Il-Palestinjani refuġjati f’arthom...Imma għaliex?

minn Alex Caruana

Il-Palestinjani għadhom jirreżistu l-okkupazzjoni u l-oppressjoni Iżraeljana għax jafu li inkella, jiġu mħassra minn fuq il-mappa u mill-istorja
Il-Palestinjani għadhom jirreżistu l-okkupazzjoni u l-oppressjoni Iżraeljana għax jafu li inkella, jiġu mħassra minn fuq il-mappa u mill-istorja

Xi ftit tal-jiem ilu kelli l-opportunità nżur żewġ kampijiet tar-refuġjati, Aida Camp, li fih madwar 6,000 persuna u Dheisha Camp li fih 11,000 persuna. Dawn huma żewġ kampijiet tar-refuġjati Palestinjani ġewwa Betlehem. Fil-West Bank kollha hawn dsatax-il kamp tar-refuġjati, filwaqt li 80% tal-1.8 miljun persuna li jgħixu f’Gaża huma refuġjati. Sabiex l-istat Iżraeljan seta’ jkollu maġġoranza Lhudija, fl-1948 il-gruppi armati Iżraeljani marru fl-irħula u l-ibliet Palestinjani u qatlu u keċċew lin-nies minn hemm. Uħud ħarbu fil-pajjiżi ġirien, is-Sirja, il-Ġordan u l-Libanu. Oħrajn ħarbu lejn postijiet oħra fil-Palestina stess.

Malli tasal viċin id-daħla ta’ Aida Camp issib ħnejja b’muftieħ kbir fuqha. Il-muftieħ jissimbolizza ċ-ċwievet tad-djar li ġew imkeċċija minnhom il-Palestinjani mill-militias Żionisti (li mbagħad saru l-armata Iżraeljana) fl-1948. Il-Palestinjani żammew dawn iċ-ċwievet u jgħadduhom minn ġenerazzjoni għall-oħra. Għal dawn ir-refuġjati kollha, il-muftieħ jissimbolizza r-ritorn, dritt fundamentali ta’ kull refuġjat u refuġjata Palestinjan/a li jirritornaw lura f’arthom u li qed jiġi miċħud lilhom mill-istat Iżraeljan.

Hekk kif tidħol fil-kamp ta’ Aida, issib il-ħajt ta’ apartheid ma’ wiċċek. Uħud mill-faċċati tal-bini f’dan il-kamp huma biss ftit ċentimetri ’l bogħod minn dan il-ħajt mibni illegalment mill-Iżrael, li prattikament jagħlaq u jkompli jifga l-kamp kollu. Fuq in-naħa l-oħra tal-ħajt, hemm l-Iżrael. L-irħula li oriġinaw minnhom ir-refuġjati li jgħixu fil-kamp jinsabu wara dan il-ħajt. Għandhom kull dritt taħt il-liġi internazzjonali, hekk kif imniżżel b’mod ċar fir-riżoluzzjoni 194 tal-Ġnus Maqgħuda, li jerġgħu jmorru lura lejn djarhom. Iżda dan ma jistgħux jagħmluh għaliex il-ħajt u ċ-checkpoints Iżraeljani jwaqqfuhom milli jerġgħu lura lejn arthom. Meta l-Palestinjani ppruvaw jirritornaw, is-suldati sparaw fuqhom, waqt li oћrajn ġew ittorturati u mitfugħa l-ħabs.  

Il-Ħajt ta’ Apartheid madwar il-Kamp Aida
Il-Ħajt ta’ Apartheid madwar il-Kamp Aida

Bdiet nieżla x-xita. Fuq il-lemin hemm il-ħajt ta’ madwar 8 metri għoli, fuq ix-xellug kmamar fuq xulxin u toroq dojoq. L-oppressjoni tinħass fl-arja. Ġie gwida, qalilna li missieru kellu 13-il sena meta l-familja tiegħu ġiet sfurzata titlaq min artha. B’daħka fuq wiċċu qalilna li huma m’għandhomx qalbhom maqtugħa għax, jekk hux għada jew mitt sena oħra, se jirritornaw lura. Waqafna u wriena bott tal-metall griż mal-art – il-gass tad-dmugħ velenuż li sparaw is-suldati Iżraeljani. Qalilna wkoll li s-suldati saru jinvadu l-kamp minn tal-inqas darba fix-xahar. L-għada sirna nafu mill-aħbarijiet li fil-lejl ta’ qabel, fl-istess kamp li konna fih filgħodu, is-suldati Iżraeljani daħlu, sparaw kemm felħu gass tad-dmugħ u fuq il-megaphone jidwi mal-kamp kollu bdew jheddu li se jiggassjaw u joqtlu lil kulħadd, irġiel, nisa u tfal. L-ironija storika ta’ dan il-kliem hija ċara u xokkanti.

Is-suldati Iżraeljani daħlu fil-kamp, sparaw kemm felħu gass tad-dmugħ u fuq il-megaphone jidwi mal-kamp kollu bdew jheddu li se jiggassjaw u joqtlu lil kulħadd, irġiel, nisa u tfal

Il-kamp ta’ Dheisha mhux wisq ‘il bogħod mill-kamp ta’ Aida. Il-gwida ta’ dan il-kamp ukoll twieled u għex ħajtu kollha ġol-kamp. Spjegalna kif l-UNRWA (United Nations Relief and Works Agency for Palestine Refugees in the near East) kriet l-art għal 99 sena. Il-kamp jinsab fuq medda ta’ art ta’ 1.5km u fil-bidu kien magħmul biss minn tined. Illum il-kamp huwa magħmul minn djar u kmamar żgħar mrassin f’xulxin madwar toroq dojoq u mudlama, bħall-kampijiet kollha tar-refuġjati Palestinjani. Waqt li konna qed induru l-kamp, kien hemm tfal jiġru, tfajliet ħerġin mid-dar bil-kotba f’idejhom u tpinġijiet fuq il-ħitan. Tpinġija partikolari li laqtitni kienet dik ta’ Fidel Castro u Che Guevara. Dan il-kamp hu magħruf għall-ideoloġija xellugija li l-maġġoranza tar-refuġjati jħaddnu. Mistoqsija li ħarġet minn fommi mingħajr wisq ħsieb kienet dik ta’ x’se jiġri wara li jiskadu d-99 sena ta’ kiri tal-kamp. Ir-risposta kienet tipikament Palestinjana, risposta dinjituża. Ma jaħsbux x’se jiġri mill-kamp għax il-kamp mhux darhom, darhom qiegħda wara l-ħajt u xi darba għad jirritornaw.

Il-Muftieħ fid-daħla tal-Kamp Aida
Il-Muftieħ fid-daħla tal-Kamp Aida

Aħna u sejrin lura d-dar, fuq ix-xellug rajna għolja fejn hemm settlement Iżraeljan. Eluf ta’ Iżraeljani joqogħdu f’settlements ġewwa l-West Bank, illegalment skont il-liġi internazzjonali. Il-gvern Iżraeljan mhux biss ħataf l-art Palestinjana, mhux biss ma jħallix lir-refuġjati jirritornaw f’arthom, imma qiegħed ukoll jinċentiva lis-settlers jieħdu iktar art Palestinjana u jinżlu fil-villaġġi Palestinjani, isawtu lin-nies, jaħarqu s-siġar taż-żebbuġ u joħolqu terrur minn kull fejn jgħaddu. Is-settlers għandhom dritt iġorru l-armi fuqhom u huwa komuni li tara settlers b’M16 wara darhom.

Hija sitwazzjoni ta’ paradoss estrem. Min-naħa, hemm il-poplu Palestinjan. Poplu li nofsu huwa magħmul minn madwar 5 miljun refuġjat u refuġjata madwar id-dinja. Refuġjati li qed jistennew li xi darba jirritornaw lejn l-art li ġew imkeċċija minnha bil-vjolenza. Min-naħa l-oħra hemm realtà totalment differenti, dik Iżraeljana. Il-gvern Iżraeljan iħeġġeġ lil-Lhud madwar id-dinja sabiex imorru jgħixu ġewwa l-Iżrael. Jekk ikollok evidenza u turi li inti persuna bi twemmin Lhudi, il-gvern Iżraeljan jilqgħak b’idejh miftuħa, anki jekk qatt ma meddejt riġlejk fl-Iżrael qabel. Pajjiż ibbażat fuq regoli diskriminatorji u soċjetà ta’ apartheid.

Il-Gvern Iżraeljan mhux biss ħataf l-art Palestinjana, mhux biss ma jħallix lir-refuġjati jirritornaw f’arthom, imma qiegħed ukoll jinċentiva lis-settlers jieħdu iktar art Palestinjana u jinżlu fil-villaġġi Palestinjani

Bħalissa, jien u nikteb dan l-artiklu fi pjazza f’Betlehem, ħdejn il-knisja tan-natività fejn twieled Kristu, flimkien mal-ħoss tat-talb Musulman ħiereġ minn Moskea viċin, qed jinstemgħu ukoll l-ambulanzi. Dan huwa l-ħin li normalment iż-żgħażagħ tal-kamp ta’ Aida jaffrontaw lis-suldati li qed jokkupaw din l-art. Fl-ispirtu ta’ kull raġel u mara jwaddbu l-ġebel lejn l-oppressur tagħhom, hemm ħsieb wieħed: li xi darba jirritornaw f’arthom u jgħixu ħielsa bi drittijiet indaqs u b’dinjità.

More in Blogs