Għal meta l-poplu jgħid, ‘Issa Daqshekk’
"Hemm min il-kelma onestà fil-politiku ddejqu għax biha jifhem li mal-PN ‘ma tirranġax’ – li l-partit, mill-gvern, ikun riġidu f’sens li mhux prattiku. Definizzjoni għal kollox żbaljata tal-politika ta’ onestà"
Il-Partit Nazzjonalista nieda dokument dwar il-governanza tajba. L-ewwel darba li partit mill-Oppożizzjoni għamel dan. Żvilupp interessanti. Iktar u iktar għax dan id-dokument ra d-dawl f’nofs leġiżlatura. Ħafna drabi, partit fl-oppożizzjoni ‘jikxef’ il-karti tiegħu lejlet elezzjoni. Simon Busuttil għażel mod ieħor. Jekk dan hux se jrendilu politikament, inkunu nafu fl-elezzjoni. Żgur iżda li dan dokument bi proposti validi, jaqbel miegħu kull min jemmen fi gvernar aħjar u trasparenti. Dan id-dokument jorbot ma’ dikjarazzjoni politika li Busuttil għamel ftit wara li ħa f’idejh it-tmun tal-PN – ‘Politika ta’ Onestà’. Il-mistoqsija hi, n-nies iridu politika ta’onestà? U l-elettorat, jivvota fuq materji ta’ governanza?
‘Ma qdewnix’
Qabel l-elezzjoni tal-2013, kuljum kont tiltaqa’ ma’ Nazzjonalisti li kienu ħalfu li mhux se jivvutaw. Issaqsihom għaliex u jgħidulek, ‘Lili nsewni, ma qdewnix’. Ħafna minnhom żammew kelmthom u ma vvutawx. Uħud minnhom riedu pjaċiri li ma kinux intitolati għalihom. Oħrajn, il-maġġoranza tagħhom, kellhom raġunijiet x’aktarx validi.
Darba minnhom, lejn l-aħħar tal-leġiżlatura, kellimni wieħed li spegjali kif ftit qabel, mar għand Ministru u talbu xogħol ta’ watchman, jaħdem nofstanhar biss. Speċifika li ried ikun x’imkien fejn m’hemmx tbatija biex wara, jaħdem fil-garaxx. Erġajt iltqajt miegħu wara l-elezzjoni, infurmani li ma vvutax għax il-Ministru ma kienx qdih. Bħalu kien hemm mhux ftit. X’aktarx li dawn kienu pjaċiri li ma kellhomx dritt għalihom.
Imbagħad, kien hemm oħrajn li marru għand Ministru, u talbuh xi ħaġa li għaliha kellhom dritt. Ma tax kashom. Injorahom. Imbagħad ġiet l-elezzjoni, u injorawh huma. Iltqajt ma’ oħrajn li riedu jibdew jew ikabbru n-negozju tagħhom, u qalgħulhom qalbhom.
Iltqajt ma’ oħrajn, li riedu jagħmlu żvilupp żgħir fid-dar jew il-garaxx tagħhom, u raw il-passjoni. Oħrajn baqgħu b’xejn.
‘Ħallikom mill-onestà’
Hemm min il-kelma onestà fil-politiku ddejqu għax biha jifhem li mal-PN ‘ma tirranġax’ – li l-partit, mill-gvern, ikun riġidu f’sens li mhux prattiku. Definizzjoni għal kollox żbaljata tal-politika ta’ onestà.
Min imbagħad ikun irid xi ħaġa li m’għandux dritt għaliha, jgħidlek li jibża’ mill-onesta fil-politika għax jaf li se jibqa’ b’idu f’idu – kif għandu jkun.
Meta tgħawweġ ir-regoli biex taqdi wieħed, x’aktarx li fil-proċess tnaffar tlieta għax tkun qed tagħmel inġustizzja. Hekk qed jiġrilu dan il-Gvern
Imma mbagħad, hemm min ma jifhimx li onestà tfisser ġustizzja. Dan l-aħħar iltqajt ma’ uffiċjal f’korp dixxiplinat. Nazzjonalist magħruf. Ħassu nġurjat għax ma ngħatax promozzjoni. Qalli li miegħu saret inġustizzja. Widdibni, “Issa nispera li jekk nitilgħu aħna, ssir ġustizzja miegħi. Ħallikom mill-politika ta’ onestà. Weġibtu li jekk tabilħaqq saret inġustizzja miegħu, hi biss bil-politika ta’ onestà li tista’ ssir ġustizzja. Minkejja li jien konvint li l-PN għandu raġun bil-politika ta’ onestà u gvernar aħjar, imma dan ir-raġel tani x’nifhem li l-PN jeħtieġlu jispjega aħjar x’qed ifisser biha l-politika ta’ onestà. Id-dokument tajjeb, imma jrid jinftiehem min-nies.
‘Il-politika maħmuġa’
Iltqajt ma’ raġel li għal snin twal immilita fil-PN. F’nofs il-legiżlatura li għaddiet, applika għall-permess u ma ħariġlux. Milli qalli, fhimt li kienet talba sempliċi li kien ħaqqha tiġi approvata. Weħel ma’ rasu l-politiku. Fl-2013, ivvota Labour. Sentejn wara, hu diżappuntat mhux ftit. Il-permess baqa’ ma ħariġx, imma xi ħadd li ried xi ħaġa bħalu ħariġlu, u tal-aħħar hu Laburist. Qalli li qata’ qalbu mill-politiċi għax, “kollha l-istess, il-politika maħmuga”, insista miegħi. Mhux waħdu jaħsibha hekk. Oħt din il-gazzetta, il-MaltaToday, dan l-aħħar ippubblikat sondaġġ tal-opinjoni pubblika li wera kif il-fiduċja tan-nies fil-politika naqset. Ebda sorpriża. Min ħassu diżappuntat bil-PN, u vvota Labour għax ħaseb li se jkun hawn stil ġdid ta’ politika, ma tantx impressjona ruħu. Għax anke jekk dan il-gvern għandu l-mertu li żamm l-ekonomija sejra tajjeb, it-turiżmu baqa’ jissaħħaħ u daħħal drittijiet ċivili li misshom ilhom li daħlu fil-pajjiż, imma fejn tidħol governanza tajba u trasparenza, falla bil-kbir.
Għadma iebsa għall-PN
Id-dokument tal-PN dwar governanza tajba, u l-għajta ta’ Simon Busuttil għal politika nadifa, huma f’waqthom u meħtieġa. Iżda l-PN għandu għadma iebsa. Mal-firxa tas-snin, politiċi, anke jekk kienu l-ftit, taw isem ħażin lill-politika. Faxxa mill-elettorat fixklet id-drittijiet mal-pjaċiri, u fl-aħħar tliet snin, xbajna nisimgħu bi skandli, wieħed wara l-ieħor. Meta l-fiduċja tixxellef, trid iż-żmien biex terġa’ tibniha. Busuttil qed jagħmel ħiltu - naturalment hawn min ma jemmnux. Fuq kollox, jibqa’ kap ta’ partit politiku, b’ħafna li jappoġġjawh u ħafna oħrajn li le. Iżda jidhirli li ħafna, anke jekk ma jaqblux miegħu, waqfu biex jisimgħuh. Fl-elezzjoni se jiġġudikawh.
‘Nagħmlu bħalhom’
Ta’ spiss niltaqa’ ma’ Nazzjonalisti li jgħiduli, “dawn m’hemmx rispetti, jgħawġu u jbażwru kif jaqblilhom, issa nispera li meta nitilgħu aħna, nagħmlu bħalhom.” Tifhem il-ġenwinità tagħhom – reazzjoni frott il-passjoni politika, iżda l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel Busuttil hu li jkun pariġġ l-avversarji politiċi tiegħu. Jekk jagħmel hekk, ma jkun qed jagħti ebda alternattiva u jkun qed jixħet il-ġebla fuq saqajh. S’issa wera mod ieħor, mhux biss bi kliemu. Żabar fejn kellu jiżbor u qata’ dritt fejn kien hemm bżonn.
Togħġob wieħed, tnaffar tlieta
Meta tgħawweġ ir-regoli biex taqdi wieħed, x’aktarx li fil-proċess tnaffar tlieta, għax tkun qed tagħmel inġustizzja. Hekk qed jiġrilu dan il-Gvern, ħafna drabi ma’ Laburisti li ħadmu kemm felħu għall-partit tagħhom, anke meta l-Labour kien minn taħt qatigħ. Dan l-aħħar iltqajt ma’ Laburista li biex binha jistudja u jirnexxi, hi u żewġha għamlu sagrifiċċji kbar. Qalti kemm hi diżgustata tara personalitajiet viċin il-Gvern jingħataw karigi fl-ogħla strutturi tal-Korp Diplomatiku meta lanqas għandom il-ħiliet bażiċi edukattivi għal dan.
M’hemmx triq oħra, ħlief politika ta’ onestà
Fl-aħħar mill-aħħar, kultura ta’ diżonestà, tgħawwiġ tal-verità, ħabi, promozzjonijiet mhux mistħoqqa u tgħawwiġ tar-regoli biex jinqeda xi bażużlu, iddejjaq lin-nies, u tisplodi f’wiċċ min jonfoħha. Jasal iż-żmien meta l-poplu, biex ninqeda bil-frażi ta’ Toni Zarb, jgħid ‘Issa daqshekk’ u jfittex alternattiva ta’ gvernar aħjar. Għax kollox idur ma’ kemm il-Gvern jimxi bis-sewwa. Il-‘job’ jinħoloq jekk il-Gvern jagħraf joħloq klima li tħajjar l-investiment, u l-investiment jiġi jekk il-Gvern jinċentivah. Il-pajjiż jimxi ’l quddiem jekk ikun hemm meritokrazija għal kulħadd u l-poplu jista’ biss iserraħ rasu li flusu qed jintefqu tajjeb jekk minn jiggverna, jagħmel dan b’għaqal. Fin-nuqqas ta’ danċ tirrenja l-korruzzjoni li therri l-fundamenti ta’ socjetà ġusta. Għalhekk li l-poplu jivvota fuq materji ta’ governanza.
Kixef il-karti kmieni …
Jekk Busuttil jirnexxilux jikkonvinċi li l-PN tabilħaqq inbidel għall-aħjar, u li hu kommess li jwettaq politika ta’ onestà li twassal għal gvernar tajjeb u aħjar minn dak tal-gvern attwali, allura l-poplu se jdur lejh u jagħtih il-fiduċja. Għalhekk għamel tajjeb li kixef il-karti kmieni, biex il-poplu jkun jista’ jomgħod sew dak li qed jgħidlu u jqabbel ma’ dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista.
Frank Psaila huwa Opinjonista