Biżanzju f’salib it-toroq
Joe Ellis jiddiskuti t-Turkija u l-applikazzjoni tal-pajjiż biex jissieħeb fl-UE
Sa ftit snin ilu, ħafna fl-Ewropa ma kienux entużjażti bl-applikazzjoni torka sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea. Ħafna kienu jibżgħu illi dan il-pajjiż ta’ 76 miljun kważi kollha kemm huma musulmani sunniti kien ibiddel il-karattru essenzjalment ġudeo-kristjan tal-Ewropa. Dana minkejja illi l-Ewropa llum hija essenzjalment sekulari u fi kważi l-pajjiżi kollha minoranza biss tippratika r-reliġjon nisranija.
Issa illi n-numru ta’ musulmani fl-Ewropa qed dejjem jikber, qajla għadha valida din l-ideja illi wieħed ma jdaħħalx lit-Turkija fl-U.E. minħabba illi huwa pajjiż musulman. Dan donnu rrikonoxxietu anke Angela Merkel illi sa ftit ilu kienet topponi d-dħul tat-Turkija fl-U.E. Meta ftit ġimgħat ilu żaret it-Turkija, Merkel wegħdet għajnuna lill-president tork Recep Tayyip Erdogan sabiex it-Turkija tiftaħ kapitli ġodda fin-negozjati tagħha ta’ dħul fl-U.E. kif ukoll sabiex it-torok ikunu jistgħu jżuru bosta pajjiżi ewropej mingħajr viża. Mill-banda l-oħra, it-Turkija hija mistenni tgħin fil-kontroll ta’ l-influss ta’ rifuġjati lejn l-Ewropa.
Il-verità hi illi anke kieku t-Turkija m’hijiex qiegħda tospita aktar minn żewġ miljun rifuġjat mill-konflitt sirjan, xorta tibqa’ ndispensabbli għas-sigurtà ewropea. Għal sekli, it-Turkija kienet protagonist tal-politika ewropea. Fis-seklu dsatax, it-Turkija tal-Ottomani kienet imlaqma l-marid tal-Ewropa għax dejjem kienet tiddgħajjef. Bosta provinċji tagħha akkwistaw l-indipendenza jew ġew integrati fl-imperi awstro-ungariż jew russu. Oħrajn waqgħu taħt l-influwenza kolonjali ewropea. Wara l-ewwel gwerra dinjija, it-Turkija saret stat sekulari taħt it-tmexxija ta’ Mustafa Kemal imlaqqam Ataturk, missier it-torok. Wara illi baqgħet newtrali fit-tieni gwerra dinjija, għal bosta żmien kienet instabili politikament bl-armata twettaq tlett kolp ta’ stati mill-1950 ‘l hawn. L-ekonomija tagħha baqgħet lura u t-Turkija għal żmien twil ma kienetx ikkonsidrata eliġibli għad-dħul fl-U.E.
L-armata turka sa ftit ilu kienet l-istituzzjoni l-aktar f’saħħietha fil-pajjiż. Dejjem qieset ruħha bħala l-gwardjan tat-tradizzjoni sekulari tar-repubblika mwaqfa minn Ataturk illi kien uffiċjal tal-armata. Għal żmien twil l-armata ma’ ħallietx illi l-poter jaqa’ f’idejn partiti ta’ ispirazzjoni iżlamista. Imma fis-sena 2002, l-partit tal-Ġustizzja u Zvilupp, magħruf bħala l-AKP rebaħ il-maġġoranza tas-siġġijiet b’34% tal-voti. Il-matriċi iżlamista ta’ dan il-partit qatt ma kienet in dubju bin-nisa tal-mexxejja tiegħu, Erdogan u Abdullah Gul jilbsu l-velu minkejja illi dan sa ftit ilu ma setgħax jintlibes f’postijiet pubbliċi.
L-AKP ipproġetta ruħu bħala partit iżlamiku moderat favur ekonomija ħielsa, favur id-dħul tat-Turkija fl-Ewropa u ħabib ma’ l-Istati Uniti. Fuq kollox, l-AKP ta leħen lis-sunniti tal-partijiet rurali tal-pajjiżi illi kienu jħossuhom esklużi mill-elite sekulari illi għal ħafna snin mexxa l-pajjiż. L-AKP ikkapparra ukoll l-appoġġ tal-minoranza kurda fil-pajjiż wara illi wiegħed politika anqas konfrontazzjonali ma’ dina l-minoranza. L-AKP kompla jżid l-appoġġ u ġab maġġoranza tas-siġġijiet fil-parlament b’46.6% tal-voti fl-2007 u 49.8% tal-voti fl-2011.
Is-sena l-oħra Erdogan irriżenja minn prim ministru u kkontesta l-ewwel elezzjoni presidenzjali diretta taħt il-kostituzzjoni l-ġdida illi saret f’Awwissu li għadda. Erdogan kellu rebħa konvinċenti b’52% tal-vot (għalkemm anqas milli mistenni) mentri l-kandidat ta’ tlettax-il partit t’opposizzjoni fosthom is-sekulari CHP, il-partit Repubblikan tal-Poplu u l-MHP, il-Partit tal-Moviment Nazzjonalista lemini ġab 38% tal-voti. Imma l-akbar sorpriża kienet ir-riżultat ta’ l-istilla l-ġdida tal-politika torka, il-mexxej tal-partit pro-Kurd, HDP, il-partit Demokratiku tal-Popli, Selahattin Demirtas b’10% tal-voti.
Skond il-kostituzzjoni turka, il-president m’għandhux poter eżekuttiv, liema poter jirrisjedi fil-prim ministru u l-kabinett tiegħu. Suppost il-president iżomm ‘il bogħod mill-politika partiġjana u jipprova jippreżenta ruħu bħala simbolu t’għaqda nazzjonali. Imma Erdogan kellu ħsibijiet oħra kif deher ċar mill-bidu. Erdogan baqa’ jikkontrolla l-AKP minn wara l-kwinti fil-waqt illi beda jimmanuvra sabiex isaħħaħ il-poteri tal-president. Kien ċar illi l-prim ministru l-ġdid Ahmet Davutoglu kien ftit aktar minn pupazz.
Erdogan xtaq illi fl-elezzjoni illi saret fis-7 ta’ Ġunju li għadda, l-AKP jirbaħ rebħa kbira u jakkwista maġġoranza ta’ 60% tas-siġġijiet (330) fil-parlament biex b’hekk ikun jista’ jbiddel il-kostituzzjoni u jwettaq id-diżinn tiegħu. Imma Demirtas iffrustra l-pjan ta’ Erdogan għax bl-alleanza illi huwa bena ta’ Kurdi flimkien ma’ minoranzi oħra fil-pajjiż bħall-Alevi (setta musulmana qrib ħafna tax-xiijiti), l-Armeni u nsara oħra kif ukoll minoranzi ferm emarġinati bħall-omosesswali u t-transesswali. Minkejja l-iżbarra ferm għolja ta’ 10%, l-HDP irnexxielu jidħol fil-parlament u tella’ 80 deputat peress illi ġab 13 % tal-voti. L-AKP tella’ 258 siġġu, ferm anqas milli xtaq Erdogan mentri l-partit prinċipali tal-opposizzjoni, is-CHP ukoll mar agħar milli stenna u b’25% tal-vot, tella’ 132 deputat.
Ir-riżultat kien illi l-AKP għall-ewwel darba mill-2002 ‘l hawn ma kellux maġġoranza fil-parlament. M’hux talli ma setax ibiddel il-kostituzzjoni imma l-anqas ma seta’ jiggverna waħdu. Il-kostituzzjoni torka tippreskrivi illi f’ċirkostanzi bħal dawn isiru taħdidiet bejn il-partiti sabiex jitwieled gvern ta’ koalizzjoni. Is-CHP wera ruħu ferm disponibbli illi jifforma koalizzjoni mar-rivali kbar tiegħu, l-AKP imma t-taħdidiet fallew. Skond bosta, dan kien minħabba l-indħil da parti ta’ Erdogan illi ma riedx illi jitwieled gvern ta’ koalizzjoni. Anke t-taħdidiet man-nazzjonalisti fallew peress illi dawn ma riedux illi jissaħħu l-poteri presidenzjali. Mill-banda l-oħra, l-HDP ta’ Demirtas għamilha ċar fil-kampanja elettorali illi ma kienx lest illi jinnegozja l-awtonomija għal-lbiċ tat-Turkija li għandha maġġoranza kurda ma’ aktar poteri lill-president. Fin-nuqqas ta’ gvern ta’ koalizzjoni, kellha tissejjaħ elezzjoni bikrija li qiegħda ssir illum.
Il-Kurdi jikkostitwixxu 20% tal-populazzjoni torka u appoġġjaw lill-AKP f’bosta elezzjonijiet. Erdogan ukoll rattab il-posizzjoni tal-istat tork fil-konfront tal-kurdi illi sa ftit ilu l-anqas setgħu jitkellmu l-lingwa tagħhom fil-pubbliku. Ġie ddikjarat waqfien il-ġlied mal-PKK, il-partit tal-ħaddiema kurdi illi kien ilu snin fi gwerra mal-armata turka u bdew taħdidiet bejn il-gvern u l-PKK sabiex tinstab soluzzjoni aħħarija għall-kwistjoni kurda. Il-kurdi, li huma mxerdin bejn it-Turkija, is-Sirja, l-Iraq u l-Iran baqgħu mingħajr stat wara li sfaxxa l-imperu ottoman u għal bosta snin soffrew minn ripressjoni kullimkien. Imma llum fl-Iraq igawdu awtonomija kbira u fis-Sirja sfruttaw id-dgħjufija tar-reġim ta’ Assad u qed jiddikjaraw bosta żoni awtonomi. Il-peshmerga kurdi qed ikunu l-aktar ġellieda effettivi kontra l-ISIS.
Rinfaċċjat b’dan ir-riżultat, Erdogan tah ferħ ta’ ġenn. Beda jakkuża lill-HDP b’simpatiji għat-terroristi tal-PKK. Wara l-mewt ta’ 33 żagħżugħ fil-massakru ta’ Suruc f’Ġunju li għadda da parti tal-ISIS, il-PKK qatlet żewġ pulizija torok għax akkużat lill-gvern tork illi kien ippermetta lill-ISIS iwetqu dan l-attakk. Verament bosta għamlu l-istess akkuża fil-konfront tal-gvern illi għandu atteġġjament ferm ambivalenti u ambigwu fil-konfront tal-ISIS imma din kienet ix-xoqqa f’moxxtha illi Erdogan ried ħalli jibda jattakka l-bażijiet tal-PKK fl-Iraq tat-tramuntana. Il-konflitt bejn l-armata u l-PKK reġa ħa n-nar u ż-żewġ naħat kellhom bosta mwiet. Huwa ċar illi Erdogan irid jirbaħ il-vot nazzjonalista u jpinġi ruħu bħala l-unika bastjun tal-għaqda nazzjonali.
L-elezzjoni torka tal-lum qiegħda ssir f’tensjoni kbira. Fl-10 ta’ Settembru, żewġ terroristi, x’aktarx tal-ISIS, splodew ruħhom f’nofs dimostrazzjoni favur il-paċi fiċ-ċentru ta’ Ankara u kkawżaw il-mewt ta’ 102 ruħ. Minħabba f’hekk, l-HDP issospendiet il-manifestazzjonijiet pubbliċi kollha. Każini tal-HDP ġew attakkati minn nies qrib l-AKP imma ftit ittieħdu proċeduri kriminali kontra dawn it-talin. Fl-istess waqt, il-media statali kienet ferm imxaqilba favur l-AKP u kontra l-partiti tal-opposizzjoni, speċjalment l-HDP. Il-media ndipendenti ġiet ukoll attakkati u żewġ ġurnali qrib il-moviment ta’ Fethullah Gulen, predikatur iżlamiku eżiljat fl-Amerika illi qabel kien ferm qrib ta’ Erdogan imma llum huma rivali kbar, ġew ikkonfiskati. Dawn il-ġurnali mmedjatament bidlu l-linja editorjali tagħhom għal waħda favur l-AKP.
L-inċertezza politika affetwat l-ekonomija illi ddgħajfet sew din is-sena. Dana abbli ser iħalli mpatt fuq ir-riżultat elettorali bl-istħarriġ tal-opinjoni ibassru ftit tibdil mir-riżultat ta’ Ġunju. Madankollu, huwa mistenni vot aktar qawwi mit-83% ta’ Ġunju li għadda.
It-Turkija hija f’salib it-toroq. Jekk l-opposizzjoni terġa tirripeti r-riżultat ta’ Ġunju, l-ambizzjonijiet awtoritarji ta’ Erdogan ikunu frustrati imma jekk Erdogan jirnexxielu jeskludi l-HDP mill-Parlament u l-AKP jakkwista l-maġġoranza tas-siġġijiet, wieħed wisq jibża illi d-demokrazija fraġli torka tiddgħajjef aktar. Wara 13-il sena fil-gvern u bosta skandli u allegata korruzzjoni anke fost il-qraba ta’ Erdogan, huwa ċar illi hemm bosta fl-AKP illi għandhom ħafna x’jitilfu u ser jagħmlu minn kollox biex jiggranfaw mal-poter.
Huwa fl-interess tal-Ewropa illi tankra lit-Turkija fil-familja tad-demokraziji parlamentari. It-Turkija, pajjiż kbir b’patrimonju u storja hekk rikki, ma jixraqlu xejn anqas. Bosta ser ikunu dawk illi ser jistennew ir-riżultat tal-elezzjoni tal-lum b’ansja kbira, anke barra mit-Turkija.