Kejkijiet, demokrazija u meritokrazija (2)
Taħdita bejn John Baldacchino u Charles Miceli
Lil min se nogħġbu?
John Baldacchino: Fil-ktieb li ktibt mal-Professur Kenneth Wain, Democracy without Confession (2013) fost l-oħrajn iddiskutejna dak li qabel l-elezzjoni rajna bħala ġejjieni diffikultuż għal Joseph Muscat bħala Prim Ministru li ried jimplementa dak li kien wiegħed f’kuntest meritokratiku.
M’għandekx għalfejn tkun profeta biex tbassar li biex jimxi fuq prinċipji ta’ meritokrazija, Muscat kellu jiffaċċja l-istess problema li ffaċċja Alfred Sant qablu meta ddeċieda li l-Gvern hu ta’ kulħadd u allura jrid jaħdem ma’ kulħadd. Issa hawn nerġgħu niġu għall-kejk politiku u għat-tgergir min-naħa ta’ dawk il-Laburisti li qed jgħidu li huma baqgħu b’xiber imnieħer għax in-Nazzjonalisti baqgħu jirrenjaw, filwaqt li n-Nazzjonalisti minn naħa tagħhom, qed jgħidu li Muscat ma żammx kelmtu u qed idaħħal il-ħbieb tal-ħbieb f’kull rokna li jsib.
Hawn il-verità tinstab x’imkien fin-nofs bejn dak li qed jgħidu tal-PN u dak li qed jgħidu dawk il-Laburisti ‘mweġġgħin’.
Imma ta’ min iżid jgħid li meta Muscat u Sant insistew fuq il-meritokrazija, kienu qed jitkellmu dwar kultura politika li la f’Malta u lanqas f’ħafna pajjiżi oħra demokratiċi ma teżisti; u hawn ninkludi pajjiżi bħar-Renju Unit fejn il-meritokrazija ssemmiet biss minn Tony Blair u fejn la qabel u lanqas warajh m’għadek tisma’ b’dan il-kunċett - li fil-fatt huwa primarjament kunċett Amerikan li trid taqrah fl-isfond tal-istorja tal-Istati Uniti.
Wara r-Rivoluzzjoni Amerikana, l-idea tal-libertà kienet li xi ħadd jirnexxi skont il-merti tiegħu jew tagħha u mhux skont il-klassi li, kif nafu, fil-ġerarkija Brittanika kienet waħda aristokratika. Dan kien il-qofol tad-demokrazija Repubblikana Amerikana u anke jekk il-kwistjoni tar-razza damet ma ssolviet u ħafna ċittadini Amerikani ma kellhomx l-istess opportunitajiet, fl-Amerika l-meritokrazija għadha għan ewlieni, tant li Barack Obama mhux l-ewwel darba li jiddeskrivi ħajtu bħala eżempju tal-meritokrazija Amerikana.
Issa tista’ tistaqsi għaliex f’Malta il-meritokrazija m’għandhiex l-istess sinifikat? Ir-raġuni ta’ dan hija storika fejn l-idea ta’ mertu għandha sinifikat differenti. Fil-fatt imkien ħlief fl-Amerika ma tisma’ wisq dwar il-meritokrazija. Dan ma jfissirx li kullimkien huwa ddominat mill-klijenteliżmu u l-korruzzjoni. Anzi għall kuntrarju. Flok meritokrazija issib diskors ta’ akkontabilità, ta’ sistema ta’ Servizz Ċivili imparzjali, speċjalment meta fl-istess sistema kull Gvern għandu n-nies tiegħu impjegati bħala konsulenti politiċi li huma apertament tal-istess ideoloġija tal-Gvern. Dan huwa aċċettabbli sakemm għandek qasma ta’ poteri (bejn, per eżempju l-Gvern, il-Parlament u l-Ġudikatura) u fejn iċ-Ċivil jibqa’ newtrali anke jekk min jaħdem fih se jkollu is-simpatiji politiċi personali tiegħu jew tagħha.
U allura dan ifisser li nagħlqu għajnejna għall-korruzzjoni?
Le. Anzi għall-kuntrarju. Il-kwistjoni hawn mhijiex il-koruzzjoni bħala tali (li għandha tkun meqruda darba għal dejjem) imma kif jitkejjel il-kejk politiku u kif għandu jitqassam. U hawn se niġu għall-problema reali, li tmur lil hinn mill-battibekki tal-PN u l-PL u lil hinn mill-kwistjoni superfiċjali ta’ jekk il-mertikorazija ta’ Muscat u Sant tistax tiġi użata f’Malta bħalma ssib fl-aspirazzjonijiet politiċi Amerikani.
Laburisti li qed jgħidu li baqgħu b’xiber imnieħer għax in-Nazzjonalisti baqgħu jirrenjaw, u Nazzjonalisti jgħidu li Muscat qed idaħħal il-ħbieb tal-ħbieb f’kull rokna li jsib
Fil-fehma tiegħi, il-Prim Ministru Muscat u l-Gvern tiegħu għad għandu ħafna x’jagħmel f’dak li huwa t-tqassim tas-sensibbiltà politika fejn il-parteċipazzjoni għandha tkun imqassma b’mod ekwu. Dan m’għandux x’jaqsam mal-pjaċiri (vera jew fittizji). Dan jolqot il-kuntest tal-influwenza politika u l-vuċi ta’ dawk li qed jgħidu tajjeb li hemm uħud (ħafna minnhom meqjusa bħala inkompetenti u pjuttost fanatiċi) li għax qed jidhru li għandhom influwenza żejda, dawn qed jidhru wkoll jagħmlu ħerba minn dan it-tqassim ta’ sensibbiltà politika li biex taħdem b’mod demokratiku trid issensel kunsens effettiv, anke jekk id-demokrazija hija kkaratteriżżata mid-dissens u l-argument.
Din hija dilemma għal kull Prim Ministru (bħalma rajna mill-esperjenza ta’ kull Prim Ministru mill-Indipendenza ‘l hawn), għax filwaqt li huwa rappreżentant ta’ Partit (jew Moviment), dan ukoll għandu bżonn jaħdem ma’ kulħadd — inklużi dawk li ma jaqblux miegħu politikament. Issa kif se tagħmel dan mingħajr ma żżomm lil xi wħud min-niesek milli jaħtfu il-kejk politiku li f’demokrazija jrid jinqasam ma’ kulħadd?
Charles Miceli: Fl-opinjoni tiegħi qed titkellem dwar teoriji aktar milli dwar fatti. Il-politika, f’Malta partikolari, sfortunatment ma teżistix lil hinn miż-żewg partiti l-kbar. Rajna sforzi mis-soċjetà ċivili, bħal ngħidu aħna fil-każ taż-Żonqor, imma dawn malajr ġew hijacked mill-partiti politiċi.
Anke f’raħal fejn hemm aktar nagħaġ milli n-nies, il-kunsill lokali bilfors irid jitmexxa taħt il-bandiera ta’ partit jew ieħor. Jekk ma ssibx ukoll f’raħal daqs tikka żewġ każini tal-banda, wieħed b’simpatija mal-ħomor u l-ieħor qalbu perżuta għall-bluni.
Imma mbagħad meta niġu fis-si u n-no, id-deċiżjonijiet anke l-aktar dawk inokwi, jittieħdu minn ċirku żgħir ta’ nies qrib il-mexxej. Id-delegati u l-kunsilliera, sfortutament aktar iva milli le, qegħdin hemm biex iċapċpu u għar-ritratt tal-okkażjoni.
U hawn qed nitkellmu fuq il-kejk iż-żgħir. Għax il-kejk il-kbir lanqas inxommuh. Ħa nispjega ruħi. Qed nara l-kejk politiku bħala wedding cake. Veru kejk wieħed imma magħmul minn erba’ kejkijiet fuq xulxin, wieħed iżgħar mill-ieħor. U n-nies imweġġgħin għax ma misshomx żbiba mill-kejk iż-żgħir: promozzjoni, dar tal-Gvern, reserved parking quddiem il-bieb.
U l-kok tal-kejk iż-żgħir fil-magħluq jgħidlek li r-riċetta mhux hu jagħmilha. Huwa sempliċiment iżid il-melħ u l-bżar.
Għalhekk aħjar ma tkellimnix dwar demokrazija. Għax naf li qed tgħaddini biż-żmien.