagħad, oħroġ il-għaġeb, meta tasal dik l-imbierka xarabank, tkun mimlija sa ruħ ommha, tnaqqas il-veloċità ħdejk, donnha biex taħarqek u tibqa’ ssuq, bix-xufier jgħid xi ħaġa li naħseb ġeneralment, tkun xi forma ta’ “full up hux”.
Imma mhux bilfors? Kif, imma kif jista’ jkun li f’postijiet bħal Buġibba u Tas-Sliema meta l-poplazzjoni tal-lokalità fis-sajf tikber b’erba’ darbiet, jibqa’ jkollok l-istess numru ta’ xarabanks? Iva, trid tkun xi Einstein biex tintebaħ li jekk, għal eżempju għal 500 ruħ għandek bżonn 5 xarabanks għal 1,000 għandek bżonn 10? Din is-sena, tal-anqas f’Buġibba u l-Qawra reġa’ kien hemm il-vroma li kellna s-sena ta’ qabel u ta’ qabel u ta’ qabel. Xarabanks kollha full up, passiġġieri kollha jidgħu għax ilhom jistennew u meta jkollok il-privileġġ li tmiss mal-istaffa ta’ xarabank issib li dħalt ġo sauna fuq erba’ roti kollha riħa t’għaraq, nies jimbuttaw u xufier li miskin iħossu ħa ttih rasu.
Iva trid tkun xi Einstein biex tintebaħ li jekk, per eżempju għal 500 ruħ għandek bżonn 5 xarabanks għal 1,000 għandek bżonn 10?
“Imma issa ġabu aktar xarabanks u l-problema se tissolva” nistħajlek tgħidli. M’għandkhomx għaġġla, imma tajjeb. Imma l-ġudizzju aħħari nistennew qabel nagħmluh.
Tour b’xejn madwar Malta
Id-dewmien imma huwa biss parti mis-saga tat-trasport pubbliku. Mal-miġja tal-Arriva daħal kunċett ġdid, frott l-għarfien bla limitu fit-trasport pubbliku ta’ Manwel Delia (dak li mar iż-Żimbabwe wara l-froġa li għamel) u Austin Gatt, dak li bħalu ma jkun hawn qatt. Kunċett verament interessanti: Trid tmur minn San Pawl il-Baħar sal-Belt? Tista’, imma qabel trid ddur mar-rotunda, titla’ n-Naxxar, tinżel l-Iklin, tidħol il-bypass ta’ B’kara, tmur l-Isptar Mater Dei, ddur mal-Isptar kollu, tinżel l-Università, imbagħad l-iskate park, l-Imsida u fl-aħħar tasal il-Belt.
Din hija rotta 31, li għadha topera sal-lum. Purċissjoni sħiħa madwar it-Tramuntana u ċ-ċentru ta’ Malta. Imbagħad hemm l-X3 li mill-ajruport tieħdok Buġibba. Iva, possibbli għandek tieħu bejn siegħa u nofs u siegħa u tliet kwarti biex taqsam min-nofs ta’ Malta sat-Tramuntana? Għandu għalfejn turist idur ma’ kull arbuxella li hemm Ta’ Qali biex jasal sal-lukanda tiegħu f’Buġibba?
Tpoġġix. Is-seat imxarrab
Imbagħad hemm dawk l-imberkin sistemi ta’ arja kkundizzjonata li suppost issa tranġaw bix-xarabanks il-ġodda. Nisperaw, għax kieku taf kif xebgħu n-nies jitilgħu fuq xarabank u jsibu seats mxarrbin għasra għax l-arja kkundizzjonata tkun qed tqattar.
Xarabanks kollha full up, passiġġieri kollha jidgħu għax ilhom jistennew u meta jkollok il-privileġġ li tmiss mal-istaffa, issib li dħalt ġo sauna fuq erba’ roti
U jekk mhux nejja, definitivvament trid tkun maħruqa. Għax jekk mhux arja kkundizzjonata li tqattar, issib arja kkundizzjonata li lanqas twassal sa wara spallejn xufier. L-illum.com.mt kienet minn tal-ewwel li rraportat kif ix-xarabanks tat-tip Volvo ma kellhomx arja kkundizzjonata li taħdem. U tafu għaliex? Għax dawn kienu magħmulin għall-Iżvezja. Iva qrajtuha sew, xarabanks f’Malta b’arja kkundizzjonata tal-Iżveja. X’karnivalata!
Kundizzjonijiet bażwija
U biex iċ-ċirasa fuq il-kejk tkun tonda u ċelebri, il-kumpanija l-ġdida tat-trasport pubbliku jidher li ma tantx qed tkun wisq ġeneruża mal-impjegati. Ftit ġimgħat ilu l-gazzetta ILLUM kienet irrapurtat kif xufiera kienu qed ikunu mwiegħda €6 biex imbagħad jagħtuhom €4.50, jekk ikunu ħaddiema ġodda li jkunu jeħtieġu liċenzja. Il-kumpanija ċaħdet u qalet li huma jwiegħdu “sa €6”, jien ngħid li dan hu logħob bil-kliem u anke li kieku ma kienx, €4.50 jew €6 għal min qed jaħdem minn filgħodu sad-dlam u għandu responsabbiltà ta’ mijiet ta’ nies kuljum? Dawn x’pagi huma? Pagi tar-raċanċ.
Bit-€30 miljun sussidju li qed jingħataw l-Ispanjoli għandhom fejn, naħseb jien, jitqammlu naqra inqas, mal-ħaddiem li tant għandhom bżonn.
Insomma bużulotta wara l-oħra u jekk qatt kien hawn premju għal profeta fallut, dan żgur jirbħu Austin Gatt. Tiftakru kien qalilna “żmien il-bużulotti...”
Albert Gauci Cunningham huwa l-editur tal-ILLUM