1565 – L-Imam u Mons. Scicluna
1565: Diskorsi fuq diskorsi. Messaġġi fuq messaġġi. Ċerimonji fuq ċerimonji.
L-istorja tant ġiet ripetuta li jafha kulħadd bl-amment. L-imperu Ottoman invada lil Malta biex jipprova jaħtaf il-gzira u jiknes lill-Kavallieri Nsara.
Laqtuni ċerti messaġġi. Simbolikament l-Ordni ta’ San Ġwann għadha tmexxi sptar tal-maternità f’Betlem, fejn nisa Palestinjani jingħataw l-attenzjoni medika kollha li jeħtieġu.
Laqatni wkoll l-appell għall-kooperazzjoni li għamel l-Imam Mohamed el Sadi, il-mexxej tal-Musulmani f’Malta. Fil-fehma tiegħu, l-Assedju l-Kbir tal-1565 ma kienx gwerra bejn l-Iżlam u l-Kristjanità imma gwerra bejn ‘ċerti’ Musulmani u ‘ċerti’ Nsara, li sabu ġustifikazzjoni għall-konfront daqshekk traġiku u mdemmi: “Jeħtieġ li nibnu l-pontijiet biex ikollna koeżistenza fil-paċi.” Hemm dawk l-istudjużi fil-fatt li jsostnu li l-Assedju l-Kbir kien konfront bejn il-kursara taż-żewġ naħat li dak iż-żmien kienu jdewwdu u jitterrorizzaw il-Mediterran.
L-Arċisqof ta’ Malta x’messagg kellu? Quddiem il-Qorti, biswit il-monument tal-Assedju l-Kbir ta’ Sciortino, qal li hemm tarka miżmuma minn raġel b’saħħa liema bħalha, b’ħarsa determinata, simbolu tal-battalja feroċi li sehhet fuq l-Għolja Sceberras u l-inħawi tal-port. Dik il-gwerra seħħet biex titħares il-fidi u biex titħares ir-raġuni, biex titħares iċ-ċiviltà tal-punent u l-libertà tal-ħsieb kontra l-koliskjavitù u l-oskurantiżmu. Kienet gwerra kontra l-għedewwa tal-libertà.
Differenti, hux, il-messaġġ tal-Imam (paċifiku u rikonċiljattiv) u d-diskors belliġerenti ta’ Mons. Scicluna?
L-INNU NAZZJONALI U L-INDIPENDENZA
Bħal f’kull okkażżjoni ċerimonjali oħra, fil-festi li jimmarkaw ġrajjiet importanti Maltin, fosthom l-anniversarju tal-1565, Jum l-Indipendenza, Jum il-Ħelsien, eċċ., jidwu l-versi tal-innu Malti. U ma jistax jonqos li wieħed ma jiftakarx f’Dun Karm u l-versi tal-innu tiegħu.
Xi ħadd irid jibda jkollu l-kuraġġ jistħarreg kemm il-poeta-saċerdot kellu viżjoni indipendenti għal-Malta. It-titlu ta’ poeta nazzjonali joqgħod għal Dun Karm? Lil min jirrapprezenta l-Innu Malti? Jissemmew il-hakkiema, is-sidien u mbagħad il-ħaddiema. Is-sid fil-viżjoni DunKarmjana għandu jkun ħanin, skont skema soċjali vertikali, fejn l-ubbidjenza tal-massa hija indispensabbli biex il-privileġġjati jkollhom id-dritt u l-awtorità li jiddeterminaw id-destin tal-kotra passiva, kwieta u statika.
Differenti hux, il-messaġġ tal-Imam (paċifiku u rikonċiljattiv) u d-diskors belliġerenti ta’ Mons Scicluna?
Hemm bosta ġrajjiet li ma rreġistraw ebda reazzjoni fuq ruħ Psaila (Frans Ciappara, 1993, PEG). Dun Karm għex f’kurrenti ta’ taqlib socjo-politiku kulturali qawwi fl-Ewropa, imma l-bastun tiegħu dejjem kien f’terren ultra-konservattiv. Dejjem kien komdu taħt l-umbrella ekkleżjastika li ma setgħet qatt timxi lejn Malta indipendenti jew repubblikana.
Ħadd m’għandu l-kuraġġ imiss l-Innu Malti u jfisser kemm hu introvert u sottomess lejn il-poitika kolonjalista, anki fi żmienna. Darba kien hemm il-Brittanja u llum hemm Brussell. Dun Karm ma kienx iwassal s’hemm. Għalhekk bqajna b’dak l-innu reliġjuż.
ASSURDITÀ U BIGOTTIŻMU RELIĠJUŻ
Il-kappillan tal-parroċċa tal-Gżira waqqaf milli waqt quddiesa funebri, jitkanta l-innu popolari Panis Angelicus, parti mill-innu Sacris Solemniis ta’ Tumas d’Aquino (1225-1274).
L-innu kien il-favorit tal-persuna mejta.
Il-familja xtaqet li l-innu jitkanta waqt li l-komunità tkun tiela’ għat-tqarbin.
L-iskuża tal-kappillan: mhux xieraq li f’quddiesa bil-Malti jitkanta innu bil-Latin. L-Arcisqof Scicluna kellu jagħmel apoloġija timida. Imma ta’ min jistaqsi:
Min għallem lill-kappillan tal-Gżira fis-seminarju?
Min ħatru kappillan?
X’jaf dwar id-dinamika komunitarja?
Liema innijiet reliġjuzi tkantaw waqt l-ordinazzjoni tiegħu? Bil-Malti jew bil-Latin?
DIBATTITI DWAR L-INDIPENDENZA
Fost id-dibattiti li saru fl-okkażżjoni tal-Indipendenza (il-PN qed jiċċelebra t-twaqqif tal-135 sena tiegħu) kien diskuss jekk dan il-Partit għadx hemm (jew għaliex) hemm bżonnu.
Jekk dan għadu punt ta’ dibattitu, il-partit fl-oppożizzjoni għandu tassew kriżi ta’ identità. Kif jista’ jkun li l-PN jigi f’dubju jekk għadx hemm bżonnu jew le?
Il-Partit irid iħares lejn direzzjonijiet oħra biex jikkonvinċi. Iċ-ċelebrazzjonijiet mhux bizzejjed. Lanqas f’ċirku madwar l-istatwa ta’ La Vallette. Elezzjoni ma tirbaħhiex minn fuq sufan jew imdawwar b’mitt ruħ akkaniti, Nazzjonalisti minn għeruqhom.
REĊTI TAL-ASSURD F’MALTA
Bdiet titqanqal mill-ġdid diskussjoni dwar il-burqa f’Malta. Minn żmien għall-ieħor jitqanqal id-dibattitu dwar ‘il-velu Iżlamiku.’ L-oġġezzjonijiet huma dejjem l-istess u għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà u l-oppressjoni tal-mara, id-dinjità tas-sess femminili eċċ.
Dun Karm għex f’kurrenti ta’ taqlib soċjo-politiku kulturali qawwi fl-Ewropa, imma l-bastun tiegħu dejjem kien f’terren ultra-konservattiv
Imma aħna min aħna biex niġġudikaw? Nibdew niġġudikaw lis-sorijiet li jagħmlu minn kollox biex jagħattu s-sesswalità tagħhom? Nikkundannaw lin-nisa reliġjuzi tal-Amish? Jew inqattgħu x-xbihat kollha tal-għonnella tan-nanna u ta’ ommha?
Hemm raġunijiet kulturali u reliġjużi dwar l-għata bil-velu. Mhux veru li mara Musulmana “ma tistax tikkomunika” minħabba l-burqa. Hi s-sustanza tad-diskors li tgħodd. (Laiq Ahmed Atif, President tal-Ahmadiyya Jamat Malta).
Issa niġu għall-parti assurda. Filwaqt li qed tkompli l-kampanja kontra l-velu Iżlamiku, anki minn deputat tal-Oppożizzjoni, il-Pulizija arrestaw żewg barranin talli kmieni filgħodu kienu qed jgħumu għarwenin (u naturalment mingħajr malji Iżlamici jew Maltin jew tal-Marks & Spencers), tellgħathom il-Qorti u (milli qrajt), iddubbaw libertà kundizzjonata.
Mela għandna konfront bejn il-kostum Iżlamiku u dak ta’ Adam u Eva. Kemm ma nistħux inkunu redikoli. Tassew reċti tal-assurd dawn. Assurdi aktar mix-xogħol ta’ Pinter jew Ionesco.