Illum wieżen lil min għandu bżonn
"(il-baġit) Se jkun ukoll barometru ta’ kemm dan il-Gvern iħares ukoll lejn dawk li fis-soċjetà tagħna mhux qed iħossu dan is-suċċess, ta’ dawk il-pensjonanti li qed jippruvaw jgħixu b’€500 fix-xahar, ta’ dawk li kienu u għadhom qed jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji"
Illum l-Gvern iressaq it-tielet baġit tiegħu, baġit li qed jitressaq fi klima ekonomika pożittiva ferm. L-indikaturi u ċ-ċifri ma jigdbux. Il-qgħad qiegħed fl-inqas livelli fil-pajjiż mid-disgħinijiet, it-turiżmu qed jara żidiet qawwijin xahar wara xahar u ma’ dan, setturi varji, li huma parti intrinsika mill-mutur ekonomiku ta’ Malta qed jaraw riżultati pożittivi wkoll. Ma’ dawn ir-riżultati, naturalment, eluf qed igawdu minn dħul ikbar u prospetti ta’ impjieg aħjar.
Kif kellna l-opportunità li ngħidu qabel minn dan l-editorjal il-fatt li bħalissa l-ekonomija Maltija hija fost l-aqwa mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, tant li tikkompara ma’ dik tal-Ġermanja, meqjusa bħala l-qawwa ekonomika Ewropea, huwa ċertifikat mill-isbaħ. Huwa ċertifikat sabiħ għall-Gvern preżenti, li minkejja d-dubji wera ruħu li kapaċi jmexxi l-ekonomija tal-pajjiż daqs, jekk mhux iktar, min-Nazzjonalisti. Huwa ċertifikat sabiħ ukoll għad-deċiżjonijiet li l-Gvern preżenti ħa f’baġits preċedenti li ssarfu, kif jgħid l-ekonomista Karm Farrugia fl-intervista llum, f’feel good factor qawwi. Huwa ċertifikat ukoll għall-Prim Ministru Joseph Muscat li wera kif kapaċi jkun par idejn sodi fuq it-tmun tal-pajjiż, biex nużaw frażi ta’ eks Prim Ministru tal-PN.
Imma l-baġit tal-lum mhux se jkun biss okkażjoni biex niftaħru bir-riżultati nkoraġġanti li qed tikseb Malta. Se jkun ukoll barometru ta’ kemm dan il-Gvern iħares ukoll lejn dawk li fis-soċjetà tagħna mhux qed iħossu dan is-suċċess, ta’ dawk il-pensjonanti li qed jippruvaw jgħixu b’€500 fix-xahar, ta’ dawk li kienu u għadhom qed jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji. Il-Baġit ta’ għada għandu jibda jilħaq lil dawn in-nies, li għalkemm jista’ jkun li mhumiex f’maġġoranza, xorta jixraqilhom li jkunu mwieżna.
Ikun hemm min jgħid li din l-għajta li l-ILLUM żammet matul dawn l-aħħar xhur f’dan l-editorjal u f’xi stejjer li ppublikajna hija ħanqa ta’ ħmar jew eżaġerata. Imma kemm l-intersvista kif ukoll il-vox pop li qed jidhru fuq dan is-sit li waħda mill-ġurnalisti ta’ din il-gazzetta għamlet fit-toroq tal-Belt jagħtuna raġun.
Karm Farrugia jisħaq li issa wasal iż-żmien li l-Gvern jibda jrodd lura mill-ġid li qed jinħoloq lil dawk bil-paga u l-pensjoni minima, b’żidiet fuq medda ta’ snin. Il-poplu wkoll, qed jgħid lill-Gvern li issa wasal iż-żmien li jkunu mgħejuna dawk li qed jgħixu bl-eżatt.
U aħna ngħidu, bir-raġun kollu jitkellmu hekk. La l-pajjiż sejjer tajjeb tant, mhux sejjer tajjeb biss għal min qed jiffanga f’xi kuntratt, mhux sejjer tajjeb biss għal min sar sinjur mil-lejl għan-nhar u lanqas sejjer tajjeb biss għal min jaf lil xi ħadd, li jaf lil xi ħadd ieħor. Sejjer tajjeb għal kulħadd. Mela kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, mill-iktar għani sal-ifqar għandu jħoss parti minn dan is-suċċess.
Għalhekk din il-gazzetta tappella lill-Gvern biex iwieżen u jwieżen sew, biex ħadd ma jibqa’ lura u biex Malta tkun verament tagħna lkoll. Għada huwa test kruċjali għal dan il-Gvern, u hu importanti għalih u għall-poplu, speċjalment dawk fil-faxxi t’isfel tas-soċjetà, li dak it-test jgħaddih.