
Min imiss jirriżenja?
'... ma naħsibx li l-Partit Laburista qatt ried lil Joe Cassar jirriżenja. Għax issa li Cassar irriżenja, il-PL ħoloq problema kbira għalih innifsu'

Meta l-Kodiċi tal-Etika dwar il-persuni fil-ħajja pubblika f’Malta jitkellem dwar ir-rigali li dawn jirċievu, dan jagħmlu bl-iskop li jnaqqas il-possibilità li tinħoloq obbligazzjoni bejn il-politiku u min jagħtih ir-rigal. Hemm miżuri differenti fil-Kodiċi tal-Etika dwar il-Membri Parlamentari u f’dak dwar il-Ministri.
Il-Ministri, jgħidilna l-Kodiċi tal-Etika tal-Kabinett ma jistgħux jaċċettaw rigali jew servizzi li l-entità tagħhom jistgħu jpoġġuhom f’obbligazzjoni, kemm jekk din tkun reali kif ukoll jekk tidher li tista’ tkun (Regolament 58). Jiġifieri l-obbligu tal-Ministru m’huwiex li jiddikjara x’rigali rċieva, iżda li ma jaċċettahomx.
Il-każ tal-eks Ministru Joe Cassar hu dwar tliet rigali. L-ewwel rigal kien karozza li min bigħielu ma riedx flus tagħha. Qallu biex flok ma jħallas lilu, jagħti donazzjoni lill-PN. Iż-żewġ rigali l-oħra huma sistema tas-sigurtà u xogħolijiet f’razzett f’Ħad-Dingli: xogħol li sar fi ħwejġu u ħallas għalih ħaddieħor skond irċevuti ppubblikati. Cassar ikkontesta dak li ntqal dwaru, inkluż b’diskors fil-Parlament. Fl-aħħar, għalkemm baqa’ jinnega li qatt ta xi forma ta’ awtorizzazzjoni biex jitħallsu kontijiet f’ismu, Cassar aċċetta li seta’ ġieb ruħu aħjar u li għamel żball ta’ ġudizzju (error of judgement). L-ewwel skuża ruħu u rriżenja minn kelliemi tal-grupp parlamentari tal-PN għall-Kultura u sussegwentement irriżenja wkoll minn Membru Parlamentari.
Sa ftit siegħat qabel mat-Tabib Joe Cassar irriżenja minn Membru Parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien qed jgħid li m’hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jirriżenja, u dan minħabba li ma kienx hemm fondi pubbliċi involuti. Il-Partit Laburista min-naħa l-oħra kien qed jinsisti għar-riżenja.
Ir-riżenja ta’ Joe Cassar ma kienet mistennija minn ħadd. Il-Partit Nazzjonalista esprima ruħu ċar: li l-iżball ta’ Cassar ma kienx jiġġustifika la tkeċċija (jew riżenja) mill-Partit u lanqas riżenja minn Membru Parlamentari.
L-anqas il-Partit Laburista ma emmen li Cassar kien se jirriżenja. Minkejja li nsista fuq ir-riżenja, ma naħsibx li l-Partit Laburista qatt ried lil Joe Cassar jirriżenja. Għax issa li Cassar irriżenja, il-PL ħoloq problema kbira għalih innifsu. Għax ir-riżenja ta’ Cassar hi issa l-kejl li jrid iqis Joseph Muscat kull meta jkollu Ministru jew Segretarju Parlamentari fil-Kabinett tiegħu li jiżbalja inkella li jkollu jġorr responsabbiltà politika għal żbalji goffi fid-dekasteru tiegħu.
Joseph Muscat diġà keċċa lil Manwel Mallia mill-Kabinett, meta dan ma kellux il-kuraġġ morali li jerfa’r-responsabbiltà politika tiegħu u jirriżenja fid-dawl tar-rapport tal-inkjesta dwar l-inċident tal-isparatura li fiha kien involut ix-xufier tiegħu. Dan iżda kien kostrett li jagħmlu wara għoxrin ġurnata ta’ tkaxkir tas-saqajn, għax ippressat mill-medja u l-opinjoni pubblika
Ir-riżenja, meta tkun deċiżjoni politika ġenwina, għandha tkun waħda immedjata u mhux bħala riżultat ta’ pressjoni tal-medja jew tal-opinjoni pubblika. Hekk għamlu l-politiċi ta’ stoffa f’kull parti tad-dinja demokratika. Il-politiku ġenwin m’għandux bżonn suġġerituri biex jirrealizza meta l-iżball hu gravi biżżejjed li jiġġustifika r-riżenja.
Dan il-punt se jerġa’ jqum fid-dawl tal-investigazzjoni li qed jagħmel l-Awditur Ġenerali dwar l-esproprijazzjoni tal-binja fi Triq iz-Zekka l-Belt. Diġà ġiet konkluża investigazzjoni interna fis-servizz pubbliku u dan ir-rapport ilu f’idejn il-Prim Ministru sa minn Lulju li għadda.
Il-Prim Ministru qiegħed ikaxkar saqajh biex jieħu deċiżjoni dwar il-konklużjonijiet fir-rapport li għandu f’idejh: bl-iskuża li qed jistenna lill-Awditur Ġenerali jippreżenta r-rapport tiegħu.
Waqt li l-Prim Ministru b’solennità jiddikjara li qiegħed jistenna lill-Awditur Ġenerali, dawk ta’ madwaru (bla dubju bil-kunsens tiegħu) għalfu lil sezzjoni tal-istampa b’biċċiet mir-rapport intern li s’issa għadu kunfidenzjali. Kien ikun ħafna iktar għaqli kieku l-Prim Ministru jippubblika immedjatament ir-rapport kollu (u mhux biċċiet minnu kif jaqbel) u jieħu passi immedjati dwar dak li jirriżulta mir-rapport. Hi ipokrezija politika li l-ewwel tiddikjara li mhux se tippubblika r-rapport biex ma tinfluwenzax lill-Awditur Ġenerali, u mbagħad tippermetti l-pubblikazzjoni ta’ partijiet minnu.
Ftit ġranet wara li dan ir-rapport kien ippreżentat lill-Gvern, lejn tmiem Lulju 2015 kumbinazzjoni, irriżenja d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Propjetà tal-Gvern. Dakinhar intqal li din ir-riżenja kienet għal raġunijiet personali. Ovvjament, emmen jekk trid. Bosta, jiena nkluż, ma tantx huma konvinti minn dawn il-kumbinazzjonijiet.
Bosta jemmnu li d-Direttur Ġenerali, li ntqal li rriżenja għal raġunijiet personali, kien il-ħaruf tas-sagrifiċċju li ġarr fuq spallejh il-piż kollu. Jekk dan hu hekk, hu żbaljat li jġorr il-piż waħdu. Huwa għalhekk ukoll li qed tikber il-pressjoni pubblika biex is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-amministrazzjoni ħażina tat-taqsima tal-Propjetà tal-Gvern u jirriżenja. Ir-reżistenza biex dan isir la tagħmel ġid lil Falzon u l-anqas lill-Gvern. Lil Falzon nafu bħala bniedem raġonevoli li bla dubju jifhem id-differenza bejn responsabbiltà personali u responsabbiltà politika. Nifhem li ftit għandu eżempji tajbin fuq xiex jimxi, peró tajjeb li jifhem li dik hi l-unika triq onorevoli.
Fil-każ ta’ Manwel Mallia damu jaħsbuha għoxrin ġurnata biex jiġi mwarrab. Joe Cassar dam jaħsibha ftit ġranet biex irriżenja. Michael Falzon għandu jrabbi ftit tal-kuraġġ biex hu ukoll jerfa’ r-responsabbiltajiet politiċi tiegħu. Huwa responsabbli għal mod kif iġibu ruħhom ta’ taħtu.
Ir-riżenja ta’ Joe Cassar ma naħsibx li tħallilu wisq alternattivi. Billi jkaxkar saqajh mhu se jsolvi xejn.
Carmel Cacopardo huwa Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika
http://carmelcacopardo.wordpress.com , [email protected]