Gamechanger

L-Editorjal tal-ILLUM

Din hija l-kelma li uża l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jitkellem dwar xi jfisser l-ambjent għalih u għall-partit li jmexxi.

Din il-gazzetta taqbel mal-PN illi d-dnubiet ta’ dan il-Gvern ma jistgħux jitgħattew u jinħafru, sempliċiment għax il-Gvern Nazzjonalista preċedenti għamel l-istess jew agħar. Iżda mbagħad din il-gazzetta ma tistax taqbel anqas ma’ min, għax jaqbillu, qed iħeġġiġna biex ninsew fejn konna sa sentejn u nofs ilu fuq l-ambjent u nħarsu biss ’l quddiem. Filwaqt li nikkritikaw in-nuqqas ta’ ħeġġa li qed juri dan il-Gvern fuq l-ambjent ma nistgħux ninsew anqas li min illum qed jippreżentalna aġenda ‘ħadra’ huwa l-istess grupp ta’ nies li sa ftit snin ilu kienu qed ibellgħalna aġenda ta’ konkrit u siment.

Minkejja l-benefiċċju tad-dubju li ħafna qed jagħtuha, l-Oppożizzjoni għandha deċiżjonijiet tal-passat li qegħdin kontinwament jagħmlulha l-bsaten fir-roti illum. Il-proċess ta’ razzjonalizzar tal-art, li permezz tagħha, taħt it-tmexxija ta’ George Pullicino bħala Ministru tal-Ambjent, art verġni d-daqs tas-Siġġiewi, ingħatat fuq platt tal-fidda lill-iżviluppaturi qajmet fil-pajjiż rabja liema bħalha. Il-mewġa ta’ protesti, ittri, akkużi u korrispondenzi m’għamlu xejn biex taffew qalb il-gvern ta’ Gonzi fuq din il-kwistjoni. Hekk ried u hekk sar u addijo l-ambjent.

Imma dan ma kienx l-unika dnub ambjentali ta’ gvernijiet Nazzjonalisti. L-eks Prim Ministru Gonzi, ried jibni korsa tal-golf lejn il-Miżieb u baqa’ lura milli jagħmel dan grazzi biss għall-oppożizzjoni ħarxa tal-ambjenatlisti. Gvern Nazzjonalista ried jagħmel miżbla metri ’l bogħod mit-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, li kien se jkun sagrileġġ ambjentali u nazzjonali u Gvern Nazzjonalista biddel ukoll il-limiti fuq l-għoli tal-bini. Dan id-dnub ambjentali li ftit jitkellmu dwaru, wassal biex bosta eluf tilfu d-dritt li jużaw il-bejt minħabba bini ta’ penthouses bil-konsegwenza li mijiet, jekk mhux eluf, ta’ residenzi saru inqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

U ma ninsewx li kien Gvern Nazzjonalista li wara li biddel lil Birżebbuġa f’lokalità industrijali, b’tankijiet tal-gass fuq kull naħa tal-lokal, Freeport u powerstation, ċaħħad lill-istess eluf minn somma flus li kienet se sservi ta’ kumpens ambjentali ġust għall-poplu ta’ Birżebbuġa. Jgħoddu ma’ dawn hemm l-arranġamenti pre-elettorali tal-PN ma’ dawk kollha li għandhom kamra fl-Armier, l-iskandlu tal-bini ta’ villa minn  uffiċjal għoli tal-PN f’nofs wied  fil-Baħrija, l-proposta għall-bini ta’ simenterija ħdejn is-Siġġiewi u l-fatt li Gvern Nazzjonalista għalaq għajnejh kompletament għal żviluppi illegali ta’ kobor massiċċ,  bħal dawk tal-Montekristo.

Naturalment, l-akbar wirt ambjentali tal-Gvern preċedenti kienet l-għażla tal-Heavy Fuel Oil (HFO) biex bih titħaddem il-powerstation. Deċiżjoni li biex wasal għaliha, l-istess Gvern kellu jagħmel bidliet legali fir-regoli tal-emmissjonijiet. Din kienet wasslet għal daqqa ta’ ħarta fil-forma ta’ ittra lill-Gvern mill-Kummissjoni Ewropea. Għodd ma’ dan ukoll, in-nuqqas ta’ azzjoni u n-nuqqas ta’ ħeġġa mill-Gvernijiet Nazzjonalisti biex jagħlqu l-powerstation tal-Marsa, u s-saga ta’ xhur twal li minnha batew eluf ta’ ċittadini minn Raħal Ġdid u l-Fgura, hekk kif raw ir-residenzi tagħhom jinksew minn trab iswed kuljum preċett.

Anke issa mill-Oppożizzjoni, minkejja l-pantomimi fiż-Żonqor u s-selfies ma’ Marlene Farrugia, meta ġejna għas-si u n-no Busuttil ma kienx kapaċi jwieġeb dwar x’se jagħmel bil-kmamar tal-Armier, għadu ma tkellimx dwar il-korsa tat-tiġrijiet tal-karozzi, beża’ jieħu pożizzjoni dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa u biex jitfa’ dik in-naqra ċirasa fuq il-kejk, il-PN ħareġ jgħidilna li ODZ huwa ODZ, ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Liema huma l-każijiet eċċezzjonali, min se jiddeterminahom u min se jiddeċiedi dwarhom ma qalulniex, naturalment.

Busuttil ma setax għażel kelma aħjar biex jiddeskrivi l-ambjent għall-PN: Gamechanger. U s’issa din il-gazzetta temmen lil Busuttil kompletament, fuq dan. Il-PN qed jara l-ambjent bħala mezz ewlieni biex jerġa’ jitla’ Kastilja, xejn iktar u xejn inqas. Jiġifieri din il-gazzetta, filwaqt li tikkritika lil Muscat bil-qawwi fuq dan is-settur, xorta għadha mhux qed temmen li l-PN waqa’ miż-żiemel fi triqtu lejn Damasku u skopra xi ruħ ambjentali. Temmen biss li l-PN qed jara opportunità ta’ voti u qed jaħtafha... qed jara gamechanger.  

More in Blogs