You don’t impress me much

L-editorjal tal-bieraħ li tratta l-każijiet ta' Joe Cassar, Michael Falzon u Gaffarena

Ħallejniha fl-oriġinal Ingliż tagħha hekk kif kantata minn Shania Twain għax inħossu li timpatta iktar b’dan il-mod. Meta ngħidu li ma tantx ninsabu impressjonati qed nirreferu għar-reazzjoni tagħna għaċ-ċirku politiku li għaddej bħalissa fejn iż-żewġ partiti għaddejjin b’tiġrija frantika lejn il-qiegħ ta’ min minnhom qeda, inqeda jew kellu l-aktar relazzjoni mill-qrib ma’ Gaffarena. 

Il-PN, donnu jrid ibellagħha li dan il-bniedem li kien jappoġġjah għal ħafna snin, dejjem għamel dan, sforz prinċipju sod u ideoloġija ċara. Fil-fatt, f’intervista ma’ Beppe Fenech Adami li dehret fuq din il-gazzetta fit-2 ta’ Awwissu, lura meta kien qam il-każ kollu ta’ Triq Żekka, dan kien saħansitra stqarr li dan Gaffarena kien negozjant li għax ra n-negozju tiegħu jikber, ta s-sostenn tiegħu lill-Gvern Nazzjonalista. Iżda mbagħad, f’daqqa waħda, Beppe riedna nemmnu li Gaffarena sar għajnejh ikbar minn żaqqu, u vvota Labour (x’orrur), u baqa’ dejjem ġej għal aktar. L-argument sempliċiment ma jreġix u ma jimpressjonaniex. Fi ftit kliem ma nemmnuhx. 

Imma jekk l-argument ta’ Beppe ma jreġix daqshekk ieħor ma jreġix l-argument fallaċi li issa l-Partit Laburista ilu għaddej bih ta’ ‘int għamilt agħar’, jew ‘int gawdejt ukoll’, allura, b’konsegwenza, jien nista’ nagħmel ħażin ukoll. L-argument ma jimpressjonax lil dawk l-eluf kbar li vvutaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba għax dawn għamlu hekk biex jixkupaw ’il barra l-għanqbut u d-dell ta’ ċrieki fi ċrieki Nazzjonalisti, mhux biex dawn jinbidlu fi ċrieki fi ċrieki ta’ merċenarji differenti jew li biddlu kulurhom għax il-bastiment ta’ Gonzi kien ilu fil-qiegħ snin twal. 

Ma tantx jimpressjona lanqas il-wiċċ ta’ martri u l-politiċi li joqgħodu jilgħabuha ta’ San Bastjan wara li jkunu għaffġuha. Konna nippretendu li minflok juża kliem bombastiku bħal “attakk feroċi” u “frame up”  biex jimpressjona lil kull min hu Nazzjonalist, Joe Cassar missu spjega kif l-ewwel qal li Gaffarena ma kellux x’jaqsam mal-bini tad-dar tiegħu biex imbagħad il-ġurnal MaltaToday żvela kont ta’ €8,150 f’xogħolijiet li saru fuq id-dar tiegħu minn Gaffarena stess. Ma tantx jimpressjona lanqas l-argument li darba fost l-oħrajn, Cassar qam u sab il-kameras tas-CCTV, mħallsin minn Gaffarena għal spiża ta’ €800, mwaħħlin mad-dar, bħala parti minn “frame-up.” Nisperaw li Cassar ikollu ċ-ċans kollu biex iwieġeb għal dawn l-aħħar żviluppi, ħalli forsi hemmhekk jimpressjonana, jew bil-mod malinn li jaħdem bih il-Partit Laburista, li skontu bagħat lil Gaffarena iwaħħal il-kameras biex jagħmillu ‘frame-up’  jew bl-ideat fertili tiegħu. 

Minkejja kollox, Cassar issa rreżenja u anke jekk għad irid jirrispondi ħafna domandi, xorta ħallas il-prezz massimu li jħallas politiku. B’hekk il-ħarsa ddur kollha fuq il-Prim Ministru issa biex il-pajjiż jara jekk f’każijiet simili, marbutin jew le ma’ Gaffarena, hux se jkun qiegħed jesiġi l-istess trattament mingħand il-politiku. 

Jibqa’ fatt iżda li jiġri x’jiġri, eluf ta’ nies speċjalment dawk li ma jqumux u jorqdu jieklu l-politika u ma jwaħħlux għajnejhom u widnejhom mal-midja tal-partit, mhuma impressjonati xejn b’din il-logħba ta’ ‘tit-for-tat’. Il-klassi ta’ nies li jiddeterminaw riżultat tal-elezzjoni għax ma jħossuhom obbligati lejn l-ebda partit bħalissa qed jaraw biss żewġ partiti b’subgħajhom ppuntatat lejn xulxin, jakkużaw lil xulxin bi dnubiet li huma identiċi. Għalhekk dawk li mhumiex impressjonati, jħarsu lejn iż-żewġ partiti u jgħidulhom “You don’t impress me much.” 

More in Blogs