Il-Partit Nazzjonalista u Għawdex

minn Ryan Mercieca

Ir-rabta bejn il-Partit Nazzjonalista u Għawdex mhux biss hija waħda politika imma anke storika. Dan tixhdu l-istorja tal-135sena tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel kap u kandidat li kellu il-PN kien Fortunato Mizzi nisel Għawdex u wara segwih anke ibnu Enrico Mizzi. Dan wassal sabiex mill-bidu nett, Għawdex kien fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-partit. 

Mill-elezzjoni tal-1958 ’l hawn, il-PN dejjem kellu maġġoranza u d-distakk bejn iż-żewġ partiti dejjem kien imdaqqas iżda f’dawn l-aħħar snin rajna li l-PN jiddgħajjef  sew f’Għawdex.  Diversi raġunijiet setgħu wasslu għal dan ir-riżultat, peró żgur li nista’ nistqarr li l-poplu Għawdxi apprezza dak li għamel il-PN f’Għawdex. L-istorja wkoll urietna, li l-poplu Għawdxi ħadem id f’id mal-Partit Nazzjonalista u dejjem ta s-sehem tiegħu fil-ġlidiet nazzjonali bħall-Indipendenza u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Għawdex ta s-sehem tiegħu ukoll b’ħidma kontinwa min-numru ta’ politiċi prominenti li taw kontribut mhux biss fuq livell reġjonali imma anke nazzjonali. 

Il-proġetti infrastrutturali u soċjali f’Għawdex huma t-timbru ta’ dan il-partit. Peró mhux biss, il-PN f’Għawdex huwa dak il-partit li zamm il-Kunsill Ċiviku u ħoloq il-Ministeru għal Għawdex. Gvernijiet Laburisti, neħħew il-Kunsill Ċiviku u  lill-Ministeru għal Għawdex neżżgħuh mid-dinjitá tiegħu. 

Għaliex naħseb li l-PN se jerġa’ jkollu l-maġġoranza f’Għawdex?

Hemm żewġ fatturi ewlenin determinanti. 

L-ewwel fattur huwa li l-Gvern preżenti wiegħed ħafna lill-poplu Għawdxi, wettaqlu ftit, u issa qiegħed tard wisq biex iwettaq dak li wiegħed. L-Għawdxin li niltaqa’ magħhom fuq il-vapur fit-triq tagħhom għal Malta biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum jistaqsuni, ‘Fejn hu x-xogħol għalina f’Għawdex ?’  Huwa importanti li ninnotaw li l-vjaġġi tal-vapur żdiedu fil-ħinijiet li l-ħaddiema jkunu qed jivvjaġġaw, u dan minħabba li n-numru ta’ ħaddiema jaħdmu f’Malta żdied.

It-tieni fattur huwa li l-Ministeru għal Għawdex, f’dawn l-aħħar tliet snin tilef l-istatus tiegħu minħabba li l-Gvern niżżlu fit-tieni diviżjoni billi neħħilu l-awtorità, il-kompetenzi li kellu u anke baxxa l-baġit allokat għalih. Il-Ministeru stess ma beżax għall-istatus tiegħu u rrenda lilu nnifsu aktar bħala każin politiku partiġġjan milli ministeru għall-poplu Għawdxi kollu, kif ħafna jiftakruh meta kien hemm il-Ministru Anton Tabone u l-Ministru Giovanna Debono. Is-sitwazzjoni preżenti li hemm fil-Kunsilli Lokali f’Għawdex  qed iħallu riżultati u impatt akbar minn dak tal-Ministeru.

Dan il-Ministeru flok ħaddan u ħaddem politika reġjonali u pjan għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Għawdex, il-Ministeru welled u qed jindokra politika klijentelista li issa xebbgħet u dejqet lill-maġġoranza tal-poplu Għawdxi, anke lil dawk stess li kellhom jirrikorru għal din l-istess politika għax ma kellhomx triq dritta x’jaqbdu. Konsegwenza tal-politika klijentelista fl-operat tal-Ministeru, hemm indħil politiku kbir. 

 L-isfidi ewlenin li l-PN għandu f’Għawdex

1) Waħda mill-isfidi ewlenin tal-gżira ta’ Għawdex hija t-tmexxija tiegħu. B’dispjaċir kbir ngħid li l-imsemmi Ministeru tilef l-iskop li għalih twaqqaf u għalhekk hemm bżonn ta’ aktar responsabbilità u kontabbilità politika. Bħalma semmejt qabel, il-ħolqien ta’ Kunsill Reġjonali elett dirett mill-poplu Għawdxi jista’ jsir. Fost il-funzjonijiet tiegħu għandu jitfassal pjan ta’ żvilupp reġjonali għal Għawdex u jara li dak il-pjan jitwettaq kif suppost mill-Ministeru stess.

Il-Ministeru welled u qed jindokra politika klijentelista li issa xebbgħet u dejqet lill-maġġoranza tal-poplu Għawdxi

2) Sfida oħra hija l-istrateġija, pjan u direzzjoni għal Għawdex. Kif inhi s-sitwazzjoni preżenti, l-investituri jew l-imprendituri ma jistgħux jitħajru biex jinvestu jew iwaqqfu intrapriża f’Għawdex għax ma jafux Għawdex fejn hu sejjer.  Dawn m’għandhomx gwida ċara liema setturi, il-Gvern qed jipprova jġib ’il quddiem. L-istess ħaġa tista’ tingħad għall-istudenti Għawdxin. Illum l-istudenti huma mifxula u mitlufa liema linja ta’ studju għandhom jieħdu jekk iridu jaħdmu f’Għawdex.

3) Sfida oħra importanti hija l-istatus ta’ Għawdex. Huwa importanti li Għawdex mhux biss ikollu status ta’ reġjun imma importanti wkoll f’liema livell ta’ reġjun jinsab. Kien ikun ħafna aħjar li kieku Għawdex huwa reġjun fit-tieni livell tal-klassifika tar-reġjuni Ewropej milli fit-tielet livell tal-klassifika kif fil-fatt huwa fil-preżent. Hemm żewġ raġunijiet għal dan. L-ewwel raġuni hija li kważi l-għajnuna finanzjarja kollha li tingħata mill-Unjoni Ewropea taħt il-Politika ta’ Koeżjoni tingħata lir-reġjuni fit-tieni livell. Fil-każ tagħna, din l-għajnuna tingħata lil Malta u Għawdex flimkien, qisu Għawdex mhux reġjun.

X’inhi t-triq ’il quddiem ? 

Huwa fatt, li wieħed jista’ jagħraf jew jinjora, li l-iżvilupp ta’ Għawdex xorta waħda għadu lura ħafna minn dak ta’ Malta. Peró, l-Għawdxin għadhom jemmnu ħafna li Għawdex, jekk jitmexxa tajjeb u jibni fuq is-sens ta’ inizjattiva tal- Għawdxin, jista’ jkun mutur ta’ ħidma ekonomika u soċjali mill-aktar siewi. U jista’ jirnexxi minkejja li l-gżira għandha l-iżvantaġġi taċ-ċokon u tad-distanzi li kulħadd jaf bihom.

Niddejjaq inħares lura minflok ’il quddiem, peró mill-passat tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex wieħed setgħa jara futur ta’ politika għall-gżira ta’ Għawdex u għall-poplu Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista illum qed jaħdem, jisma’ u jifhem lill-Għawdxin biex fi żmien li ġej jipproponi l-aħjar triq lejn progress veru f’Għawdex. Għawdex mhux se jimxi ’l quddiem sakemm ikollu gvern li se jibqa’ jgħix gidba. Għawdex għandu bżonn politici li jifhmu lill-Għawdxin u li jaħsbu għall-gżira ta’ Għawdex. Illum il-ġurnata aktar minn qatt qabel l-Għawdxin iridu Ministru sħiħ ta’ Għawdex flimkien ma’ Kunsill Reġjonali għall-Għawdxin.

Ryan Mercieca huwa kandidat tal-PN fuq Għawdex

More in Blogs