Id-Draguni ta’ Madwarna
Anqas minn tliet ġimgħat oħra u l-Gvern se jippreżenta l-baġit għas-sena 2016. F’pajjiżna, u mhux f’pajjiżna biss, il-baġit mhuwiex biss l-istqarrija tal-intenzjonijiet tal-gvern fir-rigward tal-infiq u d-dħul tiegħu matul is-sena ta’ wara. Huwa wkoll dokument importanti li jikkristallizza l-politika ekonomika tal-gvern għas-sena li ġejja.
F’dawn l-aħħar snin, daħlet id-drawwa li l-Ministru tal-Finanzi jikkonsulta s-setturi ekonomiċi differenti kif ukoll membri tal-pubbliku fi preparazzjoni tad-diskors maratona li huwa jagħmel fil-Parlament meta jniedi l-estimi tas-sena ta’ wara. Huwa ferm tajjeb li jkun hemm din il-konsultazzjoni li tgħin lil min jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Finanzi jħoss il-polz tal-ekonomija. B’hekk, min jokkupa din il-kariga tant sensittiva jista’ jagħraf l-istat veru ta’ saħħa tal-pazjent. Għax għalkemm persuna tkun ruxxana u tidher mimlija bis-saħħa, wieħed qatt ma’ jista’ jeskludi li jkollha qalb dgħajfa li tferfer jew anke tieqaf tħabbat mingħajr avviż ta’ xejn.
Il-ġimgħa l-oħra attendejt waħda minn dawn il-laqgħat li saret f’lukanda Għawdex. Ħadt gost nisma lill-Ministru tal-Finanzi jispjega b’paċenzja kbira dak li qed jipprova jwettaq il-Gvern. Huwa evidenti li l-passat akkademiku tiegħu ppreparah biex jinżel għal-livell tal-udjenza u juri paċenzja kbira fl-ispjegazzjonijiet tiegħu u fir-risposti li jagħti għad-domandi li saru. Il-Ministru tal-Finanzi li għandna għandu kredenzjali akkademiċi serji imma fl-istess ħin mhuwiex iddivorzjat mid-dinja reali, u jżomm saqajh mal-art. Wieġeb għad-domandi li sarulu bla tlaqliq u fejn hemm lok li jiġu indirizzati nuqqasijiet, ma qgħadx ilaqlaq.
Għaldaqstant, huwa essenzjali li dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni jkun serju u ġenwin. Għalkemm kulħadd seta’ jattendi għal din il-laqgħa, ma stajtx ma ninnotax li s-sala kienet mimlija funzjonarji pubbliċi kif ukoll attivisti u kunsilliera tal-partit fil-Gvern. Kien ċar ukoll li mhux il-mistoqsijiet kollha kienu spontanji. Wieħed jistenna li eżerċizzju daqshekk importanti bħalma hija l-konsultazzjoni dwar il-baġit għas-sena ta’ wara, jiġi iżolat mil-logħba tipika partiġġjana. Il-Ministru tal-Finanzi huwa tal-pajjiż sħiħ u dak li jagħmel tajjeb jew jonqos li jagħmel sew fis-snin li ġejjin, se jaffetwa lil kulħadd.
Waqt l-espożizzjoni li saret, kif ukoll fid-diskussjoni li segwiet, rajt kemm id-dawl kif ukoll id-dell. Ħadt gost meta l-Ministru semma l-isfidi li l-ekonomija tagħna qiegħda taffaċja minn ekonomiji oħra taż-Żona Ewro wara li għaddew minn proċess ta’ ristrutturar minħabba l-problemi ta’ finanzi pubbliċi li kellhom. Ġieli tkellimna dwar dan il-proċess hekk imsejjaħ ta’ ‘żvalutazzjoni interna’ li bosta pajjiżi oħra taż-Żona Ewro għaddew minnu. Qabel l-introduzzjoni tal-ewro, pajjiżi bħall-Italja jew il-Ġreċja li kienu jitilfu l-vantaġġ komparattiv fl-esportazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi tagħhom, faċilment kienu jirrestawraw il-kompetitività tagħhom fil-qasam tal-kummerċ barrani billi jiżvalutaw il-munita tagħhom. Ir-riżultat ta’ tali żvalutazzjoni kien li l-prodotti impurtati, immedjatament jiġu jiswew aktar mentri dawk esportati jorħsu. U b’hekk, tali żvalutazzjoni kien strument komdu biex tirrestawra malajr u bla wisq tbatija mmedjata l-kompetittività tal-ekonomija nazzjonali kif kull min kien jimporta mill-Italja jaf ben tajjeb.
Illum li dawn il-pajjiżi ċedew il-politika monetarja tagħhom lill-Bank Ċentrali Ewropew, tali żvalutazzjoni tal-munita nazzjonali m’għadhiex aktar possibbli. Għaldaqstant, sabiex jirrestawraw il-kompetitività tagħhom, iridu jirranġaw il-mod kif joperaw u jikkontrollaw l-ispejjeż li jaffetwaw il-prezz tal-prodott tagħhom. Probabbilment, il-mudell ta’ tali operazzjoni hija l-Aġenda 2010 li nieda fl-2003 il-Kanċillier Soċjaldemokratiku Ġermaniż Gerhard Schroeder meta kien imexxi koalizzjoni mal-ħodor f’mument meta l-ekonomija Ġermaniża kienet fi kriżi ta’ kompetittività. L-objettiv iddikjarat ta’ Aġenda 2010 kien li jippromwovi t-tkabbir ekonomiku u bħala riżultat, jitnaqqas il-qagħad.
Aġenda 2010 rriformat is-suq tax-xogħol Ġermaniż u naqqset il-piż tal-ispiża soċjali kif ukoll ir-rata bażika tat-taxxa. Dawn il-miżuri ma kinux popolari u l-koalizzjoni ħamra/ħadra tilfet l-elezzjoni sentejn wara. Dan kien mistenni meta fi Frar ta’ dik is-sena l-qgħad kien tela’ għal 5.2 m. Madankollu, sa Mejju 2007, il-qgħad kien niżel għal 3.8 m. Ironikament, kienu d-demokristjani ta’ Merkel li gawdew, u għadhom igawdu, l-frott ta’ Aġenda 2010, programm ta’ riformi li llum kulħadd jirrikonoxxi li kien suċċess. Kien fundamentali sabiex il-Ġermanja tissupera r-riċessjoni internazzjonali u tkompli żżid l-attività fil-bilanċ tal-kummerċ tagħha ma’ pajjiżi barranin li f’Lulju li għadda laħaq is-somma rekord ta’ € 25,000 miljun!
Niġu lura għall-ekonomija tagħna. Il-Ministru tal-Finanzi tagħna jista’ jkollu t-tentazzjoni kbira li jħossu kuntent bis-sitwazzjoni attwali u ma jarax il-ħtieġa ta’ riformi radikali. Minn din il-kolonna, spiss argumentajna li l-ekonomija fiha bosta dwal u dellijiet, li mhux l-oqsma kollha tal-ekonomija qed jimxu fuq ir-rubini. Ħaġa li tħassibna ferm hi li skont l-aħħar figuri, xejn anqas minn 98% tal-Investiment Barrani Dirett, l-hekk imsejjaħ FDI huwa fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, € 139.1 biljun minn € 149.9 biljun. Madankollu, fil-qasam tal-manifattura li jimpjega eluf ukoll, l-FDI jammonta b’kollox għal €919.5 wara li fl-2014 żdied bi €38 miljun. Minkejja ċ-ċokon tagħna, jeżistu bosta niċeċ fejn pajjiżna jista’ jippromwovi politika industrijali aktar aggressiva li toħloq l-impjiegi u tgħin il-bilanċ tal-pagamenti.
Ċertament li l-Ministru tal-Finanzi jista’ wkoll ikollu t-tentazzjoni li jistrieħ fuq ir-rapporti tal-‘credit rating agencies’ u tal-istituzzjonijiet internazzjoni li waqt li jgħaddu kummenti ġeneralment pożittivi fuq l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna, għandhom il-ħabta li jidfnu l-osservazzjonijiet anqas posittivi f’lingwaġġ ambigwu. Imma wieħed hu konvint li bl-onestà intelletwali tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi mhux se jagħmel hekk u minflok se joqgħod fuq min jagħtih pariri ġenwini u onesti.
Fortunatament, din il-ġimgħa kien hemm min ta lill-Ministru tal-Finanzi pariri onesti u dan ma kien ħadd ħlief il-kollega tiegħu stess, il-Professur Joseph Falzon. Falzon kien objettiv fl-intervent tiegħu li għamel waqt waħda mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-baġit li saret din il-ġimgħa. Stqarr li filwaqt li l-imsieħba soċjali huma ġeneralment pożittivi dwar l-andament tal-ekonomija, ta lista ta’ bosta fatturi, li huwa laqqamhom “draguni”, li qed ixekklu t-tkabbir ekonomiku.
Il-qarrejja regolari ta’ din il-kolonna żgur huma familjari ma’ bosta minn dawn id-“draguni” li semma l-Professur Falzon. Waħda mill-affarijiet li ġie rrapurtat li semma Falzon kienet il-burokrazija fis-servizz pubbliku li l-ministru stess spiss attakka fil-laqgħa pubblika li attendejt għaliha. Huwa inkwetanti li minkejja li twaqqaf uffiċju għas-simplifikazzjoni tal-burokrazija, ma jidhirx li jeżisti l-momentum ta’ riforma radikali fl-amministrazzjoni pubblika. Li tirriforma l-burokrazija ma jfissirx li tneħħi t-trasparenza u l-kontrolli imma li telimina l-għollieq li jikber matul is-snin li jxekkel lil kulħadd.
Falzon semma wkoll it-traffiku li qed jiswa lill-pajjiż ħafna ħin moħli. Huwa ċar li għad fadlilna ħafna sabiex titwettaq riforma fit-trasport pubbliku u wieħed jiddubita kemm kien għaqli li nbidel l-operatur tat-trasport pubbliku. Ħaġa oħra li semma Falzon kienet il-ħtieġa li ntejbu l-valur miżjud fis-settur tal-manifattura u tal-esportazzjoni u l-ħtieġa urġenti ta’ manodopera aktar mgħallma minħabba n-nuqqasijiet fis-sistema edukattiva. Propju l-ġimgħa l-oħra, attendejt seminar dwar il-kummerċ mat-Turkija fejn rappreżentant ta’ kumpanija li tesporta f’dan il-pajjiż ilmenta kemm hu diffiċli ssib numru adekwat ta’ nies tekniċi.
Falzon semma wkoll l-ispiża tal-enerġija li bosta jridu torħos aktar. Filwaqt li huwa importanti li l-kontijiet tal-Enemalta jkunu sostenibbli, dan m’għandhux ikun għad-detriment tal-kompetitività nazzjonali. Wieħed aktar jinkwieta għall-futur jekk jirriżulta li l-‘istrike price’ ta’ € 0.09,6 kull KWh għall-impjant tal-Electorgas (li ironikament hija pjuttost simili għal dik ta’ £92.50 kull MWh li l-Gvern Ingliż intrabat għar-reattur nukleari ta’ Hinckley Point C) ikun ferm ogħla minn sorsi oħra ta’ elettriku kif bosta qed isostnu se jirriżulta l-Ingilterra. Tali sitwazzjoni se xxekkel il-kompetititività għal ħafna snin li ġejjin.
Falzon semma wkoll il-ħtieġa li l-qasam tas-servizzi finanzjarji jkollu aktar valur miżjud ħalli t-theddida tal-armoniżazzjoni fiskali fl-UE ma taffetwax il-kompetitività tiegħu. Dwar dan, wieħed hu konvint li min qed jagħti dan is-servizz se jkompli jaġġorna ruħu ħalli ma tintilifx il-kompetittività tagħna.
U fl-aħħar nett, Falzon semma punt li ilna nisħqu fuqu jiġifieri li n-negozji jkollhom aċċess irħas u aktar faċli għas-self. Il-gvern jeħtieġ jieħu aktar inizjattivi fir-rigward, kif aċċenna l-Ministru tal-Finanzi fl-intervent tiegħu f’Għawdex u jħaffef it-tnedija tal-bank ta’ investiment nazzjonali li jista’ jidħol għal ċerti riskji li l-banek kummerċjali llum ma jistgħux jidħlu għalihom minħabba l-pressjonijiet regolatorji li għandhom.
Jalla l-baġit li ġej u l-politika ekonomika tal-Gvern tindirizza l-punti mqanqlin mill-Professur Falzon. L-istatistika ppubblikata din il-ġimgħa fil-Labour Force Survey turi li f’sena, is-settur pubbliku żdied minn 46,489 (jew 25.8% tal-impjiegi kollha) għal 50,646 (jew 27.4% tal-impjiegi kollha). Dan l-iżvilupp ma jistax ma jżidx it-tħassib li qed inrabbu draguni li konna ħsibna li konna eliminajna darba għal dejjem. Iż-żieda qawwija fis-settur pubbliku u l-impenn dikjarat li jitrażżan id-dejn pubbliku jistgħu jkollhom il-konsegwenza li ħadd, u speċjalment il-Ministru tal-Finanzi, ma jixtieq ta’ tnaqqis fl-ispiża kapitali, tnaqqis li żgur jikkomprometti l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Jalla li dan ma jkunx il-każ.
Segwi l-iżviluppi internazzjonali fuq il-profil tiegħi ta’ Facebook jew fuq
Twitter @ellisjoseph.