IS-SUR TA’ ĦAD-DINGLI

“Dak il-preżentatur televiżiv, wara li ħassu offiż, sikket lit-telespettatur u tah xebgħa kliem, u mbagħad ironikament saħaq li għandu dritt juża liema kliem irid f’ġieħ il-libertà tal-espressjoni”

Xi ġimgħat ilu kont mistieden għal programm fuq stazzjon tat-televixin li waqtu suppost iddiskutejna l-libertà tal-espressjoni. Attwalment spiċċajna ma ddiskutejna xejn għaliex il-programm ħa direzzjoni kważi djaloġika bejn il-preżentatriċi u membru ieħor tal-panel, speċi ta’ mistieden speċjali, preżentatur ta’ programm televiżiv ieħor li ftit jiem qabel spiċċa għajjar telespettatur tiegħu b’litanija ta’ metafori li spiċċaw daħħqu lil ħafna nies.

 

Jekk b’libertà tal-espressjoni sirna nifhmu d-dritt li xi ħadd jagħti spettaklu televiżiv billi jħanġar lista ta’ xbihat diżgustanti bl-għan li jissikket ħaddieħor, allura sarilna l-ħin biex nibdew naħsbu ftit u nirrevedu d-definizzjonijiet tal-kelmiet li jeħlulna fi lsienna biex imbagħad, jum fost l-oħrajn, nobżquhom ’il barra. L-espressjoni ‘libertà tal-espressjoni’ tinstema’ trivjali, jekk mhux ukoll komika, meta wieħed jibda jara x’implikazzjonijiet għandha f’każi traġiċi bħal dak tal-poeta Palestinjan Axraf Fajad, li qorti Sawdita l-ewwel qatgħethielu għall-mewt u mbagħad, wara appell, uriet ħniena kbira billi xeħtitu għal tmien snin il-ħabs u se tagħtih xebgħa swat li se tammonta għal tmien mitt daqqa. Axraf Fajad ingħata dan il-kastig għax ġie akkużat b’apostasi u ateiżmu. Kienet il-poeżija li ġiebet lil Fajad fl-inkwiet, u l-inkwiet kien ifisser saħħtu u ħajtu.

 

F’Malta wkoll kellna każi ta’ kittieba li labalbu żżejjed. Dawn ma spiċċawx tajjeb lanqas, għalkemm ħadd ma nqatgħetlu għall-mewt hawnhekk. Kien hemm min saritlu ħsara kbira fuq il-proprjetà tiegħu, min ġie intimidat u mhedded, min ittella’ l-Qorti. U allura wieħed ma jistax ma japprezzax li fl-aħħar l-istat qiegħed jiċċaqlaq biex  jirrikonoxxi d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni tal-kittieb b’liġijiet li jissalvagwardaw dan id-dritt.

 

Il-libertà tal-espressjoni tal-kittieb mhijiex biss dritt tal-awtur li jikteb dak li jħoss u kif iħoss, imma dritt tal-qarrejja tiegħu u s-soċjetà li jgħix fiha wkoll. Mingħajr dan id-dritt, soċjetà mhijiex se tiffunzjona tajjeb għaliex se tkun nieqsa mill-abilità li tevalwa dak kollu li qiegħed idawwarha u jagħmilha. Fi kliem ieħor, iċ-ċaħda ta’ libertà tal-espressjoni tal-kittieb hija, fl-aħħar mill-aħħar, mod kif tagħlaq ħalq l-awtur imma wkoll ħalq il-qarrejja tiegħu.

 

Madankollu s-soċjetà ma titmexxiex biss bil-liġijiet mgħoddija mill-parlament. Hemm liġijiet oħrajn li m’għandhomx bżonn id-deputati biex jgħaddu u m’għandhom bżonn ebda tip ta’ uffiċjali biex jiġu inforzati. Hemm il-liġijiet kulturali, it-tradizzjonijiet li mhux dejjem jimxu mal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiż. U dan jgħodd ukoll għall-kwistjoni tal-libertà tal-espressjoni.

 

Għandi t-tendenza naħseb li ħafna bnedmin – biex ma ngħidx kulħadd – isibuha diffiċli jittolleraw ideat li jew huma differenti minn tagħhom, jew, addirittura, huma kuntrarji. Nibda naħseb li hija reazzjoni kważi naturali li dak li jkun jipprova jagħlaq ħalq min ma jaqbilx miegħu. Qiegħed naħseb li anki meta l-istat jagħraf id-dritt tal-libertà tal-espressjoni se jkun hemm min se jiddarras mal-mument li xi ħadd jeżerċita dan id-dritt b’tali mod li joqorsu, idejqu, jiskomodah. U meta jiġri hekk, xi ħadd bħal dan se jagħmel minn kollox biex isikket dak il-fomm li qed jgħid ħwejjeġ li jiskomodaw. Hija xi ħaġa faċli ħafna li wieħed jintebaħ b’dan: biżżejjed ħarsa fuq fuq lejn il-kummenti tan-nies taħt xi rapport fil-gazzetta online jew waqt xi programm televiżiv li jippoża tal-mikrofnu, tal-leħen għal dawk li m’għandhomx. L-għajat, il-ġudizzji infondati u

ħafna drabi miżinformati fuq dak li jkun, il-preġudizzji, l-ibbulljar verbali u atteġġjamenti oħrajn ostili jekk mhux ukoll vjolenti huma evidenza ta’ kemm huwa faċli li wieħed jipprova jrażżan il-libertà tal-espressjoni meta din taf iddur kontra l-interessi tiegħu.

 

Allura dak il-preżentatur televiżiv li rreferejt għalih qabel, wara li ħassu offiż b’dak li ntqallu, fittex sikket lit-telespettatur billi qatagħlu l-linja u tah xebgħa kliem, u mbagħad ironikament saħaq li għandu dritt jitkellem u juża liema kliem irid f’ġieħ il-libertà tal-espressjoni.

 

Il-libertà tal-espressjoni ma tiġix mhedda biss minn tradizzjonijiet li jippruvaw jagħlqu ħalq l-individwi lablaba, imma anki minn psewdo diskussjonijiet li jittrivjalizzaw il-kwistjoni. Meta mezzi tax-xandir jibdew iqisu l-isfida lil persuna biex torbot mażżra m’għonqha u tmur taqbeż mis-sur ta’ Ħad-Dingli (sic) bħala punt ta’ diskussjoni ta’ nofs siegħa dwar il-libertà tal-espressjoni sinjal li hemm xi ħaġa li mhijiex tiffunzjona tajjeb. Il-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni jixħetna f’dilemmi ħafna aktar serji minn jekk għandniex inħallu lil xi ħadd jgħid ‘piżellu’ jew ‘ħmieġ tal-ġrieden’ waqt programm live. Nixtieq naf kif nirreaġixxu bħala poplu jekk xi ħadd jixħet xi karikatura li toffendi lil dawk li forsi għadna nqisuhom sagrosanti. Nixtieq naf x’se tkun ir-reazzjoni tagħna jekk jitfaċċa xi Charlie Hebdo Malti, imqar fit-toroq mudlama fil-lejl tad-debuxxar fin-Nadur.

 

Is-sitwazzjoni attwali ssir aktar delikata meta wieħed iqis li, filwaqt li minn banda qegħdin nitħeġġu nesprimu rwieħna liberament, minn oħra qegħdin niġu ammoniti f’isem il-korrettezza politika. Donnu li l-bniedem illum għandu dawn iż-żewġ forzi opposti iġebbduh lejn naħat differenti, jagħfsu fuqu u jikkumplikawlu aktar ħajtu. X’se jiġri jekk l-espressjoni libera ssarraf f’diskors li ma jitqiesx korrett? X’se jiġri lill-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni jekk, iggwidati bl-ideat ta’ korrettezza politika, nibdew niċċensuraw lilna nfusna?

 

Dan kollu rridu niddiskutuh, imma bis-serjetà, aktar u aktar meta tgħaddi l-liġi li tiddefendi dan dritt tal-espressjoni artistika libera. Ir-responsabbiltà kbira li l-libertà tal-espressjoni ġġorr magħha titlob li d-diskussjoni dwarha jkollha responsabbiltà tal-istess livell. M’għandniex nilludu rwieħna li d-dilettantiżmu, anki jekk naqblu li għandu jiġi ttollerat, se jkun hu li jittratta s-serjetà.

More in Blogs