Iż-żewġt uċuh taċ-CHOGM
L-Editorjal tal-ILLUM
Is-sinifikat tal-laqgħa taċ-CHOGM li saret f’pajjiżna matul dan it-tmiem il-ġimgħa għandha żewġt uċuħ. L-ewwel u qabel kollox din il-laqgħa, flimkien mal-Valletta Summit ta’ ġimagħtejn ilu, urew mingħajr ebda dell ta’ dubju li pajjiżna kapaċi jorganizza avvenimenti ta’ din ix-xorta b’mod professjonali u serju. Fil-fatt, għajr il-ftit intoppi żgħar li ħafna minnhom, għalkemm mhux kollha, kienu lil hinn mill-kontroll tal-awtoritajiet, dawn iż-żewġ avvenimenti marru tajjeb ħafna. Iż-żewġ laqgħat servew ukoll ta’ mera għall-wirt ta’ pajjiżna hekk kif miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja kellhom il-faċilità li jaraw b’għajnejhom x’wirt storiku u imprezzabbli jeżisti f’din il-gżira żgħira. Sant’Anġlu u Sant’Iermu, żewġ ġojjelli storiċi li jixhdu l-passat imqalleb ta’ pajjiż f’nofs il-Baħar Mediterran reġgħu ħadu l-ħajja daqs qatt qabel u l-Belt Kapitali tagħna reġgħet, għal darb’oħra, serviet ta’ punt ta’ konverġenza għal stati, mexxejja, ideat u kulturi differenti.
Imma lil hinn minn pajjiżna u l-abbiltajiet organizzattivi, hemm realtà oħra. Hemm ir-realtà li numru sew ta’ mexxejja li ġew pajjiżna qed imexxu lil nieshom b’id tal-ħadid u ħallewhom f’faqar assolut. Huwa ġust li mas-60% tal-popolazzjoni ta’ Swaziland qed tipprova tgħix b’dollaru kuljum, waqt li r-Re Mswati III tal-istess pajjiż nefaq $61 miljun fuq oġġetti tad-dar biss? Kellmuh il-mexxejja tal-Commonwealth lir-rappreżentant tal-Brunei dwar il-fatt li pajjiżu, fi ftit żmien ieħor, jista’ jintroduċi l-piena tal-mewt bi tħaġġir għal koppji omosesswali? U la qed nitkellmu fuq l-omosesswali, kien hemm imqar, referenza waħda li hi waħda, mar-rappreżentant tal-Uganda għall-mod moqżież u inuman li mijiet ta’ Afrikani omosesswali ġew trattati bih f’dawn l-aħħar snin f’dan il-pajjiż? Jew xejn? Jew ħafna ċekċik, xampanja, ċirimelli u barra bid-daqq? Se nibilgħu l-lixka ta’ nies, bħal mexxej tal-Uganda Yoweri Musuveni, li qal li dak pajjiżu, u ħadd m’għandu jimponi valuri? Jew se nqumu u kif jingħad bl-Ingliż ‘stand up to be counted’ għad-drittijiet universali u umani li nħaddnu?
L-Indja, l-ikbar pajjiż f’termini ta’ popolazzjoni fil-grupp tal-Commonwealth, għandu kważi 180 miljun persuna li qegħdin fil-faqar, li jikkwantifikaw għal 17.5% tal-poplazzjoni fqira madwar id-dinja. Saret diskussjoni dwar x’inhu jsir u x’se jkompli jsir biex il-faqar assolut u l-kundizzjonijiet mill-aktar inumani li jgħixu fihom miljuni ta’ ċittadini Indjani jkunu mtejbin? U mhux mtejbin snin oħra, imma llum, biex id-dinja tkun qed tagħmel ġustizzja ma’ dawk il-miljuni li qed jgħixu f’disperazzjoni, illum.
Minn dan l-editorjal, iktar kmieni din is-sena, diġà aċċennajna dwar l-importanza tal-globalizzazjoni tad-drittijiet. Li niġġieldu għad-dritt tal-għażla, għad-dritt tal-kelma, tal-libertà, tal-ħajja u tal-ugwaljanza f’pajjiżna biss u nieqfu hemm mhux biżżejjed. Mhux biżżejjed li niġġieldu l-ġlidiet tagħna, fejn jikkonċerna lilna, imbagħad ikollna opportunità tad-deheb bħaċ-CHOGM u minflok niddiskutu dak li vera jgħodd, noqogħdu nagħmlu ħafna konferenzi li jwasslu biss għal ħafna paroli u platitudnijiet. Kellna ċans tad-deheb biex mmorru lil hinn mis-superfiċjalità ta’ x’inhi liebsa l-President u kemm kien ħelu l-kappell tar-Reġina u nieħdu din il-laqgħa bħala opportunità biex nuru li ma naqblux mal-oxxenitajiet li għaddejjin f’uħud mill-pajjiżi tal-Commonwealth. Kellna ċ-ċans, inqumu bil-wieqfa, mingħajr ma nkunu insolenti, u nagħmlu l-punt tagħna favur dawk il-miljuni li jinsabu mgħaddsa taħt il-faqar u taħt l-oppressjoni. Imma għażilna li nitkellmu dwar il-hand bags, il-kpiepel, il-make-up u n-nostalġija imperjali.
Nistgħu għalhekk nikkonkludu li ċ-CHOGM kien avveniment mill-aktar superfiċjali, għalkemm definitivament organizzat b’mod professjonali ħafna.