Mill-‘Je suis Charlie’ għal ġol-kċina t’Emmy Bezzina
"Inkunu verament ipokriti minn dawk il-grassi jekk issa, wara dak il-‘Je suis Charlie’ kollu nipprowaw nagħlqu ħalq Emmy Bezzina"
Emmy Bezzina reġa’ spiċċa fuq l-aħbarijiet hekk kif ġriet il-kelma fuq is-siti soċjali u siti tal-aħbarijiet, inkluż dik tal-ILLUM, illi l-Awtorità tax-Xandir se tkun qed tinvestiga jew tħares mill-qrib lejn kummenti li għadda l-istess preżentatur fuq il-programm li jippreżenta. Emmy qal li din l-aħbar ma kinitx vera u minn dakinhar ma smajna xejn iktar dwar din is-suppost investigazzjoni.
Ejja nħallu l-karrotti, l-piżelli u l-immarinar barra għalissa u ejja ninsew il-fatt li għal darb’oħra l-proposta ta’ ċensura ħadmet favur min kien se jiġi ċċensurat. Li jdejjaqni hija l-ipokresija ta’ ċerti nies. Dan il-ħafna għagħa u xokk għax xi ħadd bagħat lil xi ħadd ieħor jieħdu fuq it-TV ma tantx tinżilli tajjeb. Ma tinżillix tajjeb għax illum qed ngħixu f’mument fl-istorja tat-televiżjoni fejn ħlief ‘fuck’ tiela’ u ‘fuck you’ nieżla ma tismax. Tmur tara film u kull ħames minuti tisma kliem baxx bl-addoċċ. Imbagħad tmur sal-każin, jew sal-bar jew sal-pjazza u tisma’ dagħa li tant huwa kkulurit li jħallik taħseb dwar jekk f’dan il-pajjiż għandniex niftħu kompetizzjoni ta’ min kapaċi joħroġ bl-aktar dagħwa kkulurita.
Imma oħroġ il-għaġeb, malli xi ħadd jażżarda jkun naqra ‘avventuruż’ iżżejjed fi kliemu fuq it-TV, joħorġu s-soltu psewdo-intelletwali u moralisti skjerati jiskandalizzaw ruħhom u, biex tgħaxxaq, jipproponu ċ-ċensura.
Inkunu verament ipokriti minn dawk il-grassi jekk issa, wara dak il-‘Je suis Charlie’ kollu nipprowaw nagħlqu ħalq Emmy Bezzina
Ħa nfakkar lil dan id-defċjenti li ried jagħlaq ħalq Emmy Bezzina, illi ftit żmien ilu dan il-pajjiż flimkien mal-pajjiżi u l-midja kollha madwar l-Ewropa kienu kollha qed jitkbu pulzieri ta’ paragrafi dwar Charlie Hebdo. Ħa nfakkar ukoll illi meta l-midja lokali u internazzjonali marru kollha, ġustament, jippopaw sidirhom bi flokkijiet tal-‘Je suis Charle’ kienu qed jappoġġjaw id-dritt li Charlie Hebdo jitnejjek u jgħaddi minn passatur ta’ redikolu lill-Papa, lil Ġesu, lill-Musulmani u lill-Mohammed. Inkunu verament ipokriti minn dawk il-grassi jekk issa, wara dak il-‘Je suis Charlie’ kollu b’xi mod, anke jekk sottili, nippruwaw nagħlqu ħalq Emmy Bezzina għax dak li jgħid hu ma jogħġobniex. Jew agħar minn hekk, għax il-mod kif jgħid l-affarijiet mhux konformi ma’ dak li aħna naraw bħala etiku, morali u elevat.
U la qed nitkellmu bl-elevat u mhux elevat, il-fatt li l-popolarità tal-programm ta’ Bezzina splodiet ‘l fuq turi li l-maġġoranza tal-poplu hawn barra ma tantx huwa impressjonat bl-elevat u bit-taħdidiet ideoloġiċi fl-arja. Il-poplu jrid jisma’ argumenti diretti, mingħajr tgħawwiġ, mingħajr diplomazija u iktar minn kollox mingħajr il-lagħqiżmu sfrenat taż-żewġ stazzjonijiet politiċi f’Malta.
Illum ħadd mhu Alla, ma nixgħelu xemgħat quddiem ħadd, ma mmutu għall-ħadd...is-salvaturi m’għadhomx jeżistu u l-uniċi ‘Missirijiet ta’ Malta’ huma dawk li għandhom it-tfal
X’użu fih li tiftaħ in-NET u toqgħod tisma’ dak li diġà int konvint minnu għax Nazzjonalist, anke jekk il-PN jitfgħalek il-ħmieġ f’wiċċek? X’użu fih li toqgħod tisma’ l-ONE, biex toqgħod tisma’ dak li int konvint minnu diġà għax Laburist, anke jekk il-PL jdendlek rasek l-isfel? In-nies m’għadhomx ċwieċ u għalkemm teżisti sezzjoni tal-popolazzjoni li tibla’ kull ma’ tisma’, hemm ħafna oħrajn li anke jekk jibqgħu jippreferu partit minn ieħor xorta jridu jisimgħu il-verità. Il-verità li tista’ tweġġagħhom imma li xorta japprezzawha għax fil-fond ta’ qalbhom jafu li hija l-verità.
U f’dan il-pajjiż dan hu li jridu t-telespettaturi, dejjem aktar. Iridu jisimgħu lil min idoqqilhom iż-żewġ qniepen u lil min jurihom iż-żewġ naħat tal-munita. Il-massa m’għadhiex injoranta kif hemm min jaħsibha għax forsi jħoss li sar xi Einstein għax qara ktieb. Il-poplu llum, iktar mill-bieraħ, qed jevalwa aktar l-aġendi tan-nies, tal-programmi u tal-istazzjonijiet. U l-fatt li Emmy Bezzina sar daqstant popolari bil-programm tiegħu huwa ċertifikat ċar li l-poplu qed jibżoq is-sunnara partiġġjana u qed jitgħallem jirrispetta l-intelliġenza tiegħu nnifsu.
Jekk l-istazzjonijiet politiċi jew anke ġurnali, bħal dan, iridu jikkompetu ma’ Bezzina mela jridu jibdew jinżgħu l-irrilevanza tal-għamad u jilbsu ftit in-nuċċali tal-oġġettività. Kollox aħmar jew kollox blu, m’għadux moda, skada.
Issa naturalment dan ma jfissirx li t-tgħajjir, speċjalment l-istedina biex telespettatur imur jaqbeż minn sur huwa tajjeb. Anzi, altru milli tajjeb. Fil-fatt kien ferm rifreskanti li fl-aħħar programm tiegħu Bezzina, minflok infexx jgħajjar lil min ippersista jesebixxi l-injoranza tiegħu, kien sarkastiku. Is-sarkażmu hija għodda ħafna iktar qawwija mill-kliem goff, anke jekk xi kultant tiżbel u tuża xi erba’ kelmiet goffi sew.
Il-poplu qed jitkellem. Qed ikellem lilna li naħdmu fil-midja u qed jagħmilha ċara. Jew titkellmu bil-lingwa tagħna (mingħajr vulgarità żejda) u twasslu l-għajta tagħna, jew ma nagħtux kaskom iżjed. Jew tkunu oġġettivi jew inqalbulu. Aħjar nisimgħu l-verità bi kliem iebes milli gidba mżejna bi kliem elevat, diplomatiku u sabiħ. Illum ħadd mhu Alla, ma nixgħelu xemgħat quddiem ħadd, ma mmutu għall-ħadd ħlief għall-familja. Is-salvaturi m’għadhomx jeżistu, u l-uniċi ‘Missirijiet ta’ Malta’ huma dawk li għandhom it-tfal, fis-sens litterali tal-kelma. Illum kull politiku huwa miftuħ għall-iskrutinju, kull politiku miftuħ għall-kritika u rridu nisimgħu nies li se jikxfulhom l-għawar.
Il-fatt li Emmy sar daqstant popolari bil-programm tiegħu huwa ċertifikat ċar li l-poplu qed jibżoq is-sunnara partiġġjana
Min qed jiddejjaq bil-programm ta’ Emmy qed jipprova jwaqqgħu għaż-żufjett, għax mingħalih li biż-żufjett se jmewwet ftit mill-punti li jagħmel, li jistgħu qed joqorsu wisq fil-laħam il-ħaj. U min qed jiddejjaq propona, fl-Awtorita’ tax-Xandir, li tinfetaħ investigazzjoni, kontra l-ispirtu ta’ ‘Je suis Charlie’.
Ħafna nies l-għażla tagħhom għamluha. Jippreferu jkunu fil-kċina ta’ Emmy anke jekk hu xi naqra teatrali żżejjed u xi ftit jew wisq eċċentriku, imma li qed jgħidilhom il-verità, milli fil-kċina ta’ xi ħadd li qed jipprova jbellagħlhom ir-ross bil-labra u, biex nużaw kliem Emmy stess, jitrattahom ta’ ‘basal immarinati fil-ħmieġ tal-ġrieden’.
Albert Gauci Cunningham huwa l-editur tal-ILLUM