Sitt xhur tard...imma qatt mhu tard wisq
L-Editorjal tal-ILLUM
Ir-riżenja ta’ Michael Falzon ġiet sitt xhur tard. Nemmnu li dan huwa l-każ għax minkejja rapport skjaċċanti tal-Awditur dwar dak li kien qiegħed jiġri f’dipartiment li kien ilu jitmexxa b’anarkija s-snin, fl-aħħar mill-aħħar kien l-eks Segretarju Parlamentari li kellu l-firma tiegħu mal-esproprijazzjoni ta’ Gaffarena.
Din il-firma, anke jekk saret għax Falzon seta’ ħaseb u emmen li l-esperti kienu jafu x’inhuma jagħmlu jew emmen li fid-Dipartiment kollox jimxi b’rettezza liema bħalha, kienet determinanti. Filwaqt li huwa importanti li Ministru jew Segretarju Parlamentari jkun f’pożizzjoni li jafda l-esperti u n-nies ta’ madwaru biżżejjed biex jaqbad u jiffirma esproprijazzjoni mingħajr ma jidħol fil-merti tagħha, jidher ċar li f’dan il-każ, Falzon ma kellux dan il-lussu.
Anke jekk nagħtu l-benefiċċju tad-dubju lil Falzon u nemmnu li kien vittma tas-sistema mnawra fil-Lands, kif qed jagħmlu Marlene Farrugia u Robert Musumeci ma’ din il-gazzetta illum, xorta jibqa’ fatt li l-firma ta’ Falzon għal din l-esproprijazzjoni tagħmlu responsabbli għal din il-qassata li minnha mar minn taħt il-poplu.
Din il-gazzetta ma tistax taqbel mal-argument li Falzon huwa vittma. Vittma meta tkun iffirmajt għal xi ħaġa li minnha xi ħadd ikun irċieva aktar minn €1 miljun, li suppost kellhom imorru f’but il-koproprjetarji? Vittma, meta skont valutazzjoni tal-Uffiċċju tal-Awditur u tad-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjoni (IAID), il-Gvern akkwista proprjetà b’valur ta’ €944,500 filwaqt li Gaffarena rċieva iktar minn nofs miljun fi flus kontanti u proprjetà b’valur ta’ €2.8 miljun? Vittma meta nies qrib l-istess Falzon kienu qed jieħdu lil Gaffarena personalment fil-Lands? Huwa possibbli li Falzon mhux ħati ta’ korruzzjoni jew ta’ att illegali. Imma la hemm il-firma tiegħu, xorta ma nħossux li jista’ jissejjaħ vittma.
Taf min huwa l-vittma vera? Huwa l-poplu, li bi flusu sar dan il-ftehim imnawwar. Tant mar minn taħt u tant kien imnawwar dan il-ftehim li minkejja l-għajjat tal-“vittmi” u “ħrief tas-sagrifiċċji” il-Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ kawża l-Qorti biex jieħu kollox lura mingħand Gaffarena.
U għamel sew il-Prim Ministru Muscat, mhux biss li aċċetta r-riżenja, imma li fetaħ l-istess kawża u li wera li se jżomm ma’ dak li kien wiegħed, jiġifieri li dak li ttieħed mill-poplu b’qerq, jerġa’ jmur lura għandu sal-aħħar sold. Dan juri li minkejja l-kritika, Malta bħalissa għandha Prim Ministru li jistenna, jevalwa imma fl-aħħar jiddeċiedi mingħajr biża’ jew pjaċir. Seta’ qal illi li sar, sar u issa naqilbu l-paġna. Minflok, fetaħ battalja legali kontra nies li sa ftit ilu kulħadd inkluż nies fil-Partit Laburista, kien imur għarkopptejh quddiemhom.
Għamel sew ukoll Muscat li bagħat ir-rapport għand l-Awditur Ġenerali biex dan jagħti parir legali dwar il-passi li jmiss u għamel sew ukoll li ffriża kollox fil-Lands sakemm tibda topera Awtorità ġdida. Naturalment, l-aħħar miżura ma niżlitx tajjeb ma’ min għandu każi relatati ma’ dan id-Dipartiment imma wara r-rapport, ma kienx hemm triq oħra ħlief li jittieħdu miżuri straordinarji. Hekk kien jitlob li jsir biex din il-ferita tibda tingħalaq u tibda dieħla naqra ordni f’dipartiment li huwa miksi b’diżordni.
Il-ħatra tal-Imħallef Lawrence Quintano biex imexxi bord li jissorvelja l-operat tal-Lands sakemm issir it-tranżizzjoni hija wkoll pass ’il quddiem.
Vera li r-riżenja ta’ Falzon ġiet sitt xhur tard u dgħajfet lill-Gvern u lill-Partit Laburista, imma jekk xejn din it-theżżiża politika wasslet biex jibdew jiċċaqalqu l-affarijiet oxxeni li tħallew taħt it-tapit għal snin twal fil-Lands. Jekk ir-riforma tirnexxi u l-affarijiet verament jibdew jinbidlu, din il-ġimgħa politikament diffiċli għall-Partit Laburista u l-Gvern, tista’ tinbidel f’fattur ewlieni li jiddistakkah mill-passat ta’ inazzjoni ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti.
Qatt mhu tard biex nirranġaw l-iżbalji u l-inazzjoni tal-passat. U jidher li l-mument biex neliminaw dipartiment imnawwar huwa issa.