Saver u Patist
Saver għandu ħanut tal-merċa u jintrabat li ser iżomm il-prezzijiet tal-prodotti tiegħu l-istess għal ħames snin li ġejjin anke jekk jogħlew. Wara xi żmien, jarma Patist b’ħanut ieħor ħdejh li jibda jraħħas imma ma jrid jagħti l-ebda garanzija li l-prezzijiet ser jibqgħu l-istess. Inti min għand min minnhom tibda tixtri, mingħand Saver jew mingħand Patist? Jiena m’għandix dubju li kważi kulħadd jibda jixtri mingħand Patist. U probabbilment għalhekk li ħadd ma jagħmel bħal Saver u jiggarantixxi l-prezzijiet għal żmien twil.
Dak li japplika għal Saver u Patist japplika għal pajjiżna? Fil-15 t’Ottubru li għadda, jum il-baġit, il-prezz tal-Brent Crude tal-Baħar tat-tramuntana kien $50 kull barmil. Nhar il-Ġimgħa, niżel taħt it-$30 il-barmil, tnaqqis ta’ 40% fi tliet xhur! U ħadd ma jaf eżatt fejn se jispiċċa l-prezz taż-żejt għax il-Bank Standard Chartered qed ibassar prezz ta’ $20 il-barmil u hemm min anke qed ibassar prezz ta’ $10 il-barmil. Dan peress li l-istrateġija tal-Arabja Sawdija li akkost ta’ kollox tiddefendi sehemha fis-suq taż-żejt, qiegħda tfalli spettakolarment. Is-Sawdi ttamaw li jekk jibqgħu jippumpjaw iż-żejt irħis tagħhom, se jpoġġu mal-ħajt il-produtturi taż-żejt Amerikani li jużaw it-teknika magħrufa bħala ‘fracking’. Dawn il-produtturi, bħall-pajjiżi mhux Għarab tal-OPEC, għandhom spejjeż ta’ produzzjoni ferm ogħla minn dawk tas-Sawdi u l-produtturi Għarab oħra. Imma dan s’issa ma seħħx għax il-‘frackers’ Amerikani qed jirreżistu ferm aktar milli mistenni.
Il-pajjiżi li jiddependu fuq id-dħul taż-żejt qed jipproduċu kwantitajiet għolja ta’żejt ħalli jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ dħul. Fl-istess waqt, id-domanda għaż-żejt hija fjakka minħabba l-kriżi fiċ-Ċina u t-temp ferm klementi f’ħafna postijiet. Fattur ieħor hu li l-Amerika reġgħet bdiet tesporta ż-żejt wara erbgħin sena. Ir-riżultat hu li fis-suq hawn ħafna aktar żejt milli meħtieġ u l-prezz taż-żejt għadu ma stabilizzax ruħu. U l-istess qed jiġri fil-qasam tal-gass. Anke hawnhekk l-Amerika din il-ġimgħa bdiet tesporta l-gass. Gass hawn kemm trid u pajjiżi ġodda, anke fl-Afrika, dejjem jiskopru aktar gass. Ir-riżultat hu li l-prezz tal-gass fl-aħħar sentejn naqas b’terz. Id-dħul tal-Amerika fis-suq internazzjonali tal-gass ser ifisser ukoll li l-prezz tal-gass mhux ser jibqa’ jiddependi fuq dak taż-żejt.
Dan l-aħħar iltqajt ma’ dak li qal Stephen Hawking, il-fiżiku brillanti li kien l-eredi tal-kattedra ta’ Sir Isaac Newton fl-Università ta’ Cambridge. Minkejja li għandu l-marda ferm kerha tal-ALS magħrufa ukoll bħala motor neurone disease probabbilment huwa l-aktar bniedem intelliġenti fid-dinja. Hawking iddeskriva l-intelliġenza bħala l-abilità li wieħed jadatta għall-bidla. Min ma jadattax, ser jinqata’ lura, u possibilment anke jmut. Dan jgħodd kemm għall-annimali, kemm għall-bnedmin kif ukoll għan-negozji. Kellna bosta annimali li spiċċaw għaliex m’adattawx ruħhom għat-tibdil fil-klima jew fl-ambjent li fih jgħixu. Hekk ukoll bosta negozji spiċċaw għax m’adattawx ruħhom għall-bidla fid-domanda għall-prodotti jew servizzi. Ħaddied li kien jingħal iż-żwiemel żgur li llum m’hux ser igħix jekk ma jagħmielx xogħol ieħor u forsi anke jagħmel xogħol fl-aluminju. Negozju jrid ikun flessibli u jiddiversifika jekk irid jibqa’ għaddej. U l-istess igħodd għal pajjiż in ġenerali.
Din il-bidla daqshekk drammatika fil-prezz internazzjonali taż-żejt u tal-gass tpoġġi in diskussjoni l-istrateġija kollha tal-gvern fil-qasam tal-enerġija. Strateġija li ġiet illanċjata fl-eqqel tal-kampanja elettorali u tat lill-partit laburista momentum qawwi għar-rebħa. Strateġija bbażata fuq il-bini ta’ power station ġdid bil-gass li kellu jassigura roħs fil-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 25%. Fil-fatt hekk ġara minkejja li l-power station il-ġdid għadu m’hux lest.
Oriġinarjament il-prezz li bih il-konsorzju rebbieħ kellu jissupplixxi d-dawl u l-gass lil Malta kellu jkun fiss għal għaxar snin imma dan illum niżel għal ħames snin. Probabilment tant l-aħjar li ġara hekk. Madankollu, ħames snin hu perjodu m’hux ħażin ukoll u l-fatt li l-gvern Malti kkommetta ruħu li jħallas 9 ċ 6 għal kull KwH li dan il-konsorzju jirnexxielu jipproduċi minn din il-power station il-ġdida jista’ jkollu mplikazzjonijiet serji fuq il-finanzi tal-gvern Malti kif ukoll fuq il-kompetitività tal-ekonomija maltija.
F’intervista ma’ Vanessa Macdonald tat-Times of Malta li dehret fis-6 ta’ Mejju li għadda, iċ-chairman eżekuttiv tal-Enemalta, l-inġinier Fredrick Azzopardi wieġeb għad-domanda “Oil is now half the price it was last summer. Are you happy with hedging?” b’dan il-mod :
The value of oil that was bought last month through hedging was lower than the previous month. The amount will go down further, as we will be buying considerably more and more electricity from the interconnector, which will reduce our oil requirements for Delimara – and eventually we will not require any more when we switch to gas.
Oil now costs half what it did last June. Does it still make sense for us to convert to gas?
We buy from various sources and some of the information is commercially sensitive. But the answer is yes. It is still slightly cheaper. We have a five-year agreement to get the gas at a fixed price from Electrogas, so we will not be involved in hedging gas.
Mela nafu li f’Mejju li għadda meta l-prezz tal-Brent crude kien madwar $ 65-il barmil u l-prezz tal-gass naturali kien madwar $ 3-il GigaJoule kontra $ 2 tal-lum, il-każ ekonomiku li wieħed jikkonverti għal gass kien diġa diskuttibli (“it is still slightly cheaper” qalilna l-Inġinier Azzopardi). Issa li l-prezz taż-żejt naqas b’aktar min-nofs u dak tal-gass b’terz, kemm jagħmel sens li wieħed ikun marbut bi prezz tal-gass għal ħames snin li kien ġie fissat qabel din il-ħerba fis-swieq internazzjonali ? U huwa mistenni li l-prezz tal-gass ser jinżel aktar issa li l-Amerika bdiet tesportah lejn l-Ewropa. Għalkemm l-użu tal-gass huwa benefiku mil-lat ambjentali, bosta huma dawk il-power stations bil-gass fl-Ewropa li kellhom jagħlqu f’dawn l-aħħar snin minħabba li m’għadhomx vijabbli. Għaldaqstant, wieħed jittama li l-bidla għal gass m’hux ser tkun mażra m’għonq l-ekonomija Maltija jekk il-prezz tal-gass ma jirkuprax meta dan il-ftehim ser ikun fis-seħħ. Probabilment kien ikun aħjar kieku l-prezz tal-gass jiġi ffissati bi kriterji fissi mli lagħbna mħatra għal ħames snin li tista’ tiswielna ferm qares. Verament wieħed irid igħid li wieħed jista’ ukoll jiggwadanja minnha imma dejjem tibqa’ mħatra għax il-futur ma jafu ħadd.
Jekk verament nemmnu f’suq ħieles u mhux manipulat, l-irwol tal-gvern fl-iffissar tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels għandu jispiċċa darba għal dejjem
Dawn id-dubji ġew imqanqla din il-ġimgħa mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Anton Borg waqt laqgħa ta’ djalogu mal-Prim Ministru. Is-sur Borg tenna l-ħtieġa li l-gvern inaqqas il-prezz tal-enerġija in vista tax-xenarju ġdid tas-swieq internazzjonali. Il-prim ministru ma tax widen u stqarr li l-gvern jippreferi l-istabilità fil-prezzijiet tal-enerġija u fakkar fid-djun tal-Enemalta li akkumulaw matul is-snin.
Ir-raġunament tal-gvern jista’ jkun ferm detrimentali għall-kompetitività ta’ bosta setturi tal-ekonomija maltija, fosthom il-manifattura u t-turiżmu. Pajjiżi oħrajn ma jsegwux politika ta’ stabilità fil-prezzijiet imma jħallu lill-forzi tas-suq jaħdmu. U m’għandna l-ebda garanzija li jekk il-prezzijiet fis-swieq internazzjonali ma jerġgħux jogħlew, il-prezzijiet hawn Malta ser jibqgħu l-istess. Ir-riżultat hu li l-ekonomija maltija ser issib ruħha fi svantaġġ u l-unika mod kif iżżomm il-kolp ikun bli jinżammu l-pagi baxxi. Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll fir-rigward ta’ l-Enemalta li fil-passat din kienet sagrifikata għall-ġid akbar tal-ekonomija maltija. Wieħed m’għandhux jistenna li d-dejn tagħha jitħallas ħabta u sabta speċjalment wara li għamlet investiment qawwi li qajla kienet bdiet tara l-frott tiegħu. U dana speċjalment meta r-rati tal-imgħax huma daqshekk baxxi.
L-iżball li għamel il-president tal-Kamra tal-Kummerċ, li qed tagħmlu ukoll l-opposizzjoni, hu li qed jistenna li l-gvern iraħħas il-prezz tal-enerġija. F’ekonomija evoluta b’suq ħieles, il-gvern ma jmissux qed jiffissa l-prezzijiet tal-enerġija imma għandu jkun ir-regulatur awtonomu li jagħmel hekk skond kriterji objettivi u m’hux politiċi. Imma lkoll nafu r-realtà x’inhi. L-enfasi għandha tkun li r-regulatur iqum min-nagħsa tiegħu u jiffissa hu l-prezz massimu li l-Enemalta tista’ żżomm lill-konsumatur. Dana aktar u aktar meta wieħed iqis li s’issa l-Enemalta għandha monopolju fuq il-provvista tad-dawl hawn Malta.
U la qed nitkellmu fuq regulaturi, tajjeb li nfakkru li għadna nistennewh b’ħerqa r-rapport tal-Uffiċju tal-Konkurrenza dwar il-prezz tad-diesel fl-istazzjonijiet tal-petrol. Bosta xhur ilu qalulna li kien appik li joħroġ imma għadna ma rajniehx b’nemes. Huwa zgur illegali li Saver u Patist u Ċensu jiġu mġagħla jżommu l-istess prezz għad-diesel meta wieħed jista’ jraħħas fuq l-ieħor.
Jekk verament nemmnu f’suq ħieles u mhux manipulat, ir-rwol tal-gvern fl-iffissar tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels għandu jispiċċa darba għal dejjem. Kif wieħed jistenna minn kull pajjiż ieħor tal-UE.