'Mummy, please, tpoġġinix fuq Facebook'

Ironikament, ħafna mill-materjal li jiċċirkola fuq is-siti differenti tal-pedofelija huwa pprovdut mill-ġenituri

Dan l-aħħar, waqt kungress tal-European Federation of Sexology, iddiskutejna t-tema ta' Community and Online Sex Offending. Waqt dan il-workshop issemma ħafna s-sajf u żmien l-iskola kif ukoll il-famuż Facebook! Ċert li rajtu xi ritratt fuq news feed ta’ tfal bil-malji ħdejn il-baħar jew xi pool u ma jonqosx dawk bl-uniformi!  

Propju fid-dawl ta' dan kollu, ħsibt biex nikteb kelmtejn qosra biex niġbed l-attenzjoni tal-ġenituri jew qraba fuq il-perikli marbuta mar-ritratti u l-Facebook. 

F'ħafna siti pornografiċi, meta dawn ir-ritratti jkunu ppubblikati fuq is-sit, ikunu kważi dejjem akkumpanjati b'kummenti abbużivi u li jbaxxu d-dinjità tat-tfal.

Tajjeb li nkunu nafu li ironikament, ħafna mill-materjal li jiċċirkola fuq is-siti differenti tal-pedofelija huwa pprovdut mill-ġenituri, iva smajtu sewwa, mill-ġenituri!! Huma tassew inkwetanti r-riżultati ta' stħarriġ li sar dan l-aħħar ġewwa l-Awstralja, ir-Renju Unit u l-Italja, fejn instab li nofs ir-ritratti ta' tfal żgħar misjuba online kienu l-istess ritratti li ġenituri xeħtu fuq diversi networks soċjali bħal Facebook u Instagram. Dawn ir-riżultati ġew diskussa waqt l-imsemmi kungress. 

Fost l-aktar komuni kienu dawk ir-ritratti li juru tfal fuq il-bajja, l-iskola jew waqt il-ġinnastika. Dawn ir-ritratti huma tant imfittxija li saħansitra fis-sit jqassmu r-ritratti f’kategoriji speċjali bħal per eżempju Children at the beach biex b’hekk jiġu identifikati aktar malajr skont il-gosti tal-persuna. 

Tajjeb li nkunu nafu li bħal ħafna siti pornografiċi oħrajn, meta dawn ir-ritratti jkunu ppubblikati fuq is-sit, ikunu kważi dejjem akkumpanjati b'kummenti abbużivi u li jbaxxu d-dinjità tat-tfal. Spiss, dawk li jużaw dawn it-tip ta' siti jagħtu l-email lil xulxin biex ikun jista’ jsir aċċess anke barra s-sit pornografiku u saħansitra anke jbiegħu r-ritratti u b'hekk jibqgħu jimxu. Ir-riċerka tgħid li ħafna minn dawn ir-ritratti jkunu ttieħdu minn fuq Facebook. Facebook u siti oħrajn jagħmilha faċli għal dawn in-nies li għal sigħat sħaħ ikunu qed iffitxu u jieħdu ritratti tat-tfal biex b’hekk ikollhom varjazzjoni ta’ ritratti minn madwar id-dinja u jolqtu l-gosti ta’ kulħadd! 

Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa tajjeb li l-ġenituri u l-qraba joqogħdu attenti x’ritratti jagħzlu li jpoġġu fuq Facebook, speċjalment ritratti fejn it-tfal ikollhom ġisimhom espost. Sabiħ li naqsmu mal-oħrajn il-mumenti sbieħ tal-ħajja tat-tfal tagħna biss dejjem għandna nagħmlu dan b’ħafna għaqal u ħsieb! 

Sa kemm nerġgħu niltaqgħu, saħħa!

More in Blogs