Ir-riskji tal-intelliġenza artifiċjali
Ħmistax ilu tajna ħarsa fuq fuq lejn l-iżviluppi teknoloġiċi kbar illi d-dinja għaddejja minnhom u illi qed jiġu deskritti bħala ż-żernieq tar-raba rivoluzzjoni industrijali.
X’uħud qed iħarsu lejn dawn l-iżviluppi teknoloġiċi bħala opportunità kbira illi ser tiftaħ orizzonti ġodda għall-umanità: il-bniedem ser ikun jista’ jaħdem anqas għax ikollu miljuni ta’ oġġetti robotiċi illi jneħħulu l-piż ta’ ħafna mix-xogħol illi fil-preżent qed jokkupawh. Jipprospettaw dinja fejn il-bniedem ikollu aktar ħin liberu u jista’ jiddedika ruħu għall-istudju u għall-passatempi tiegħu għax ix-xogħol illi normalment qiegħed jagħmel jibda’ jsir minn qaddejja automatizzati.
Verament hawn min igħid illi għadna ferm ‘il bogħod minn tali xenarju. Ċertu xogħolijiet illi aħna nqisu li huma ta’ kuljum jirrikjedu numru enormi ta’ deċiżjonijiet mentali illi m’hux faċli tirreplika. Ġie kkalkulat illi biex ikollok robot inaddaflek kamra jirrekjedi kalkoli matematiċi illi x-xjenzati jsejħulhom “algoritmi” aktar milli kienu meħtieġa sabiex il-bniedem jasal fuq il-qamar. Madankollu, bosta mis-sostenituri tal-intelliġenza artifiċjali jsemmu l-mod kif illum diġa teżisti l-possibilità illi jintużaw robots sabiex jinnewtrallizzaw bombi. Joħolmu illi m’aħniex ‘il bogħod milli jkollna għad-disposizzjoni tagħna robots simili biex iwettqu missjonijiet delikati u skabrużi bħat-trattament ta’ morda bl-Ebola jew xi virus letali ieħor illi ifeġġ minn żmien għal żmien. Jew illi jidħol f’impjant nukleari wara xi inċident bħal ma ġara f’Chernobyl jew Fukishima.
Verament dawn il-possibilitajiet huma kollha reali. U l-bniedem ċertament ser jasal għal dawn l-objettivi illi zgur ħadd m’hu ser joġġezzjona għalihom. S’issa r-robotika l-aktar illi ntużat kienet fit-twettieq ta’ operazzjonijiet ripetuti illi robot jista’ jwettaq b’aktar preċiżjoni u regularità mill-idejn tal-bniedem. Dan narawh fil-manifattura speċjalizzata fl-industrija tal-karozzi u tal-ajruplani, fost l-oħrajn. Anke hawnhekk il-benefiċji ekonomiċi huma ċari għaliex qed tiżdied il-produttività u l-effiċjenza.
Madankollu, bosta huma dawk illi qed iwissu kontra il-periklu illi l-umanità qed taffaċja b’dawn l-iżviluppi teknoloġiċi. In-nies illi qegħdin iwissu kontra l-iżvilupp bla kontroll tal-intelliġenza artifiċjali jinkludu fost l-aqwa mħuħ tad-dinja fosthom Stephen Hawking illi semmejna xi ġimgħat ilu, il-fundatur ta’ Microsoft, Bill Gates u l-imprenditur sudafrikan Elon Musk illi waqqaf PayPal u llum imexxi d-ditta ta’ karozzi elettriċi Tesla u l-impriża spazjali SpaceX illi qiegħda tipprova tnaqqas l-ispiża tal-ivvjaġġar fl-ispazju billi tirkupra l-ewwel stadju tal-vettura spazjali. Ilkoll qegħdin iwissu kontra l-possibilità illi l-mixja teknoloġika tisfuġġi minn taħt idejn il-bniedem li jispiċċa ddominat u kkontrollat mill-istess makni illi jkun ivvinta hu.
Waħda mill-akbar problemi illi wieħed qiegħed isemmi fil-preżent hija l-iżvilupp ta’ l-hekk imsejħin sistemi awtonomi. Dan hu possibli biż-żwieġ ta’ diversi teknoloġiji illi diġa jeżistu. Eżempju illi spiss jissemma huwa fil-qasam tat-teknoloġija militari fejn ta’ l-anqas sitt pajjiżi diġa qegħdin iwettqu riċerka f’dan ir-rigward. Kulħadd illum jaf illi d-droni saru indispensabbli fil-gwerra moderna. Jintużaw kemm sabiex jissorveljaw kif ukoll sabiex jattakkaw, jibbumbardjaw u anke joqtlu persuni speċifiċi. Imma s’issa dan kollu sar taħt is-sorveljanza u d-direzzjoni tal-bniedem illi jiddeċiedi fejn u kif id-drone ser jaġixxi.
Dan ix-xenarju jista’ jinbidel fi żmien qasir bl-amalgamazzjoni ta’ tlett teknoloġiji illi diġa qegħdin f’fażi avvanzata ta’ żvilupp. Jekk drone armat ikun ikkontrollat minn software illi llum huwa diġa kapaċi illi jirbaħ l-aqwa granmastru taċ-ċess kif ukoll mat-teknoloġija tal-karozza illi ssuq ruħha waħedha, i tgħidilha fejn trid tmur, tagħżel it-triq waħedha u tara fejn hi sejra permezz tal-cameras tagħha, jista’ jkollok arma illi tiddeċiedi hi stess mingħajr intervent uman x’objettivi tagħżel u ssus warajhom minn jeddha. F’kelma waħda, ikollok arma illi tista’ tikkaċja l-bniedem minn jeddha mingħajr ebda intervent uman.
Il-problema hi illi r-ritmu ta’ żvilupp teknoloġiku huwa ferm aktar qawwi mit-tfassil tal-qafas regulatorju illi jeżisti anke fil-qasam tal-liġi tal-gwerra fejn jeżistu bosta konvenzjonijiet illi jippruvaw jeliminaw l-eċċessi u l-ħruxija żejda tal-gwerra, speċjalment fir-rigward ta’ nies pajżana. U jekk tali teknoloġija taqa’ f’idejn terroristi jew stati bħal Koreja ta’ Fuq, il-perikli huma ċari. Madankollu, wieħed ma jeskludiex ukoll illi l-użu ta’ tali teknoloġija sservi sabiex tnaqqas in-numru ta’ mwiet ta’ suldati. Għaldaqstant, il-ħtieġa ta’ regulamentazzjoni fir-rigward tinħass dejjem aktar.
Taħsbux illi tali żviluppi huma ‘l bogħod u fl-ambitu biss tal-fantaxjenza. Ftit ġimgħat il-BBC xandar intervista ma Elon Musk illi ssorprenda lill-investitatur meta qallu illi karozza illi ssuq weħidha minn New York sa Los Angeles hija possibli anke sentejn oħra. Jekk tali żviluppi huma possibli fis-settur privat fejn huwa magħruf illi l-kolossi teknoloġiċi kbar Apple u Google qegħdin jinvestu f’dawn il-karozzi illi jsuqu weħidhom, aħseb u ara kemm huma kbar il-possibilitajiet ta’ armi awtonomi fil-futur qasir. Kumpanija illi Google xtrat fl-2013, Boston Dynamics, diġa żviluppat robot ta’ sitt piedi u illi jiżen 320 libbra jismu Atlas illi jista’ jiġri waħdu. Din il-kumpanija illi tirċievi flus mid-dipartiment tad-Difiża amerikan qiegħda taħdem fuq verżjoni aktar veloċi ta’ Atlas.
Ftit għexieren ta’ snin oħra, l-intelliġenza tkun b’saħħitha biżżejjed li tibda tinkwetana
Dawn l-iżviluppi ġagħlu aktar minn 3,000 persuna involuti fl-intelliġenza artifiċjali u r-riċerka fir-robotika sabiex jiffirmaw ittra miftuħa illi ssejjaħ għal trattat illi jipprojbixxi l-armi letali awtonomi. Magħhom ingħaqdu 17,000-ir ruħ oħra fosthom Stephen Hawking, Elon Musk, Steve Wozniak, wieħed mill-fundaturi ta’ Apple u l-intelletwali Noam Chomsky. Stephen Hawking wissa illi l-makni t’intelliġenza artifiċjali jistgħu jeqirduna għax huma wisq intelliġenti. Dawn il-makni jistgħu jsiru tant kompetenti illi jistgħu joqtluna aċċidentalment. Skond Hawking, ir-riskju rejali tal-intelliġenza artifiċjali m’huwiex il-malizja imma l-kompetenza. “Intelliġenza Artifiċjali super intelliġenti tkun estremament kapaċi illi tilħaq il-miri tagħha, u jekk dawn il-miri ma jkunux alinejati ma tagħna, ikollna l-problemi.” Hawking iwissi illi dawn il-makni eventwalment ser isiru aktar intelliġenti minn min ħoloqhom. Jekk isiru daqshekk intelliġenti, jkollna “esplożjoni ta’ intelliġenza” kif il-makni jiżviluppaw l-abilità illi huma stess isiru ferm aktar intelliġenti. Eventwalment, skond Hawking, jista’ jkollna makni illi l-intelliġenza tagħhom tiżboq dik tal-bniedem aktar milli l-intelliġenza tagħna tiżboq dik tal-bebbux. Meta dan iseħħ, Hawking igħid illi tkun jew l-aħjar jew l-agħar ħaġa illi qatt ġrat lill-umanità u għaldaqstant, huwa ferm importanti illi ma niżbaljawx kif niżviluppaw l-intelliġenza artifiċjali.
Ħaġa oħra illi Hawking jibża minnha hi illi dawn il-makni jispiċċaw ikkontrollati minn ftit nies bir-riżultat illi l-inugwaljanza ekonomika tibqa’ tikber. F’ittra li kiteb fil-ġurnal ingliż The Independent, Hawking qal illi “Is-suċċess fil-ħolqien tal-intelliġenza artifiċjali ikun l-akbar avveniment fl-istorja tal-bniedem. Sfortunatament, jista’ jkun ukoll l-aħħar avveniment sakemm ma nitgħalmux illi nevitaw ir-riskji. “U f’dan il-kuntest semma l-iżvilupp tal-armi awtonomi illi semmejna qabel. F’intervista illi ta lil BBC fl-2014, Hawking stqarr illi “il-bnedmin, imxekklin mill-evoluzzjoni bijoloġika illi tieħu ħafna żmien, ma jistgħux jikkompetu u sejrin jiġu ssuperati mill-Intelliġenża Artifiċjali.”
L-istess tħassib urieh Bill Gates illi stqarr illi hu fost dawk illi huma nkwetati bis-super intelliġenza. Gates qal illi “Fil-bidu dawn il-makni jagħmlulna ħafna xogħol u ma jkunux super intelliġenti. Dan hu pożittiv sakemm niġġestixxuhom sew. Ftit għexieren ta’ snin oħra, l-intelliġenza tkun b’saħħitha biżżejjed li tibda tinkwetana. Naqbel ma’ Elon Musk u oħrajn dwar dan u ma nifhiemx kif x’uħud m’humiex inkwetati.”
L-istess Elon Musk sejjaħ il-prospett ta’ intelliġenza artifiċjali bħala “l-akbar theddida eżistenzjali tagħna.” F’intervista li kellu mal-istudenti tal-MIT, Musk qal illi huwa dejjem jaħseb aktar illi għandu jkun hemm regulamentazzjoni f’dan il-qasam ħalli żgur ma nagħmlux xi ħaġa ħażina ħafna.
Aħna, fir-realtà żgħira tagħna, ftit inħabblu rasna dwar dan ix-xenarju illi qed jinkwieta bosta mħuħ kbar. Imma ma nagħmlux ħażin illi anke aħna nibdew niżnu r-riskji illi l-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla tista’ ġġib lill-futur tal-umanità, riskji illi probabilment flimkien mal-bidla tal-klima, huma l-akbar theddida għall-futur tal-bniedem.