
Ittri minn Filfla
Missieri kien jigi mnikket għaliex ma kienx jiflaħ xeni ta’ bombi jaqgħu madwar u fuq Filfla. “Se jġibuha fix-xejn!”

Missieri kien suldat mar-Royal Airforce Ingliża. Kien suldat jew aħjar bumbardier, għalkemm ma nafx li qatt ibbumbardja xi ħaġa jew lil xi ħadd. Kien jaħdem fil-‘Bicycle store’ fi żmien meta kelli rota armata b’kollox. Kien fil-‘Bedding store’ fi żmien meta fid-dar, ħadd ma kien se jmut bil-kesħa. Kien jagħmel xogħol li kellu x’jaqsam ma’ kollox ħlief ma’ bumbardamenti. Xogħlu kien iħobbu.
Iżda għandi l-amment ta’ meta darba filgħodu ma kienx qam kuntent li sejjer għax-xogħol. Missieri ma kienx wieħed minn dawk li kien imur għax-xogħol bil-geddum, iżda f’din l-okkażjoni partikolari, kien imdejjaq. Għal xi xahar kienu stazzjonawh fit-turetta ta’ Ħad-Dingli biex jisostitwixxi lil xi ħadd temporanjament.
Xogħlu kien li jagħmel xi kikkra te jew dak li jkun hemm bżonn għal dawk li kienu jaħdmu f’din it-turretta, li ma kinux Maltin iżda Ingliżi. Xogħol min kien jaħdem f’din it-turretta kien li jagħti l-‘bearings’ u l-‘coordinates’ lill-ajrupajni tal-gwerra fi żminijiet ta’ paċi biex jitħarrġu fil-bumbardamenti. Il-bumbardamenti ta’ Filfla. Dik il-gżira żgħira, li qabel ma bdew jiflaġġellawha l-Ingliżi bil-bombi, kienet akbar milli hi.
Ta’ kull filgħaxija, missieri kien jigi mnikket għaliex ma kienx jiflaħ xeni ta’ bombi jaqgħu madwar u fuq Filfla. “Se jġibuha fix-xejn!” kien jgħidilna. Kien talab li jkun trasferit, iżda it-talba tiegħu ma kinitx milqugħa għalkemm kulma għamel fit-turretta ta’ Ħad-Dingli kien xahar biss. Meta neħħewh, feraħ għax ħeles milli jara l-flaġell ta’ biċċa minn art twelidu.
L-Ingliżi għandhom ħafna gżejjer. Iżda ma jidhirlix li qatt ibbumbardjaw xi waħda minnhom biex jitħarrġu fil-bumbardamenti. Għaliex iblah dak li jippemermetti li jqatta’ biċċa minnu. Dakinhar, is-sens ta’ orgolju li tkun Malti, ma kienx fl-aqwa tiegħu u l-kuxjenza li għandna llum għall-ambjent, kienet non-eżistenti. Dan il-flaġell bqajna nippermettuh anke wara li Malta saret indipendenti. Kien fil-bidu tas-sebgħinijiet li Filfla waqfet titnaqqar mill-bombi. Bombi li ma kinux tal-għadu, iżda li kienu qed jagħmlu ħsara daqslikieku.
Iżda mhux il-poplu Malti biss ma kellux din il-kuxjenza. Fil-fatt, taħt l-amministrazzjoni Laburista tal-1955-58, kien se jintlaħaq ftehim mal-Gvern Imperjali sabiex Filfla tingħata b’ċens għal 150 sena għal xelin fis-sena! Lanqas għall-għolja ta’ Scebberras, għaliex fi żmien il-Kavallieri, riedu jħallsu tazza ilma u falkun, li kienu żgur jiswew daqs xelin u aktar.
Dakinhar, is-sens ta’ orgolju li tkun Malti, ma kienx fl-aqwa tiegħu u l-kuxjenza li għandna llum għall-ambjent, kienet non-eżistenti
F’memo tal-Kabinett ta’ Ottubru tal-1962 taħt Amministrazzjoni Nazzjonalista, il-kwistjoni ta’ Filfla reġgħet tqanqlet mill-Ministru Caruana Demajo. Dan għamel referenza għal dak li kien se jiġri tmien snin qabel. Ma qabel xejn ma dak il-ftehim, għaliex skont hu, ħlas ta’ xelin fis-sena kienu ftit wisq. Dehrlu li mitt lira antiki fis-sena kienu aktar ġusti! Jiġifieri li kien għaż-żewġ partiti ta’ dak iż-żmien, il-ħsieb li Filfla tingħata lill-Ingliżi hemm kien. Fortunatament, dan il-ftehim qatt ma sar għaliex kieku qisna Ċipru, b’parti minna għadha f’idejn il-Kuruna.
Dan il-ħsieb ġieni f’moħħi meta dan l-aħħar reġgħet tqanlet il-kwistjoni ta’ Filfla f’Dissett. Kulħadd nesa x’kien jiġri b’dawn il-bumbardamenti. L-ammont ta’ ordinanza u splussivi mhux sploduti li għad hemm fuq din il-gżira huwa impressjonanti. Balal kbar kollha sadid jinsabu mifruxin ma’ wiċċ dak li fadal minn din il-gżira. Ħaġa tajba li fl-1988, ġiet dikjarata bħala gżira protetta u li ħadd ma jista’ jitla’ fuqha jekk mhux b’permess speċjali.
Li jimpressjonani f’dak li kien ġara, mhux wisq li Gvernijiet suċċessivi għalqu għajnejhom għal dan id-desagrazzjoni ta’ parti mit-territorju tagħna, iżda kif il-popolazzjoni ta’ dak iż-żmien qagħdet għal dan kollu. Il-bombi mhux biss kienu jkissru l-blat, iżda ħarbtu s-sistema sħiħa ekoloġika unika li kulħadd kien jaf li kienet teżisti. Min jaf kemm ħlejqiet żgħar uniċi u endemiċi għaliha inqatlu u inqerdu. Min jaf kemm bejtiet tal-Kanġu ta’ Filfla sfaw meqruda. Hemmx reġistrat li kien hemm imqar għaqda waħda li ħarġet tipprotesta.
Illum huwa inkonċepibbli li nerġgħu naraw din ix-xorta ta’ devastazzjoni u qirda fuq skala dasqhekk kbira. Kieku llum, l-eluf joħorġu jipprotestaw. Kieku llum, il-bambin biss jaf kemm għaqdiet jingħaqdu biex dan ma jsirx. Kieku llum, min jaf kemm protesti ġudizzjarji jkunu preżentati kontra l-Gvern. Kieku llum, deċiżjoni bħal din, tkun il-mewta ċerta elettorali tal-Gvern. Illum, għal ħafna anqas minn hekk, isiru protesti ta’ kull xorta u fuq kull xorta ta’ kwistjoni li tkun tirrigwarda kwistjoni ambjentali.
Allaħares ma jkunx hekk. Anzi hija sfortuna għal pajjiżna li l-kuxjenza favur l-ambjent u l-ħolqien ta’ għaqdiet ambjentali ma nħolqux ħafna qabel. Il-ħakma kolonjali kien fattur li żammna lura minn dan. Il-perjodu post-kolonjali kien pjuttost turbolenti bi prerogattivi dwar żvilupp ekonomiku aktar milli wieħed ambjentali. Kien hemm żmien meta li titkellem favur l-ambjent kont tkun meqjus li qiegħed tipprova żżomm l-iżvillupp. Jekk ma kinux ukoll jixluk li qed tfixkel.
Li kieku pajjiżna kiseb l-Indipendenza qabel l-1964, kieku l-affarijiet kienu jkunu mod ieħor għaliex il-kuxjenza favur l-ambjent kient tkun aktar bikrija. Li kieku ġara hekk, min jaf kemm swar, kemm monumenti u kemm patrimonji storiċi u anke rurali konna nsalvaw. Iżda ma ġarax hekk, u dak li tlifna, nistgħu ninsuh. Iżda dak li għandna, rridu nipproteġuh. Ħalli ma naqqrux dak li fadlilna għaliex għalxejn li nibqgħu nirċievu aktar ittri minn Filfla.