Sobrjetà, Trasparenza, Posterità
minn Joe Ellis
Dawn il-ġranet spiss ġieni ħsieb f’moħħi: tgħid Tony Blair hu ferħan? Kuntent b’dak li rnexxielu jagħmel s’issa, b’postu fis-soċjetà u kif il-posterità sejra tiġġudikah? Wieħed jista’ jistaqsi għala Tony Blair m’għandux ikun kuntent b’dak li wettaq s’issa. Rebbaħ tliet elezzjonijiet lill-Partit Laburista li qabel kien prattikament eskluż mill-poter. Kulħadd jiftakar il-laqam tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista Brittaniku fl-elezzjoni tal-1983: l-itwal nota ta’ suwiċidju fl-istorja. F’dik l-elezzjoni, il-Partit Laburista taħt it-tmexxija tal-idealist xellugi, Michael Foot ġab l-anqas numru ta’ voti mill-1918 u rebaħ l-anqas numru ta’ siġġijiet mill-1945. Wara żewġ telfiet elettorali oħra taħt it-tmexxija ta’ Neil Kinnock, u wara l-mewt mhux mistennija ta’ John Smith, Tony Blair laħaq mexxej tal-Partit Laburista fl-1994. Ma damx ma introduċa bosta riformi ferm importanti fi ħdan il-Partit Laburista bl-abbandun tal-famuża klawsola IV li kienet timpenja lill-partit għall-otteniment tal-proprjetà komuni tal-mezzi ta’ produzzjoni u distribuzzjoni. Blair mexxa lill-partit għaċ-ċentru tal-ispettru politiku u ħareġ bil-laqam ta’ New Labour. Kienet operazzjoni politika li rnexxiet sew għax fl-elezzjoni tal-1997, il-Partit Laburista rebaħ l-akbar ammont ta’ siġġijiet li qatt rebaħ, 418 b’43.2% tal-voti. B’hekk, intemmu tmintax-il sena ta’ tmexxija konservattiva biI-Partit Konservattiv iġarrab l-akbar telfa mill-1906 u jġib l-anqas perċentwali ta’ voti mill-1832.
Blair, fl-età ta’ 43 sena sar l-iżgħar Prim Ministru Brittaniku mill-1812. Mill-ewwel introduċa tibdil kostituzzjonali ferm importanti bid-devoluzzjoni tal-poter minn Westminster bit-twaqqif ta’ Assemblei reġjonali ġodda fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq li flimkien mal-Ingilterra jikkostitwixxu r-Renju Unit. Il-gvern tiegħu introduċa l-Human Rights Act (li aħna konna daħħalna fl-1987 u li l-konservattivi Ingliżi issa jridu jabbandunaw imma ma jafux kif jistgħu jagħmlu hekk) u liġijiet innovattivi oħra. Taħtu ġie ffirmat ukoll il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Irlanda ta’ Fuq li għadu fis-seħħ sal-lum minkejja li problemi għadhom jinqalgħu. Barra minn hekk, il-pajjiż għadda minn żmien tajjeb għaliex l-ekonomija tar-Renju Unit kienet ferm f’saħħitha. L-aktar ħaġa li ħassret il-wirt pożittiv ta’ Blair fil-ħajja politika kienet l-koinvolġiment tar-Renju Unit fl-invażjoni tal-Iraq fl-2003 minħabba l-famużi armi ta’ qerda ta’ massa li Saddam kien ftaħar li għandu imma li fil-fatt ma kellux.
Blair rebaħ żewġ elezzjonijiet oħra, waħda fl-2001 fejn il-Labour naqqas biss 2.5% tal-voti u tilef ħames siġġijiet u oħra fl-2005 b’maġġoranza anqas bil-Labour inaqqas 5.5% tal-voti u jitlef 47 siġġu. Fl-2007 kellu jonora l-patt li jgħidu li kien għamel fl-elezzjoni ta’ mexxej fl-1994 u rriżenja sabiex iwitti t-triq liċ-Chancellor of the Exchequer, Gordon Brown sabiex isir Prim Ministru. Brown hu bniedem diċenti u intelliġenti, l-arkitett tas-suċċess ekonomiku li gawdiet l-Ingilterra matul is-snin ta’ Blair. Ftit wara li sar Prim Ministru, id-dinja waqgħet fl-agħar kriżi finanzjarja li qatt rat mis-snin għoxrin, kriżi li dlonk saret waħda ekonomika wkoll u li verament għadna ma ħriġniex minnha. Brown, flimkien maċ-Chancellor il-ġdid, Alistair Darling, huwa akkreditat li ġġestixxa ferm sew din il-kriżi. Imma ma kellux il-kariżma ta’ Blair u l-Labour tilef bil-kbir fl-2010.
Wara li rriżenja minn Prim Ministru, Blair waqqaf konsulenza, it-Tony Blair Associates sabiex jisfrutta l-esperjenza u l-kuntatti li akkwista matul il-karriera politika tiegħu. Jingħad li Blair jiċċarġja anke £250,000 sabiex jagħti taħdita. Ftit wara li rriżenja, l-aktar Franċiż sinjur, Bernard Arnault, li miegħu Blair kien sar ferm ħabib fis-snin ta’ Downing Street u li huwa l-proprjetarju tal-kolossu tal-lussu, LMVH, tah konsulenza qawwija li allegatament kienet taqbeż miljun sterlina. Ingħata bosta konsulenzi oħrajn minn ditti kbar mentri fuq ix-xena politika, inħatar bħala r-rappreżentant tal-Kwartett (l-Amerika, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti) sabiex jimmedja fil-kwistjoni tal-Lvant Nofsani, posiżzjoni li rriżenja minnha fis-27 ta’ Mejju li għadda.
Minħabba dawn il-konsulenzi u kumulu ta’ ġid, Blair spiss ġie akkużat li kien qrib wisq ma’ min hu sinjur u potenti. Il-fortuna tiegħu ġiet stmata li tiswa aktar minn £100 miljun imma hu rribatta li dan mhu minnu xejn u ma jiswiex aktar minn £20 miljun! Dan minkejja li għandu tal-anqas tmien residenzi u d-dħul li għandu mill-inkarigi, mill-konsulenzi u mid-diskorsi li jagħti. Il-Labour Party ma jridx jaf bih u hu magħruf li Blair ma kienx kuntent bil-pożizzjoni moderatament xellugija li l-partit addotta taħt Ed Miliband. Meta fl-aħħar kampanja elettorali f’Mejju li għadda, Blair offra £1,000 lil 106 kandidati Laburisti li kienu jikkontestaw f’siġġijiet marġinali, bosta kienu dawk li rrifjutaw din l-għotja. Wara t-telfa Laburista u r-riżenja ta’ Miliband, Blair intervjena bil-goff fil-kampanja għal ħatra ta’ mexxej ġdid Laburista u wissa kontra l-elezzjoni ta’ Jeremy Corbyn li huwa wieħed mill-aktar deputati xellugin fil-grupp parlamentari. It-twissijiet tiegħu ma swew għalxejn għaliex Corbyn rebaħ 59.5% tal-voti fl-ewwel round tal-elezzjoni u l-kandidati assoċjati ma’ Blair baqgħu l-baħar. Daqshekk saret fjakka l-influwenza ta’ Blair fi ħdan il-Partit Laburista li tant mexxa bi glorja.
Anke ma’ xi ħbieb kbar tiegħu spiċċa ħażin. Wieħed minnhom kien l-editur potenti u konservattiv Rupert Murdoch li appoġġjah sew politikament bil-ġurnali Ingliżi tiegħu. Fl-2013, Murdoch iddivorzja lit-tielet mara tiegħu, Wendi Deng (dik li qamet tiddefendieh fil-House of Commons meta Murdoch ġie aggredit waqt smigħ pubbliku) wara li ssupetta li kellha x’taqsam ma’ Blair. Blair ċaħad bil-qawwa dawn ix-xnigħat imma Murdoch ma jridx jaf bih, mhux ikellmu u neħħielu l-inkarigi kollha li kellu fi ħdan News Corporation.
Minkejja s-suċċess politiku u finanzjarju, jidher li bosta huma dawk li ma jridx ikollhom x’jaqsmu aktar ma’ Tony Blair. U għaldaqstant hija ferm leġittima d-domanda jekk Blair huwiex ferħan illum meta għalaq 62 sena.
Ma nafx kemm hawn nies fil-politika li jinkwetaw dwar kif l-istorja sejra tittrattahom. Imma naħseb li huwa destin kiefer ta’ dak li jkun laħaq il-quċċata tas-suċċess biex imbagħad jibda t-triq tan-niżla u jispiċċa mwarrab minn bosta. Dwar politiċi bħal DeGasperi li kellu jissellef kappott meta mar iżur lil Truman jew Nerik Mizzi li l-mara tiegħu kellha tagħti l-lezzjonijiet tal-pjanu sabiex tgħix wara l-mewt tiegħu, ħadd ma jitkellem dwar il-fortuni li għamlu qabel jew wara li telqu mill-poter. Dwar Jimmy Carter li qatta’ 35 sena minn kemm ilu li spiċċa minn President Amerikan jimmedja fi kwistjonijiet internazzjonali u jimmpromwovi d-drittijiet tal-bnidem filwaqt li baqa’ regolarment jipprietka fil-knisja battista tiegħu, ħadd ma jitkellem fil-ħażin. Imma dwar Bill Clinton li barra l-poter, iħobb ix-xorb, il-flus u n-nisa isir ħafna diskors. Kif qed isir fuq Tony Blair.
Muscat li huwa ferm sensittiv għall-opinjoni pubblika, huwa konxju kemm il-poplu huwa nkwetat dwar iż-żieda ta’ episjodji li għandhom riħa ta’ korruzzjoni kemm ilu f’Kastilja
Jidher li n-nomenklatura fit-tmexxija f’pajjiżna hija ferm attirata minn Blair. Kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern, esponenti importanti tat-tmexxija ta’ Blair bħal Alistair Campbell u Lord Mandelson ġew Malta sabiex jagħtu taħdidiet. U hemm bosta similaritajiet fl-istil tat-tmexxija u fil-metodu politiku. Imma tajjeb li t-tmexxija attwali żżomm f’moħħha d-destin xejn feliċi li Blair jinsab fih tmien snin biss wara li rriżenja mill-poter.
Fid-diskors tiegħu tal-aħħar tas-sena, il-Prim Ministru Muscat irrefera għad-determinazzjoni tiegħu li jelimina l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika f’postijiet bħad-dipartimenti tal-Artijiet u Identity Malta. Probabbilment, Muscat li huwa ferm sensittiv għall-opinjoni pubblika, huwa konxju kemm il-poplu huwa nkwetat dwar iż-żieda ta’ episjodji li għandhom riħa ta’ korruzzjoni kemm ilu f’Kastilja. Din mhix kwistjoni biss ta’ perċezzjoni jew ta’ surveys bħall-Eurobarometer.
Tliet konversazzjonijiet li kelli l-ġimgħa l-oħra laqtuni ferm. Fl-ewwel waħda, ma’ rappreżentant ewlieni tas-soċjetà ċivili b’simpatiji kbar Laburisti, kont sorpriż meta qalli li huwa mdejjaq bl-ammont ta’ korruzzjoni li hawn. Qalli, “erġajna ġejna għal żmien Lorry Sant.” Fit-tieni konversazzjoni ma’ avukat prominenti fil-kamp Laburista li għalih għandi rispett kbir dwar is-suq tal-kera, dan l-avukat kien ferm kritiku dwar l-ideoloġija liberali ta’ dan il-gvern. Kien qed jirreferi għall-kredenzjali ta’ dan il-gvern li huwa ‘pro-business’. Għidtlu li fl-opinjoni tiegħi, f’bosta aspetti bħalma hija l-konkorrenza, dan il-gvern qajla jista’ jitqies li huwa liberali. Ilna kważi sena nistennew deċiżjoni dwar l-iffissar tal-prezz tal-petrol mill-oligopolju li għandna fil-pajjiż. Fit-tielet konversazzjoni ma’ ħabib tiegħi, dan irreferiena għal dak li qallu ħatnu li ddeskrivieh bħala Laburista moderat. Skont dan, hemm min dam jistenna ħamsa u għoxrin sena ħalli jkun jista’ jiffanga kemm jiflaħ.
Jekk anke fil-kamp laburista hemm inkwetuduni dwar il-mod kif qed jikkomporta ruħu dan il-gvern, tassew għandu għalxiex jinkwieta min qed imexxieh. Sobrjetà u trasparenza talab il-president Taljan Mattarella mill-mexxejja Taljana u dan japplika ukoll għall-mexxejja tagħna ukoll. B’sobrjetà u trasparenza biss, dawn il-mexxejja jistgħu jassiguraw li l-posterità tittrattahom b’mod ħanin.