Iż-żgħażagħ koċċuti
"S’issa, li rnexxielna nagħmlu huwa li nitmellħu bihom, nużawhom biss biex ixejru xi maktur waqt xi meeting politiku jew iservu ta’ sfond waqt li l-mexxejja jpaċpċu"
Iva, koċċuti u kif u b’daqshekk? Anzi mhux biss.
Imqarbin u fuq tagħhom. U ħa nżid ukoll ma’ dan, ma tfehemhomx waħda. Imma nerġa’ ngħid, b’daqshekk x’fiha? Mela ż-żgħażagħ irriduhom vażuni? Meta qatt kienu hekk? Altru minn hekk, irridu żgħażagħ attivi, kostruttivi, irriduhom jargumentaw u ma jaqblux magħna. Irridu żgħażagħ b’karattru u personalità. Irridu żgħażagħ li kif jgħid l-Ingliż, ‘they help us test ground’. Għax iż-zgħożija għandha dan l-irwol importanti li tixpruna l-ideat li ħafna drabi, l-adulti jkunu stabbilixxew bħala fatt li ma jistax jiġi kkontestat. Huma ż-żgħażagħ li jkollhom il-kuraġġ jiggieldu dan l-istatus quo, u rridu nassiguraw li dan l-ispazju mentali inħalluhulhom u mhux noħonquh b’diskors li huwa politikament korrett imma li mbagħad jeħodhom dawra tajba fil-vojt.
Apparti hekk, nerġa’ ninsisti li hija ħmerija li ngħidu li ż-żgħażagħ huma d-dekadenza soċjali tagħna jew l-inkarnazzjoni tal-ħazin! B’liema dritt ngħidu hekk, meta jekk inħarsu madwarna, mhux biss f’Malta imma anke lil hinn minn xtutna, dejjem lilhom insibu fuq quddiem nett tal-kawża, hi kemm hi kontroversjali, hi kemm hi perikoluża?
Il-verità hi li ż-żgħażagħ jagħtuna ħajja, jgħinuna mmexxu dawk it-temi li ħaddiehor jaħsibha mitt darba qabel ma jieħu azzjoni.
Għalhekk, ikun żball jekk naraw iż-żgħażagħ bħala l-problema. Jien immur oltrè minn hekk u narahom bħala s-soluzzjoni. Il-verità hi li din il-parti tal-popolazzjoni hija r-ruħ u s-sentiment tas-soċjeta tagħna, il-kejl tal-komunitajiet tagħna u rridu nkomplu noħolqu l-ispazju fejn aħna l-adulti nwarrbu min-nofs, u nħallu liż-żgħażagħ jippilotaw id-destin tagħhom, għax huma jafu xi jridu għalihom nfushom bl-aktar mod ċar u skjett. Irridu nieqfu ngħadduhom biż-żmien u nqisuhom bħala persuni b’ kapaċità meta jiftlilna aħna biss, u fuq it-termini tagħna.
Per eżempju, jekk vera nemmnu fiż-żgħażagħ, irridu nagħtuhom iċ-ċans jivvutaw f’kull elezzjoni, jikkandidaw ruħhom, innaqqsu l-età tal-kunsens sesswali u miljun ħaġa oħra. S’issa, li rnexxielna nagħmlu huwa li nitmellħu bihom, nużawhom biss biex ixejru xi maktur waqt xi meeting politiku jew iservu ta’ sfond waqt li l-mexxejja jpaċpċu. Dan mhux biżżejjed.
Iż-żgħażagħ għandhom kapaċità kritika enormi.
Għandhom kapital ta’ ħsieb li wisq nibża’, aħna ma nivvalutawhx. Ippruvaw tkellmu maż-żgħażagħ, u tibdew tirrealizzaw li għandhom is-soluzzjonijiet tal-problemi u mhux huma l-problema. Vera li l-imgiba tagħhom u l-mod kif jaħsbu huwa alternattiv u ma jimxix dejjem mal-linja loġika li rridu aħna l-adulti – u dan lilna jpoġġina f’insigurtà. Mhuwiex faċli li naċċettaw li jikkritikaw dak kollu li aħna għamilna snin biex poġġejnieh f’postu: l-istutturi soċjali, l-istituzzjonijiet, id-diskors politiku, ir-rwol tal-Knisja.
Għalhekk, meta jkun hemm xi gozz żgħażagħ jgħidulna dak li qed tagħmlu u għamiltu mhux tajjeb, ipoġġina f’paniku kbir għax ikunu qed jisfidaw is-sigurtajiet li ħloqna.
L-esperjenza tax-xogħol tiegħi fejn inkunu qed inħarrġu lill-istudenti tal-Univeristà biex isiru Youth Workers, huwa mument fejn l-għajnejn jinfetħu tassew. Il-Youth Workers qed jgħinuna mhux ftit biex jinħolqu dawn il-pontijiet bejn iż-żgħazagħ. Din professjoni relattivament ġdida ġewwa pajjizna li qed tinfirex b’mod spedit, anke permezz tal-ħidma li qed issir mill-Aġenzija Żgħazagħ, mid-Dipartiment taż-Żgħazagħ u l-Komunità fi ħdan l-Università ta’ Malta, u anke mis-Segretarjat Parlamentari li għandu r-responsabilità taż-żgħażagħ. Din il-professjoni qiegħda tindikalna li dan l-inkontru, dawn il-pontijiet, dawn il-konverżazzjonijiet li qed jibdew iseħħu, huma ta’ importanza straordinarja.
Jekk irridu li ż-żgħażagħ ikunu parti mit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż, irridu b’ mod konkret nippermettu l-vuċi u sehem tagħhom mingħajr ma nagħmlulhom kundizzjonijiet
Jekk irridu li ż-żgħazagħ ikunu parti mit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż, irridu b’ mod konkret nippermettu l-vuċi u sehem tagħhom mingħajr ma nagħmlulhom kundizzjonijiet, mingħajr ma niġġudikaw b’mod negattiv kull pass li jagħmlu, mingħajr ma nkunu moħħna li niċċensurawhom. Meta għamilna hekk, meta seħħ hekk fil-pajjiż, il-komunitajiet tagħna ggwadanjaw u għenu biex jagħtu direzzjoni u disinn lis-soċjetà li huma protagonisti fiha.
U għalhekk, il-professjoni tal-Youth Workers qed iżżid fl-importanza għax irridu li dan l-ispazju soċjali jkun garantit.
U għalhekk li ż-żgħażagħ koċċuti mhux ħaġa ħażina, altru minn hekk. Din l-imqarbezza, dan il-konfront jgħin biex jixpruna l-ħafna tajjeb li jagħmlu dawn il-persuni fis-soċjetà tagħna. Ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ kajmana, passiva u dizinteressata ġġib telqa soċjali. Il-kontra, ċoè żgħażagħ li jitkellmu, jiddiskutu, jiżfnu, juzaw l-arti, jiddibbatu, joħolqu komunitajiet sani.
Jekk interessat f’xi wieħed mill-korsijiet li noffru: Diploma in Youth and Community Studies, BA in Youth and Community Studies, MA in Arts (Youth Justice) jew MA in Youth and Community Development iktbilna fuq [email protected]
Dr Andrew Azzopardi hu l-kap tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u l-Komunità fil-Fakulta’ tal-Ħarsien Soċjali