Għandna l-lussu ta’ ekonomija b’saħħitha

L-Editorjal tal-ILLUM

 

L-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ta’ sikwit jgħid li xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni. U jekk xejn ma kien jiġri b’kumbinazzjoni taħt Gvern Nazzjonalista l-istess jgħodd taħt Gvern Laburista.

Dan il-Gvern, li issa ilu fil-poter kważi tliet snin għandu n-nuqqasijiet tiegħu, uħud minnhom żgħar u oħrajn kbar. Kellna l-opportunità diversi drabi minn dan l-editorjal biex nelenkaw serje ta’ żbalji li seta’ evita l-Gvern u xi Ministri tal-Kabinett. Żbalji li ħammrulu wiċċu u servew biex ixaqqu l-imaġini tal-Partit Laburista u ta’ Joseph Muscat. Jidhrilna li fejn jirrigwardaw xi oqsma, b’mod speċjali l-ambjent u t-trasparenza dan il-Gvern għad fadallu ħafna x’jaqdef jekk irid juri lill-poplu li huwa differenti mill-Gvern ta’ qablu.

Madanakollu l-argument li qabad art sew illi l-ekonomija nistgħu ma nitkellmux dwarha għax din dejjem se tibqa’ sejra tajjeb huwa wieħed mill-aktar fallaċi. Mingħajr ekonomija b’saħħitha, kif għandna bħalissa, ma kienx ikollna l-lussu li nitkellmu dwar diversi kwistjonijiet oħrajn. Il-fatt li ħadd mhu qed jitkellem jew jeċita ruħu bil-fatt illi pajjiżna b’5.6% rreġistra t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea huwa l-akbar ċertifikat ta’ kemm l-ekonomija sejra tajjeb.

Il-fatt li m’hawnx diskussjoni dwar ix-xogħol, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-aktar ħaġa importanti għall-ħaddiema, għall-istudenti u għall-familji huwa riflessjoni tal-fatt li ċ-ċifri llum qed juru li l-qgħad qiegħed fl-inqas livelli tiegħu mid-disgħinijiet. Is-sena l-oħra Malta kellha tliet ċertifikati mill-aqwa. Kellha t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-UE, b’5.1%, kellha fost l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ mill-pajjiżi tal-UE, u kellha ċifri li juru żieda qawwija ta’ nies f’impjieg. F’Awwissu pajjiżna ra żieda ta’ 7,300 impjieg fis-settur privat u 316 fis-settur pubbliku, altru milli kulħadd qed isib impjieg mal-Gvern u altru milli bil-Labour fil-Gvern se jkollna l-kjuwijiet tan-nies jistennew biex jirreġistraw.

Is-sena l-oħra pajjiżna rreġistra rekord assolut f’dak li jirrigwarda t-turiżmu b’żidiet f’dawk li ġew Malta, żidiet fin-nefqa u żidiet fin-numru ta’ ljieli li t-turisti qattgħu pajjiżna. Esperjenzajna sena rekord fid-dħul mill-industrija tal-films b’€100 miljun u sena rekord fil-qasam tal-cruises, b’żieda ta’ 30% f’dawk li ġew Malta b’dan il-mod.

L-aġenti kollha li din il-gazzetta tkellmet magħhom jgħidu kif is-suq tal-proprjetà, kemm fil-bejgħ u kemm fil-kiri, għaddej minn żmien tajjeb ħafna u l-kostruzzjoni, li minkejja l-isem ħażin li għandha neħtiġuha daqs kwalunkwe settur ieħor tal-ekonomija, sejra tajjeb ukoll.

Fil-ħarġa tal-lum negozjanti Għawdxin jitkellmu dwar l-aqwa Jannar li qatt esperjenzaw u 64% ta’ dawk li pparteċipaw fi stħarriġ tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxi qalu li marru aħjar fl-2015 mis-sena ta’ qabel.

U nistgħu nibqgħu għaddejjin bir-riżultati pożittivi ferm li qed jikseb il-pajjiż. Imma se nieqfu hawn għalissa biex naċċertaw li l-għan ta’ dan l-editorjal, anke jekk hekk se jkun hemm min jipprova jinterpretah għax hekk jaqbillu, ma jkunx xi eżerċizzju fl-inċensar.

Fil-fatt din il-gazzetta ilha tgħid li ma tidillettax f’inċensar, imma dak ma jfissirx li din il-gazzetta għandha ddoqq it-trombi ta’ min jaqbillu li ma nitkellmux dwar il-fatt li pajjiżna għaddej mill-aqwa perjodu ekonomiku mid-disgħinijiet ’l hawn. Mill-aqwa żmien ta’ Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami jew agħar minn hekk ta’ min qed jitkellem daqslikieku xi dagħwa illi għandna Gvern ‘pro-business’. Allura, għax għandna Gvern li jaħdem tajjeb man-negozji? So what?

Kulħadd sejjer tajjeb? U dażgur li le. Il-ġid qed jipperkola sal-aħħar saffi tas-soċjetà? Ir-risposta tagħna hija li għad le. U se nibqgħu nsostnu li s-suċċess jilħaq lil kulħadd.

Insemmu u nistaqsu ħafna dwar il-kredenzjali xellugin li għandu jew għad fadallu l-Partit Laburista llum. Imma nfakkru wkoll illi kieku għandna l-Gvern Laburista li kellu jeħodna gass down ġol-ħajt u għall-bail out kif kien ippreveda l-Kap tal-PN, kieku dwar il-qgħad, ir-riċessjoni u l-familji bla flus qed nitkellmu, mhux dwar l-ideoloġiji politiċi. 

 

More in Blogs