Cameron b’idejh imsaħħin
minn Marlene Mizzi
Il-ftehim milħuq bejn il-Prim Ministru Ingliż David Cameron u Brussell dwar il-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea qiegħed jitqies minn ħafna bħala ftehim li jsaħħaħ idejn Cameron fl-appell tiegħu lill-poplu Brittaniku biex fir-referendum li mistenni jsir aktar tard din is-sena jivvota favur li r-Renju Unit jibqa’ jifforma parti mill-Unjoni Ewropea.
L-insistenza ewlenija ta’ Cameron għal rinegozjar ma’ Brussell kienet biex tiskoraġġixxi l-immigranti, kemm jekk ċittadini tal-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk le, milli jmorru lejn ir-Renju Unit. Insistenza ewlenija oħra kienet li jnaqqas mis-saħħa li Brussell għandha fuq il-politika nazzjonali u fuq il-leġislazzjoni. Fi kliem sempliċi, aktar sovranità u inqas dipendenza fuq Brussell.
Segwejt u għadni insegwi mill-qrib id-dibattitu fir-Renju Unit dwar it-tkomplija tas-sħubija jew le fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Nistqarr li fl-opinjoni tiegħi tkun ħasra kbira kieku kellu jkollna ‘Brexit’ – it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Ngħid dan għax nemmen li bir-Renju Unit fi ħdanha, l-Unjoni Ewropea tkun aktar b’saħħitha kemm politikament kif ukoll ekonomikament.
Irid jitqies jekk dak li se jingħata lir-Renju Unit, hux se jkun disponibbli għal kull stat membru ieħor
Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-prinċipji u l-valuri li fuqhom u minnhom hija ffurmata l-Unjoni Ewropea. Cameron qiegħed jipproponi li jitnaqqsu d-drittijiet u benefiċċji soċjali għal ċittadini Ewropej li jkunu emigraw lejn ir-Renju Unit. Dan qed ikun interpretat bħala diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej. Irid jitqies ukoll jekk dak li se jkun qed jingħata r-Renju Unit hux se jkun disponibbli għal kull stat membru ieħor bla ma jwassal għat-tifrik ta’ dak kollu li jifforma l-Unjoni Ewropea.
Qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, il-Prim Ministru Ingliż kien wiegħed li se jkun qiegħed jirrevedi l-kundizzjonijiet tas-sħubija tar-Renju Unit. Cameron kien għamel din il-wegħda biex jimmansa lill-Ewroxettiċi dejjem jiżdiedu fi ħdan il-partit tiegħu. Kien jeħtieġ l-appoġġ tagħhom biex jirbaħ l-elezzjoni. Issa jrid isarraf il-wegħda.
Id-deċiżjoni tal-poplu Skoċċiż fir-referendum tas-sena 2014 li bih kien deċiż li l-Iskozja tibqa’ tifforma parti mir-Renju Unit tilgħab parti importanti. B’riżultat ta’ dak ir-referendum, l-iScottish National Party (SNP) kiseb appoġġ bla preċedent. Il-Kap tal-SNP Nicola Sturgeon, hija kontra li jkun hemm referendum wieħed mar-Renju Unit kollu. Sturgeon trid li l-Iskozja, Wales, l-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom jivvotaw separatament u trid li biex ir-Renju Unit jirtira s-sħubija mill-Unjoni Ewropea, il-vot għandu jkun unanimu.
L-Unjoni Ewropea u l-Prim Ministru Ingliż qegħdin jiffaċċjaw sfida kbira. Għad irridu nistennew biex naraw x’se jkun ir-riżultat.