Konrad Mizzi: Il-garanzija ta’ telfa ċerta għall-PN

"....r-riżultati pożittivi tal-ħidma ta’ Konrad fil-qasam tal-enerġija, u flimkien ma’ Chris Fearne fil-qasam tas-saħħa, illum jista’ jarahom u jgawdi minnhom kulħadd. Dan kollu xejn ma jogħġob lil tal-PN."

Konrad Mizzi huwa d-Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Partit. Bla dubju, dan kien xokk kbir għall-PN. Aħna nafu u konvinti mill-kapaċitajiet kbar li jippossjedi Konrad. Imma l-aktar li huma konvinti minn dan, huma propju tal-PN.

Dan il-Ministru, lil tal-PN minn dejjem gerfixhom. Sa minn qabel ma sar Ministru. Kien għadu biss kandidat qabel l-elezzjoni li għaddiet. Kollha niftakruh jitkellem u jispjega b’awtoritá liema bħalha dwar il-pjan tal-enerġija li kien qed iħejji għal pajjiżna l-Partit Laburista. Dan kien qed iġib kredibbiltá kbira lill-Partit Laburista, u allura jbiegħed mis-siġġu tal-poter lil tal-PN. L-elezzjoni li għaddiet kienet konferma ta’ dan kollu. L-istorja ma waqfitx hemm. Meta sar Ministru, Konrad beda jimplimenta dak li kien qed jitkellem dwaru qabel l-elezzjoni. Mhux biss. Beda jimplimenta wkoll pjan fil-qasam tas-saħħa. U r-riżultati pożittivi tal-ħidma ta’ Konrad fil-qasam tal-enerġija, u flimkien ma’ Chris Fearne fil-qasam tas-saħħa, illum jista’ jarahom u jgawdi minnhom kulħadd. Dan kollu xejn ma jogħġob lil tal-PN. Issa biex tgħaxxaqha, se jibda inkwiet ġdid għall-PN. Il-kapaċitajiet organizzativi ta’ Konrad, issa se jkunu riflessi wkoll fl-organizazzjoni tal-Partit Laburista fil-kariga l-ġdida tiegħu ta’ deputat mexxej. Insomma nkwiet ġdid għall-PN. Konrad Mizzi huwa l-garanzija ta’ telfa ċerta għall-PN fl-elezzjoni li jmiss. X’ma jivvintawx u jigdbu fuqu! Kemm jixtiequ tal-PN li għandhom wieħed kapaċi daqs Konrad. Għandhom għira bażwija għalih.

Skiet perfett fuq l-iskandlu tal-Fekruna

F’dawn l-aħħar ġimgħat, ħarġu dettalji ġodda u serji dwar l-iskandlu tal-Fekruna. Sid il-Fekruna mar tajjeb ħafna meta Jason Azzopardi kien Ministru. Imma l-pajjiż mar minn taħt. Kellna noħorġu flus aktar milli suppost. Dan mhux qed ngħidu jien. Dan huwa r-riżultat ta’ investigazzjoni intensiva ferm. Inkisru anke l-liġijiet tal-pajjiż. Xi jgħid Jason Azzopardi dwar dan? Azzopardi jista’ ma jgħid xejn, imma se jkun qed jgħid u jaġixxi bil-kbir il-Gvern fuq dan l-iskandlu tal-PN.

Skiet perfett fuq l-iskandlu Enemalta

L-Enemalta hija korporazzjoni li bena Gvern Laburista fis-snin 70. Korporazzjoni li aħna ħallejnieha b’ saħħitha. Korporazzjoni li tal-PN fil-Gvern ġabuha għarkupptejha. Falliment li kien se jwassal biex magħha jinżel il-pajjiż kollu. Immaġinaw, aktar minn 900 miljun ewro dejn. Bir-raġun in-nies tistaqsi min ħawwad fil-borma biex tal-PN kissru l-Enemalta? Għad insiru nafu. Forsi ma ndumux. Imma osservaw, min-naħa tal-PN skiet perfett.

Konrad Mizzi huwa l-garanzija ta’ telfa certa għall-PN fl-elezzjoni li jmiss. X’ma jivvintawx u jigdbu fuqu! Għandhom għira bażwija għalih

Skiet perfett fuq l-iskandlu Air Malta

Xi ngħidu mbagħad għal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta? Din ukoll hija kumpanija li bnieha Gvern Laburista. Kumpanija li matul is-snin, tat kontribut enormi għall-industrija tat-turiżmu. Kumpanija li kienet tfisser opportunitajiet ġodda tax-xogħol għall-ħaddiema tagħna li sa ftit taż-żmien qabel, qatt ma kienu joħolmu bihom. Kumpanija li kienet tirreġistra l-profitti kull sena, u li mill-profitti kien jitqassam  bonus kull sena lill-ħaddiema tagħha. Anke l-Air Malta, tal-PN irnexxielhom iġibuha għarkupptejha. Biżżejjed tkunu tafu li appena tlajna fil-Gvern fl-2013, sibna Air Malta b’telf ta’ 78 miljun ewro. Air Malta li l-akbar daqqiet ħadithom meta xi ħadd bravu taħt il-PN fil-Gvern iddeċieda li jixtri l-ajruplani RJ70s u jwaqqaf l-Azzurra Air. Xi ħadd, dakinhar mar tajjeb żgur a skapitu tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru tagħna. Anke hawnhekk, konvint li għad joħorġu dettalji xokkanti ġodda. Imma dejjem osservaw is-skiet perfett min-naħa tal-PN anke dwar l-Air Malta.

Sid il-Fekruna mar tajjeb ħafna meta Jason Azzopardi kien Ministru
Sid il-Fekruna mar tajjeb ħafna meta Jason Azzopardi kien Ministru

Skiet perfett fuq l-iskandlu Mater Dei

Naħseb li diġá ndunajtu biżżejjed kemm tal-PN jitilfu lsienhom meta jkunu mbarazzati. Mater Dei, sptar mimli korruzzjoni. Storja skandaluża mill-bidu sal-aħħar. Għaddejjin l-investigazzjonijiet neċessarji fuq dak li nstab s’issa. Għax minn informazzjoni li waslitili, jidher li dalwaqt joħorġu affarijiet li sal-lum, ħadd għadu ma jaf bihom. Sptar, li huwa ċar li kien hemm min bill subgħajh waqt li kien qed jinbena. Jekk għandkom xi dubju, staqsu lil Frank Portelli, li kemm-il darba tkellem fuq commissions. Imma osservaw mill-ġdid is-skiet taqtgħu b’sikkina mill-PN fuq dan l-iskandlu. Eh, biex ma ninsiex, meta kien qed jinbena l-Mater Dei, tal-PN b’kumbinazzjoni kienu qed jirranġaw il-kwartieri tagħhom f’Tal-Pietá. Eżatt bħas-snin sittin, anke dakinhar kumbinazzjoni meta kien qed jinbena l-isptar t’Għawdex, kienu qed jibnu d-Dar Ċentrali f’Tal-Pietá. 

Meta kien qed jinbena Mater Dei, tal-PN b’ kumbinazzjoni kienu qed jirrangaw il-kwartieri tagħhom

Skiet perfett fuq l-iskandlu taż-żejt

Taħt il-PN fil-gvern, il-familji u n-negozji kienu qed iħallsu l-ogħla kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-Ewropa kollha. Anke l-ogħla prezzijiet tal-fuel. U waqt li kien għaddej dan kollu, fix-xiri taż-żejt ma kien jinżamm rekord ta’ xejn, u ppermettew sitwazzjoni fejn kien hemm nies li b’ mod kontinwu kienu qed jieħdu l-commissions fuq ix-xiri tal-istess żejt. Anke hawnhekk, skiet perfett min-naħa tal-PN. Korruzzjoni bil-provi akbar minn din, il-pajjiż qatt ma kellu. U dan kollu, tinsewx, kien permess minn dawk li llum qed jilagħbuha tal-verġni. 

Skiet perfett dwar id-djun tal-PN

Appena għaddiet l-elezzjoni, sirna nafu li tal-PN kienu mimlijin tilja dejn. Miljuni ta’ ewro dejn. Flus li sparixxew. Keċċew il-ħaddiema minn magħhom. Meta riċentement staqsewhom għamlux investigazzjoni, biex jaraw fejn spiccaw il-flus kbar li kellhom, wieġbu li m’għamlux investigazzjoni, u qalu li ddecidew li jħarsu biss ’il quddiem. Tgħatti lil min kien inkompetenti jew inkella ħalliel ta’ miljuni ta’ ewro. Għandhom x’ jaħbu, għax kieku jinvestigaw u jkunu trasparenti. Anke hawn għażlu s-skiet!

More in Blogs