By The Sea: Ħalla l-miljuni f’Għawdex...u seraqli sagħtejn minn ħajti
Il-film li tant sar agħa fuqu spiċċa fix-xejn mal-kritiċi...il-kelma Għawdex ma tintużax fih....lanqas fil-credits tal-film
Wara li smajt tant dwar dan il-‘blockbuster’, li fil-fatt qatt ma ġie meqjus hekk fl-isfera taċ-ċinematografija, iddeċidejt li narah. U żgur li kienet waħda mill-agħar deċiżjonijiet li għamilt f’ħajti, għax ħassejtni li ġejt misruq sagħtejn minn ħajti minn Ġulina u l-Pitt tagħha.
Immaġina sagħtejn u kwart tara lil Angelina Jolie (aka Ġulina) bin-nuċċali tax-xemx, tixrob tazza inbid, tpejjep sigarett wara l-ieħor, tibla l-pilloli (kalmanti) u tnemmes minn toqba fil-ħajt żewġ honeymooners jinħabbu.
Immaġina sagħtejn u kwart tara lil Brad Pitt (aka l-Pittbull ta’ Ġulina) nieżel u tiela t-taraġ ta’ Mġarr ix-Xini jew fis-sakra inkella jpejjep, jixrob il-whisky, iparla f’ħanut tal-inbid mal-proprjetarju xwejjaħ bil-Franċiż, filwaqt li jittama li jkollu x’jaqsam ma’ martu sesswalment u b’notebook fil-warrani tal-qalziet tiegħu li ħallih vojt sal-aħħar. Għalkemm fl-aħħar xena ttajpja l-isem tal-ktieb u dak li m’għamilx f’sagħtejn u kwart, għamlu f’nofs minuta, u lesta l-ktieb. Bil-ħaqq għall-aħħar siegħa ddeċieda li jingħaqad ma’ martu jnemmes lill-koppja ta’ ‘honeymooners’.
Dan kollu jseħħ f’bar ħdejn il-baħar li taparsi jinsab f’villaġġ fi Franza u fil-gallarija fejn Ġulina kienet tixxemmex u tħares lejn ix-xena stupenda ta’ Mġarr ix-Xini, (fejn anke hawn, il-baħar ġie magħmul ftit isbaħ milli hu permezz tal-kompjuters).
Għal minuta ’l hawn u ’l hinn, naraw lil Ġulina ħierġa mill-Knisja ta’ Sannat għal pjazza li lanqas qattus ma tħalla jidher u flimkien ma’ żewġha, marru jiċċenaw għand ta’ Frenċ (mhux tal-Għarb). U hemm xena bil-koppja għaddejja mit-triq li tagħti għar-Ramla l-Ħamra.
Dan hu l-‘Block Busta.d’ li seraqli sagħtejn minn ħajti u tliet xhur lill-bugħaddasa milli jinżlu fi Mġarr ix-Xini, biex fil-film, Għawdex ma jissemma qatt u fil-credits, wara li stennejt xi 9 minuti, jasal vers....‘shot on location in MALTA’. Għalkemm jekk tagħmel tfittxija fuq Google tal-post fejn inġibed il-film, wieħed isib li nġibed f’Għawdex. Iżda l-barranin li jmorru jarawh u kif jispiċċa l-film joħorġu ’l barra, żgur li ma jkunux jafu li dawk ix-xeni sbieħ kienu Għawdex, għax huma jagħtu l-indikazzjoni li nġibdu f’villaġġ fejn il-baħar fi Franza.
Insomma Ġulin, għamilli pjaċir li meta tiddeċiedi li tiġbed film ieħor f’Għawdex, ħu xi parir ta’ kif isiru l-films vera...għax kulma għamilt kien li bil-flus xtrajt triq fil-baħar tagħna...iżda ma offrejt l-ebda kwalità, u bħali ħasbuha ħafna kritiċi oħra.
X’qalu dwaru l-kritiċi barranin:
"I smell fish," Nessa says, sniffing. Nah. What stinks is the movie. - Peter Travers·Rolling Stone
An unabashed vanity project that struggles to turn its own beautiful inertia into a virtue - Justin Chang·Variety
By the Sea is not a film for everyone. Nor is it even a film, really, so much as a 132-minute perfume ad; a two-hour-plus Vogue shoot in stereo - Sophie Gilbert·The Atlantic
The film reminded me of those long, bleak stretches of March in New England, when it seems as if winter will never end - Joe Morgenstern·Wall Street Journal
Therefore, it is baffling to discover that for her third directorial effort, "By the Sea," she has produced a film that is such a borderline unendurable- Roger Ebert