Le għal ODZ dejjem, u le għal MEPA mixtrija*
L-Editorjal tal-ILLUM
Il-Ħamis, u l-kap tal-oppożizzjoni Dr Simon Busuttil tkellem fil-laqgħa tal-Malta Developer’s Association fil-preżenza ta’ Sandro Chetcuti u żviluppaturi oħra.
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħejji gwidi ġodda biex jippermetti żvilupp f’ODZ. Busuttil kien ċar meta qal li dan kellu jsir f’każijiet eċċezzjonali biss.
Il-kelma eċċezzjonali hija diffiċli ħafna tifhem x’inhi.
Bħas-soltu, it-timing tad-diskors ta’ Busuttil huwa stramb. Matul dawn l-aħħar 30 sena, il-każijiet eċċezzjonali kienu bosta u xejn rari. Skejjel privati ġodda, lukandi u bini turistiku, sptarjiet, żviluppi industrijali, farms u ovvjament vilel. Dawn l-eċċezzjonijiet kienu bħalma jgħid l-Ingliż, ‘the order of the day’.
Simon Busuttil huwa taħt pressjoni kbira biex jersaq u jifhem ftit il-komunità tal-kostruzzjoni li għal żmien twil kienu sostenituri kbar għall-PN. Tant kien hekk, li l-MEPA għamlet minn kollox biex taqdi dawn l-interessi f’dawn l-aħħar snin.
Ħarsa lura lejn l-permessi mill-1992, (meta twaqqfet l-MEPA) ’l hawn kien hemm attentati ripetuti biex jinħarġu permessi f’partijiet barra miż-żona tal-iżvilupp.
Jekk ikun hemm bżonn, nistgħu nsemmu dawn l-eżempji.
Għalhekk, id-diskors ta’ Busuttil iqajjem aktar mistoqsijiet milli risposti. U jkun xieraq li l-Front Ħarsien ODZ jesprimi opinjoni dwar l-istqarrija ta’ Busuttil.
U wara kummentarju fuq Busuttil, induru fuq il-MEPA. Meta ngħidu li hija mixtrija*, ngħidu dan mhux ibbażat fuq xi fatt li hija korrotta. Le, ngħidu hekk għax nemmnu li b’mod metaforiku, il-MEPA għandha pożizzjoni politika favur l-iżvilupp. Biegħet ruħha f’din l-aħħar sena. B’mod skwilibrat ngħid li anzi qiegħda hemm biex taqdi l-iżvilupp tal-bini. U dan jidher ċar mill-ħafna deċiżjonijiet tal-MEPA.
Kieku ma kienx hekk, kieku l-MEPA ma kinitx tieħu pożizzjoni favur il-barriera ta’ Wied Moqbol (fejn hemm kolonji taċ-ċief), ma kienx jippreżenta proposti biex l-għoli fuq djar tax-xjuħ jiżdied bi tnejn.
Kieku ma kienx jipproponi minn fejn tista’ tgħaddi biex tibni fil-kampanja.
Hemm atteġġjament arroganti kontra l-ambjent u l-ebda rispett għar-risors tal-art.
Qisu kull deċiżjoni li tittieħed favur l-ambjent, issir biex tikkuntenta l-iskuntentezza tal-ambjentalisti mhux għax il-MEPA verament temmen fil-bżonn li nħarsu l-kampanja u l-kosta.
Bejn il-politika ambjentali dwar l-ODZ xejn ċar ta’ , u l-politika pro-żvilupp tal-MEPA u dik tal-gvern ta’ Muscat li huwa favur l-iżvilupp, fadlilna ħafna biex ikollna
politika sana dwar l-iżvilupp.
Il-ħatra ta’ Toni Abela
Il-ħatra tal-avukat Toni Abela bħala awditur fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija notevoli. Kien kittieb regolari u mill-bidu nett fil-gazzetta ILLUM, u llum, Abela jistenna li jieħu din il-pożizzjoni b’ċertu orgolju. U aħna ċerti li se jagħmel xogħol mill-aħjar. Toni Abela kien ħassieb xellugi li ċertament kien importanti għall-politika Laburista.
Inkredibbilment, il-ħatra tal-maġistrati hija instrinsikament marbuta ma’ din il-ħatra. Ma tridx tkun għaref biex tara għalfejn. Jidher li din il-kariga li ġiet offruta lil Abela mill-Prim Ministru Joseph Muscat kienet mixtieqa minn persuni oħra. Persuni li fil-fehma tagħna, ma kinux denji għal dan il-post. U jidher li parti mir-raġuni tal-ħatra tista’ tkun marbuta ma’ dan kollu.
Il-ħatra hija marbuta wkoll mal-ħsieb tal-Prim Ministru Muscat li jirriforma l-Partit Laburista biex ikun magna effettiva fl-elezzjoni ġenerali.
Jiġifieri li parti mill-ħatra kienet maħsuba biex ittaffi għad-dwejjaq li ġie magħżul Toni Abela. Tgerfixa manja li hija marbuta mal-istil li kulħadd qisu għandu prezz.