Ħsibijiet mill-Ażja...u l-Belġju

minn Owen Bonnici

It-terroristi għandhom għan wieħed: li jħarbtu l-istil ta’ ħajja tagħna l-Ewropej
It-terroristi għandhom għan wieħed: li jħarbtu l-istil ta’ ħajja tagħna l-Ewropej

Naħseb li bħala poplu għandna d-difett li naħsbu li d-dinja tieqaf biss sal-bordura tal-kontinent Ewropew. Għal uħud qisha l-mappa tad-dinja tieqaf biss sal-fruntieri tal-pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea jew l-iktar l-iktar tal-Kunsill tal-Ewropa.

 Nemmen li din is-sitwazzjoni hija riżultat tas-sens ta’ inferjorità li ħafna drabi kellna - tajjeb jew ħazin - ikkumparat mal-pajjiżi Ewropej. U minn banda, ma ttiniex tort lanqas. Sa ġenerazzjoni ilu, kont tixgħel it-televiżjoni u tara stazzjonijiet Taljani u Ingliżi jippreżentaw stampa ta’ affarijiet li lanqas konna noħolmuhom li jsiru f’pajjiżna.

 Illum, is-sitwazzjoni nbidlet ħafna. Anzi, fl-aħħar snin qed nirrealizzaw kif f’ħafna setturi, aħna aħjar mill-istampa preżentata lilna mill-istazzjonijiet jew siti barranin.   

Biss, l-idea li donnha l-mappa tad-dinja setgħet tieqaf biss sal-bordura tal-Ewropa fejn tidħol Malta, qisni għadni nħossha fin-nies li nitkellem magħhom. Tiħdunix ħażin. F’ħafna affarijiet, l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu standards importanti li pajjiżna jaħdem kontinwament li jilħaq u dan hu ta’ ġid kbir. Aħna partners ġenwini, attivi u sinċiera tal-imsieba tal-Unjoni Ewropea u kburin li nagħmlu ħilitna kollha biex naqdu d-dmirijiet tagħna mill-aħjar li nistgħu.

 L-argument tiegħi però hu li waħda m’għandhiex issir bl-esklużjoni tal-oħra. Wieħed m’għandux jiffoka biss fuq il-kontinent Ewropew u jinjora l-bqija tad-dinja. Anzi, wieħed għandu jħares lejn id-dinja kollha kemm hi li llum saret villaġġ wieħed iktar minn qatt qabel.

 Din il-ġimgħa, jiena f’isem il-Gvern Malti ħadt sehem fil-Konferenza ta’ Boao għall-Ażja. Forsi Malta ma tantx smajna biha, imma fl-Ażja din hija konferenza kruċjali u importanti ferm għax tiġbor fi ħdanha l-mexxejja politiċi, akkademiċi u intraprendituri ewlenin ta’ dan il-kontinent enormi. Biex nispjega ruħi aħjar, nista’ nxebbaħ il-konferenza ta’ Boao għall-Ażja maċ-CHOGM. Bħalma l-pajjiżi tal-Commonwealth jiltaqgħu kull sentejn f’konferenza ta’ livell għoli, hekk ukoll il-pajjiżi tal-Ażja jiltaqgħu kull sena f’Belt fil-kapitali Haikou tal-provinċja-gżira Hainan fiċ-Ċina.

Għalhekk, meta l-organizzaturi ta’ din il-konferenza bagħtu invit lill-Gvern Malti, li hu pajjiż Ewropew u mhux Ażjatiku biex jieħu sehem, il-Gvern Malti aċċetta bil-qalb kollha li jattendi u jipparteċipa. L-attendenza tagħna kienet l-ewwel darba fl-istorja u turi kemm l-impenn tal-Gvern Malti li jikkopera ma’ sħabna l-pajjiżi Ażjatiċi u kemm ir-rispett li isem pajjiżna jgawdi mal-pajjiżi ta’ dan il-kontinent.

M’għandniex xi ngħidu, il-konferenza kienet organizzata b’mod impekkabbli u bi preċiżjoni xjentifika. Iċ-Ċiniżi ilhom 15-il sena jorganizzawha u allura għandhom kumulu ta’ esperjenza li wrewha fl-attenzjoni li taw għal kull dettall.

L-aqwa mod kif nirbħu t-terroriżmu hu li nkomplu għaddejjin bl-istil ta’ ħajja tagħna, li nagħmlu dak li nieħdu gost nagħmlu

Din il-konferenza fetħet b’diskors tal-Prim Ministru tal-pajjiż ospitant, jiġifieri tal-Prim Ministru Ċiniz Li Keqiang. Smajt id-diskors tiegħu b’attenzjoni kbira. S’intendi jiena biċ-Ċiniz ma nifhem xejn, u ddispjaċini għax nemmen li fit-traduzzjoni għall-Ingliż tlift ħafna.

Mid-diskors ta’ Li Keqiang stajt nifhem però mill-ewwel tliet affarijiet.  L-ewwel nett li ċ-Ċina qed tħoss il-bżonn li tkabbar in-negozju ma’ pajjiżi oħra fl-Ażja u barra l-Ażja, it-tieni nett li ċ-Ċina qed tħoss dan il-bżonn sabiex iżżid il-produzzjoni u żżid il-flus f’idejn il-poplu Ċiniż, u t-tielet nett, li ċ-Ċina temmen li minkejja d-diffikultajiet, ir-riformi li għaddejjin bħalissa, se jwasslu biex it-tkabbir ekonomiku jkun fir-ritmu ta’ madwar 6%. 

Fi kliem ieħor, iċ-Ċina hija open for business. Dan jidwi dak li kien qal ftit tax-xhur ilu l-President Ċiniz Xi Jinping li sostna li bħalma sekli ilu kienet tfasslet l-hekk imsejħa ‘Silk Route’, jew aħjar rotta ta’ kummerċ li kienet tgħaqqad iċ-Ċina mal-Mediterran u pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ażja, hekk ukoll illum jista’ jkollna ripetizzjoni ta’ din ir-rotta ta’ kummerċ. 

Il-kelliema oħra mid-diversi pajjiżi fl-Ażja li tkellmu warajh saħqu fuq l-istess prinċipji. 

Issa aħna bħala pajjiż għandna żewġ għażliet - jew li nibqgħu ċassi u ma nipparteċipawx fil-koperazzjoni kummerċjali, soċjali u kulturali li l-Ażja trid li tagħmel jew inkella nagħżlu li nkunu proattivi u nipparteċipaw għall-ġid tal-popli rispettivi tagħna. 

Stajt ninnota wkoll li l-Prim Ministri tal-pajjiżi Ażjatici tkellmu dwar id-diffikultajiet ekonomiċi li qed jiffaċċjaw. Aħna, min-naħa tagħna nistgħu niftaħru bl-għola rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-istorja, li tpoġġina fuq quddiem fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Aħna nistgħu nitkellmu minn pożizzjoni ta’ espansjoni ekonomika bla preċedenti fejn aħna meqjusa suċċess ekonomiku minn kull min iħares lejn l-affarijiet b’mod oġġettiv. 

Terġa’ hemm interess speċjali mill-pajjiżi u provinċji gżejjer Ażjatiċi u fil-Paċifiku bħal New Zealand li jaħdmu magħna. Veru, ninsabu ’l bogħod ġeografikament, imma hemm ħafna affarijiet li jgħaqqduna.   

F’dan is-summit, pajjiżna - bħala pajjiż Ewropew mistieden mill-Ażjatiċi - kien f’pożizzjoni li jgħid lill-pajjiżi Ażjatici li hu lest jaħdem mill-qrib favur iktar koperazzjoni, iktar kummerċ u iktar rabtiet kulturali. Aħna diġà wrejna dan meta l-Professur Edward Scicluna, bħala Ministru tal-Finanzi, kien wieħed mill-firmatarji fundaturi tal-Bank Ażjatiku għall-Investiment Infrastrutturali (AIIB).  

Naturalment, il-ġimgħa bdiet b’togħma morra ħafna hekk kif smajna bl-attakki fi Brussell li ħallew imwiet u nies midruba fosthom żagħżugħ Malti. It-terroristi għandhom għan wieħed: li jħarbtu l-istil ta’ ħajja tagħna l-Ewropej, li minħabba fihom aħna nċedu fuq dak li nieħdu gost nagħmlu. L-aqwa mod kif nirbħu t-terroriżmu hu li nkomplu għaddejjin bl-istil ta’ ħajja tagħna, li nagħmlu dak li nieħdu gost nagħmlu u li nibqgħu magħqudin fl-isforzi tagħna biex inkissru l-fenomenu tar-radikalizzazzjoni u naħdmu flimkien.

Din il-ġimgħa, il-Kunsill Ewropew tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ħareġ dikjarazzjoni li fiha numru ta’ punti li dwarhom, il-pajjiżi membri qablu li se jaħdmu iktar biex jaslu għalihom fi żmien iqsar. Malta dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tkun minn tal-ewwel li timplimenta dawn l-obbligi ġodda, tant li diġà emendajna l-liġijiet tagħna biex nimmodernizzawhom fejn tidħol il-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-dawl tal-fenomeni l-ġodda li qed naraw madwarna.

Is-solidarjetà tmur lejn il-vittmi u l-familji tagħhom. Aħna magħqudin mal-Belġjani f’dan il-mument ta’ niket.

More in Blogs