Il-qbil mar-Renju Unit: 'Messaġġ Ċar'
"Minn meta twaqqfet l-Unjoni Ewropea ma kien hemm l-ebda pajjiż li ħareġ, u l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li jixtieq li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea"
Il-messaġġ li ħareġ mill-Kunsill Ewropew hu wieħed: jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tagħraf timxi ‘l quddiem f’għaqda sħiħa. Il-Kunsill Ewropew bagħat sinjal pożittiv għaliex l-agħar ħaġa li setgħet tiġri hu li jasal il-messaġġ li l-Unjoni Ewropea hi maqsuma jew li daħlet fi kriżi li theżżeż l-istabbilità tagħha. Dan kien ikollu impatt ekonomiku negattiv fuq il-pajjiżi Ewropej.
F’jumejn ta’ taħdidiet, il-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej pruvaw, u waslu għal dak li jista’ jiġi deskritt bħala ftehim, qbil jew kompromess. F’kull dibattitu ħaj, u f’dan in partikolari fejn se jkun il-poplu li se jiddeċiedi f’referendum jekk għandux jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea jew le, se jkun hemm min isejjaħlu mod jew ieħor. Se jkun hemm oħrajn li jagħmlu l-argument li l-Unjoni Ewropea ċediet iżżejjed jew li ma ċeditx biżżejjed. M’hemmx dubju li dak li ġie maqbul dwaru se jingħata interpretazzjoni differenti. Dawn huma argumenti li kienu jsiru wkoll f’pajjiżna meta konna f’salib it-toroq jekk nissieħbux fl-Unjoni Ewropea jew le.
Il-ftehim li sar fil-Kunsill Ewropew kien biex ir-Renju Unit jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea. Minn meta twaqqfet l-Unjoni Ewropea ma kien hemm l-ebda pajjiż li ħareġ, u l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi li jixtieq li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea.
Irridu nipproteġu d-drittijiet tal-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit
Il-kwistjonijiet li ġew indirizzati bħal l-migrazzjoni u l-kompetittività, mhumiex ta’ interess għal min poġġihom fuq l-aġenda biss imma huma ta’ interess b’mod dirett għal pajjiżi oħra fosthom Malta. L-implikazzjonijiet jifirxu lil hinn minn pajjiż wieħed. Hu fl-interess tagħna wkoll li nipproteġu d-drittijiet tal-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit: ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li stabilixxew lilhom infushom hemm jew qed jagħmlu karriera. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li din il-ġimgħa pparteċipa fil-laqgħa tal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew kienet, li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-Unjoni Ewropea għandha tasal għal ftehim li jkun tajjeb għall-Unjoni Ewropea, tajjeb għar-Renju Unit u tajjeb għal Malta u l-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra.
Għaddew ftit siegħat minn meta sar il-ftehim fil-Kunsill Ewropew. Il-ftehim irid jinfela’ aktar bir-reqqa, inkluż minna l-Membri Parlamentari Ewropej. Nittama li d-dibattitu li se jsir, iwassalna biex nagħrfu aktar il-valuri Ewropej, il-valuri li fuqhom hi mibnija l-Unjoni u l-ġejjieni tal-Unjoni għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej. Fl-aħħar mill-aħħar dan mhux dibattitu dwar l-istituzzjonijiet iżda dwar il-popli u ċ-ċittadini Ewropej li aħna nirrapreżentaw.
Dan il-kumment ingħata s-Sibt filgħodu wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u qabel il-laqgħa tal-kabinett imsejjaħ minn David Cameron.