Baġit li beda jwieżen...
L-Editorjal tal-ILLUM
Il-ġimgħa l-oħra dan l-editorjal saħaq dwar il-bżonn li l-Gvern juża l-baġit 2016 biex jibda jwieżen lil dawk li s’issa għadhom mhux qed iħossu is-suċċess ekonomiku li qed jikseb il-pajjiż. Nhar il-Ħadd din il-gazzetta sostniet li l-baġit kellu jkun test kruċjali għall-Gvern “u hu importanti għalih u għall-poplu, speċjalment dawk fil-faxxi t’isfel tas-soċjetà, li dak it-test jgħaddih.”
Kważi ġimgħa wara, nistgħu nagħmlu ġudizzju, mhux biss tal-miżuri speċifiċi li ttieħdu fil-baġit imma wkoll dwar il-linja ta’ ħsieb wara dan l-eżerċizzju ekonomiku hekk kif espress nhar it-Tnejn li għadda, kif ukoll fl-intervista mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li qed tidher illum.
Jidher ċar li minkejja li kien hemm minn ittanta jiżufjetta bis-sentiment tal-poplu li tkellimna miegħu l-ġimgħa l-oħra, jew dwar il-bżonn ta’ ġustizzja soċjali fil-baġit li aċċenajna dwaru f’dan l-editorjal bosta drabi, il-Gvern sema’ mill-vuċi tagħna u ta’ ħafna oħrajn bħalna.
Il-Baġit beda jindirizza lill-faxxex ikkunsidrati bħala “ta’ isfel” permezz ta’ żewġ miżuri partikolari, jiġifieri t-tnaqqis fit-taxxa ta’ bejn €90 u €210 fis-sena għal 160,000 persuna li għandhom dħul baxx jew medju u ż-żieda ta’ bejn €4.15 u €9 fil-ġimgħa għal madwar 12,000 pensjonant. Ma’ dawn, il-Gvern ħabbar ukoll tnaqqis fil-fuel tneħħija ta’ miżata ta’ €16.30 fil-ġimgħa fuq kull wild li jgħix ma’ ġenituri vulnerabbli, l-eżenzjoni għal darb’oħra mill-boll li jħallsu koppji żgħażagħ meta jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom u l-estensjoni tal-in work benefit għal dawk il-familji b’persuna waħda li taħdem, bi qligħ ta’ bejn €6,600 u €12,700.
Minkejja li l-baġit huwa ħafna iktar milli sempliċiment x’daħħalt jew xi ħriġt mill-but, issa, wara nhar it-Tnejn li għadda nistgħu nitkellmu mhux biss fuq is-suċċess tal-pajjiż, imma kif fl-aħħar, dak is-suċċess se jkun qed jibda jinħass minn kulħadd. Għad hemm ħafna xi jsir, imma jidher li l-Gvern qabad it-triq it-tajba, it-triq ġusta u t-triq li wara kollox huwa obbligat li jimxi bħala partit ċentru-xellugi.
.....u l-politika tat-traffiku
It-traffiku reġa’ tela’ fil-quċċata tal-aġenda tal-pajjiż, imma sfortunatament, bħal dejjem, spiċċa ballun politiku li kull min qed jilgħab bih qed jaqa’ għaż-żufjett. Għalfejn? Għax li ssegwi programm fuq ix-xandir nazzjonali u kemm il-kelliema tal-PN Marthese Portelli, kif ukoll il-Ministru Joe Mizzi bilkemm jitkellmu dwar il-vera kawża tat-traffiku hija xi ħaġa pjuttost patetika.
Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel kapital politiku, kif għandu dritt li jagħmel, mid-dwejjaq reali tal-poplu dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku. Imma x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed joffri? Lest il-PN iwiegħed li jekk ikun fil-Gvern jgħolli l-liċenzji tal-karozzi biex inqas nies jitħajru jixtru karozza? Lest il-PN iwiegħed li meta jkun fil-Gvern iwettaq miżura, bħal ma sar fil-Greċja, li l-karozza tiegħek tista toħroġha biss f’ċerti ġranet? Lest il-PN iwiegħed li jekk jerġa jieħu t-tmun tal-pajjiż jippenalizza lil dawk il-ġenituri li minflok jużaw it-trasport pubbliku jew trasport organizzat għall-uliedhom, jeħduhom l-iskola bil-karozza? U, fl-aħħar mill-aħħar, lest il-PN iwiegħed li jekk ikun fil-Gvern, hu x’inhu l-prezz internazzjonali taż-żejt, iħalli l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għoljin biex inqas nies ikunu inċentivati milli jużaw il-karozza?
Ma tridx tkun għaref wisq biex tasal għall-konklużjoni li t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet kollha hija LE ħoxna. Daqs kemm kienet u tibqa’ le ħoxna għall-Partit Laburista. Għax fil-verità, iż-żewġ partiti jafu li aħna pajjiż “maħbub mal-karozza”, aħna pajjiż fejn nużaw il-karozza biex naslu sal-kantuniera ta’ wara u aħna pajjiż li l-karozza għadha xi ħaġa li taspira li jkollok is-sekonda li tagħlaq it-18-il sena.
Il-Verità? Is-sitwazzjoni tat-traffiku hija, iva, tort tal-Labour u tan-Nazzjonalisti, għax is-sistema tat-trasport pubbliku vroma kienet u hekk baqgħet. Imma hija tort tagħna, jew ta’ ħafna minna wkoll, għax ma tistax tinkoraġixxi kultura ta’ karozzi, imbagħad toqgħod tgerger li weħilt fit-traffiku.