Iljunfanti u inforri

"....dan mill-istess nies li minflok faħħru u ftakru u onoraw lill-mara, bħal Agatha Barbara, li kellha l-kuraġġ toħroġ għonqa fil-politika fi żmien meta nisa fil-politika ftit li xejn kien hemm, u fi żmien meta kellha tiffaċċja l-interdett, kienu “jgħajruha” mara/raġel. S’hemm jaslu..." 

Ix-xena politika qatt ma tieqaf tissorprendi. Il-mument li taħseb li m’hemm xejn iktar x’niddiskutu ħlief kemm qala’ dak u l-ieħor u l-purċinellati fil-Parlament, terġa’ tqum il-kwistjoni tal-mina bejn Malta u Għawdex. Issa qabel ma tittewweb u tqalleb il-paġna, nixtieq infakkrek li din id-darba iż-żewġ partiti ‘mean business’. Din id-darba, il-proġett tal-mina se jsir u d-diskussjoni qabdet momentum mgħaġġel biżżejjed li se jwassal biex fi ftit snin oħra, l-Gozo Channel issir parti mill-istorja, bħad-dgħajjes tal-latini, u jkollna biċċa ta’ triq żul minn nofs taħt il-baħar. Il-ħaddiema? U iva dawk ikunu irtiraw....who cares?

Jiena nispera li jekk se jidħlu għalih, il-politiċi u l-Gvern preżenti u tal-futur iwettquh il-proġett, imma skużawni ħa jkolli nfotti xi ftit il-festi u ngħidilkohom li bħal San Tumas, qabel nara mhux se nemmen. Għax issa drajna nisimgħu pompi u ħafna kliem sabiħ u hubs l’hawn u hubs l’hemm u Smart Cities li se jħaddmu 5,000 ruħ u s’issa bl-għadma bqajna. 

Drajna nisimgħu pompi u ħafna kliem sabiħ u hubs ‘l hawn u hubs ‘l hemm u Smart Cities li se jħaddmu 5,000 ruħ u s’issa bl-għadma bqajna

Tiftakru kemm kien ftaħar Gonzi fil-meeting ta’ Ħaż-Żabbar fl-2008? “Hawn għamilniha Smart City, għan-nies tas-South...b’5,000 impjieg ġdid.” U kulħadd tah ferħ ta’ ġenn, u kulħadd mar jistudja l-IT biex ikollhom impjieg fi Smart City u Austin Gatt kien sar il-Ministru ‘smart’ ta’ Malta. Għadda ż-żmien u x’għandna mill-wegħdiet solenni? Kafetterija biex tfettet xi biskuttin u funtana sabiħa ħafna li taħdem mal-mużika. Apparti minn dawn, hemm numru limitat ta’ uffiċini ta’ kumpaniji, li wħud minnhom joperaw fl-informatika u li ħafna minnhom kellhom operazzjoni kummerċjali diġà fil-pajjiż u mxew lejn Smart City. Mid-dehra, sa mnalla kien il-Gvern preżenti li mexxa l-uffiċċini tal-Mita hemmhekk biex ta lill-proġett ftit ta’ ħajja u salvah minn mewt ċerta u sfortunata.  

Imbagħad għandna l-White Rocks u l-villaġġ tal-Artiġġjanat ta’ Ta Qali. Dwar tal-ewwel, suppost Gonzi kellu jbiddlu f’villaġġ sportiv. U tella’ nofs il-kabinett f’Kastilja, pompa kemm trid u tnabar bl-addoċċ. Kulħadd jiftaħar bil-kumplessi Sportivi li se jkollna. Taf x’kienu jonqoshom jgħidulna? Li b’dan il-proġett, il-Maltin kollha se jsiru żnelli, sportivi u se jkollhom figura tal-blieh. Naturalment, gorboġ ħmieġ kien, u hekk għadu. Issa suppost se jsir “kumpless esklussiv”. Jalla! Jalla jimtela bil-miljunarji u b’nies esklussivi, imma sa dakinhar mhux se nżomm in-nifs wisq ’il ġewwa.  

U l-villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta’ Qali, kemm rajna villaġġi u xeni u tpinġijiet. Għadni niftakar lil tan-NET jiġru Ta’ Qali u jistaqsu lis-sidien, “Araw. X’taħsbu? Jogħġobkom?” u dawk is-sidien u ħaddiema, jaħasra, jgħidulhom “Iii naqbel, xi ġmiel.” Mur illum, snin wara, u x’tara? Ħemel kruha, telqa, żdingar u apatija. Tgħid qalulha lil Kamilla b’dan il-villaġġ? Tgħid ħarfulha xi tnejn f’widnejha, “Here we are going to have a great project”? 

Għalhekk, meta nisma dal-ħafna fanfarunati dwar mina taħt il-baħar, imbagħad tqum l-Oppożizzjoni u biex tiffanfra iktar tgħidilna li hi mhux mina waħda trid, imma mini taħt il-pajjiż kollu, nieħu nifs ’il ġewwa, ieħor il-barra u ngħid, ara vera m’għandniex biex nehdew f’dan il-pajjiż. Nemmen meta nara, mhux qabel.

Ara x’libset Marie Louise!

Iċ-CHOGM ġie u mar, u l-aktar ħaġa li se jibqa’ msemmi għalih se jkun il-libsa ta’ Marie Louise. U qalgħula, u għajjruha u x’ma qalulhiex lill-President. Pajjiż sħiħ jitkellem fuq il-ħjata u d-disinn tal-libsa ta’ Marie Louise, li milli jidher, hawn numru ta’ nies f’dan il-pajjiż li ma tantx iniżluha. Għax tagħmel l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, bħal m’għamlu ħafna Presidenti oħrajn qabilha, jgħajruha, għax tkellmet favur l-immigranti għajruha, għax għażlet li tilbes l-aħdar jgħajruha u naturalment jgħajruha wkoll għax xi kultant temozzjona ruħha u taqbad tibki. 

Pajjiż sħiħ jitkellem fuq il-ħjata u d-disinn tal-libsa ta’ Marie Louise, li milli jidher, hawn numru ta’ nies f’dan il-pajjiż li ma tantx iniżluha

Imma ta’ min nitfgħu parti sostanzjali ta’ din il-qrusa lejn il-President, f’kuntest. Jgħajruha u jaqilgħula lil Marie Louise Coliero Preca għax ġejja mill-Partit Laburista u għax ġejja minn familja tal-ħaddiema. Għax nisa fil-politika, jew li żewġhom kien fil-politika, u li kienu jilbsu qishom ħarġu minn gallinar, eżistew. Imma forsi lil dawk ħadd qatt ma qalilhom xejn. Għax dawk kienu tal-partit tal-elit u s-superjuri. 

Imbagħad, la qbadniha fuq dan is-suġġett vera intelletwali, għax il-mara ta’ Muscat dejjem ikollha l-isbaħ ilbies, lil dik xorta ngħajruha u naqilgħulha. Din id-darba mhux bl-inforra u d-disinn, imma għax qed tilbes sabiħ, “minn fuq daharna.” 

Insomma orġja sħiħa tas-soltu suspettati, ta’ min se jkun l-aħjar pulizija tal-moda fuq kull mara li b’xi mod għandha parti jew kellha parti mill-Partit Laburista. U dan mill-istess nies li minflok faħħru u ftakru u onoraw lill-mara, bħal Agatha Barbara, li kellha l-kuraġġ toħroġ għonqa fil-politika fi żmien meta nisa fil-politika ftit li xejn kien hemm, u fi żmien meta kellha tiffaċċja l-interdett, kienu “jgħajruha” mara/raġel. S’hemm jaslu l-intellettwali u l-pulizija tal-moda! X’jimpurtahom li fil-proċess qed iwaqqgħu l-Presidenza għaż-żufjett. L-importanti li President ikun hemm xi ħadd minn tagħhom, jew xi ħadd li rriżenja u ħadha kontra l-partit l-ieħor. Plus ça change!

More in Blogs