Deżert niexef...nixfa ta’ ideat

minn Alfred E. Baldacchino

Is-siġra tal-lewż...l-unika ftit ħajja f’deżert bla ilma
Is-siġra tal-lewż...l-unika ftit ħajja f’deżert bla ilma

Nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Frar, mort sa Wied il-Qlejgħa jew kif jafuh xi wħud, Chadwick Lakes. Ma kontx qed nistenna li l-ilqugħ kienu se jkunu jfawwru minn wieħed għall-ieħor kif jagħmlu s-soltu fi Frar. Imma nħsadt għaliex Wied il-Qlejgħa kien qoxqox. Lanqas qatra ilma. Ħassejtni f’xi ġurnata f’Awwissu.

Ma kienx hemm il-mużika tal-ilma jċafċaf bħas-soltu. Ma kien hemm l-ebda ċikkuġwiebi jissiefaħ fuq wiċċ l-ilma, jindokra l-roqgħa tiegħu u jħajjar xi sieħba biex jagħtu sehemhom u jkattru l-ispeċi. Lanqas marżepp jew xi żrinġ wieħed, meta s-soltu l-wied ikun miżgħud bihom. Fittixt iċ-ċfolloq tal-widien, li s-soltu kien jikber f’wiċċ l-ilma. Imma kif seta’ jikber f’dik in-nixfa?

Ħarsti waqgħet fuq l-għelieqi fil-madwar. Fix-xhur xitwin dawn jieħdu l-ilma tax-xita u jlestu l-art għaż-żergħa. Imma din is-sena qoxqox. Min ser jgħin lill-bdiewa bl-ilma biex dawn ikunu jistgħu jkabbru l-prodotti tagħhom għall-mejda?

Is-siġra tal-lewż

Kienu s-siġar tal-lewż li taffewli ftit id-diqa. F’dik in-nixfa kollha kienu mlibbsa kollha bojod bil-fjuri. Kienu juru rieda b’saħħitha biex ikomplu jgħixu u jkompli joktru. Hekk imlibbsa kienu jolqtu lil minn jarahom u juruna l-faqar tagħna meta qed neqirdu dak li jwieżinna. Madwarhom il-ħoss li lili jgħollina fis-seba’ sema, iż-żanżin tan-naħal, kollha bieżla jdakkru l-fjuri u jixorbu mill-għasel tagħhom waqt li jiġbru l-għabra tad-dakra li jieħdu ġewwa l-miġbħa fejn jagħmlu l-għasel u għaġna oħra bih. Għal-lanqas setgħu jsibu fjuri friski mhux imbexxa minn kimika velenuża li tintuża mingħajr kontroll, imħallsa minn flus pubbliċi, biex xi wħud jinqdew kummerċjalment.

Is-siġra tal-lewż ilha tikber fil-gżejjer Maltin mill-passat imbiegħed. Minħabba l-għajnuna tagħha lill-bniedem, mil-lvant nofsani fejn hija indiġena, ittieħedet madwar il-Mediterran kollu fejn anki bdiet tikber f’dan l-ambjent minn jeddha. Illum hija meqjusa bħala siġra arkeofita fil-gżejjer Maltin.

Hija togħla minn 4 sa 10 metri, fuq zokk li jista’ jilħaq 30 ċm diametru. Il-fjuri, b’diametru ta’ 3 sa 5 ċm, ikollhom ħames petali bojod b’leħħa rosa mitfija. Jistgħu jidhru kmieni sa minn Frar u jiksu l-għesieleġ għarwiena, qabel ma jidher il-weraq.

Din id-deċiżjoni li l-ilma tax-xita li jiġi b’xejn nixkupawh il-baħar, hija waħda mid-deċiżjonijiet politiċi stupidi u suwiċidali li għaliha l-pajjiż irid iħallas prezz kbir soċjali, ambjentali, u ekonomiku

Il-frotta tkun bejn 3.5 ċm sa 6 ċm. Tkun imlaħħma, iebsa u magħluqa f’qoxra b’għadma iebsa ġo nofsha li ġo fiha jkun hemm żerriegħa waħda, rari tnejn. Din issir fis-sena ta’ wara, għall-ħabta ta’ Awwissu. Dawk li jikbru fis-selvaġġ ikun qarsa. Dawk ikkultivati jkollhom togħma ħelwa.

Is-siġra tal-lewż tista’ tgħix minn 70 sa 80 sena. F’ħafna pajjiżi tintuża wkoll biex isebbaħ il-madwar fl-ibliet, waqt li l-fjuri joffru ammont kbir ta’ għasel, kemm lin-nahal, kif ukoll lill-ħlejjaq oħra, minbarra li l-frott tagħha joffri ukoll ikel lill-għasafar.

Is-siġar, ir-roundabouts u l-flus

Waqt li kont sejjer lura għall-karozza għidt bejni u bejn ruħhi: imma kieku dawn is-siġar jintużaw fuq id-dwawar fit-toroq (roundabouts) ma jkunux sbieħ? Jew jintużaw fit-toroq u fit-tisbiħ tal-art fl-ibliet minflok dawk li jinbġabu minn pajjiżi bħall-Amerika t’isfel, l-Awstralja, u l-Afrika t’Isfel, ma jkunx aħjar? Ma jkunx aħjar li l-flus jintużaw fl-edukazzjoni tal-ambjent Malti, fit-tisbieħ u t-tisħiħ tiegħu minflok jintefqu barra minn Malta; u barra minn hekk ma jinġabux aktar mard u speċi invażivi oħra li qed jagħmlu ħsara ekonomika, ekoloġika u soċjali?

Imma forsi dan ma jaqbilx lil dawk li qed jagħmlu qliegħ kbir minn flus pubbliċi u ma tantx jinteressahom is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u tas-soċjetà Maltija. U milli jidher, xi politiċi jaqblu ma’ dawn ukoll, għax iħallsuhom b’għajnehom magħluqa minkejja dan.

Ic-Chadwick Lakes f’nixfa totali
Ic-Chadwick Lakes f’nixfa totali

Ħarsa oħra lejn in-nixfa tal-wied ġagħlitni nistaqsi wkoll, kieku kellhom jiġu salvati ftit qtar tax-xita minn dawk li l-gvernijiet Maltin, bi spiża ta’ €57 miljun, qed jixkupaw lejn il-baħar, il-ħajja fil-wied ma kinitx tkun aħjar għal dawk kollha li ħajjithom hija msejsa fuq l-ilma, inkluż il-bdiewa? Għalija din id-deċiżjoni li l-ilma tax-xita li jiġi b’xejn nixkupawh il-baħar, hija waħda mid-deċiżjonijiet politiċi stupidi u suwiċidali li l-pajjiż, fil-futur qarib irid iħallas preżż kbir soċjali, ambjentali, u ekonomiku. Min kienu dawk il-Ministri li wettqu dan il-pjan?

Dħalt fil-karozza lura għad-dar. Fuq ir-radju kien hemm l-aħbarijiet, fosthom kemm l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajba u kemm din sejra tkompli tikber. U staqsejt lili nnifsi, ‘Imma dawn ħadu in konsiderazzjoni l-prezz tal-qerda li qed issir fl-ambjent? Dawn ħadu in konsiderazzjoni l-prezz moħbi li l-poplu ser ikollu jġorr minħabba kemm deċiżjonijeit politiċi żbaljati, immaniġġar xejn professjonali tal-biodiversità, kif ukoll minħabba r-riżultat tal-kilba tal-bniedem għall-materjaliżmu li qed iwassal għal bdil fil-klima?’

Meta nara n-nixfa f’Wied il-Qlejgħa, wied pinċipali f’Malta, u nisma’ aħbarijiet bħal dawn, nasal biex ngħid li bagħal mgħammad idur mas-sienja, għandu viżjoni aktar determinanta u ġenwina u jaf fejn sejjer, milli wħud mill-politikanti li jmexxu dan il-pajjiż.

Imma għaliex dan il-pajjiż mhux qed jitħalla jikber u jitħalla juri s-sbuħija tiegħu fl-oqsma kollha, kif tagħmel is-siġra tal-lewż?

More in Blogs