Lezzjonijiet min-nofsinhar
Ħafna drabi nħarsu lejn l-Unjoni Ewropea bħala l-miżura tal-istandards fil-ħajja pubblika. U bir-raġun għaliex f’bosta mill-pajjiżi tal-UE, l-istandards huma tassew għoljin. Infakkru biss fir-riżenja tal-ministru tad-difiża Ġermaniż, zu Guttenberg minn ministru tad-difiża fl-2011 mhux għax ħa xi flus, imma għax inqabad li kien ikkopja t-teżi tad-dottorat tiegħu. Kellu karriera promettenti tant li kien meqjus bħala wieħed mis-suċċessuri possibli ta’ Merkel li imma spiċċat fix-xejn.
L-istandards tal-ħajja pubblika jvarjaw sew bejn pajjiż u ieħor tal-UE. Ċertament li l-pajjiżi skandinavi u tat-tramuntana normalment għandhom standards ogħla minn dawk tal-pajjiżi latini u tal-lvant tal-ewropa. U l-Kummissjoni Ewropea kellha sehemha mill-iskandli ukoll bir-riżenja tal-kummissjoni ta’ Jacques Santer minħabba l-komportament xejn korrett tal-kummissarju Edith Cresson, ex-prim ministru franċiż illi spiċċat ikkundannata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Biex ma nsemmux episodji aktar riċenti illi nafuhom sew, kontestati kemm huma kontestati.
Imma wieħed irid igħid li llum l-eżempji mhumiex ġejjin biss mid-demokraziji evoluti u li tradizjonalment inħarsu lejhom. Illum qed ikollna eżempji minn pajjiżi illi wieħed qajla jassoċjahom ma’ ndafa u korrettezza fil-ħajja pubblika. Każ partikolari kien is-sentenza illi tat il-Qorti Kostituzzjonali Sud Afrikana din il-ġimgħa fil-kawża illi l-Prottettur Pubbliku (“l-Ombudsman”) tal-pajjiż flimkien ma’ żewġ partiti ta’ l-opposizzjoni għamel kontra l-president sudafrikan, Jacob Zuma.
Il-Protettur Pubbliku kien stabilixxa fl-2014 illi Zuma kien għamel użu llegali ta’ fondi pubbliċi fil-bini tar-residenza palazzjali tiegħu illi tkopri tmien grawnds tal-futbol u nofs. Zuma jipprattika l-poligamija u bħalissa huwa miżżewweġ erba nisa u għalhekk għandu bżonn ħafna wisgħa ! Taħt l-iskuża li dawn ix-xogħolijiet kienu meħtieġa għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-istat spiċċa ħallas aktar minn €17m. Dan kollu f’żona ta’ faqar assolut fejn minn populazzjoni ta’ 115,000, 40,000 huma qiegħda u 1,000 dar biss għandha dawl u 7,000 dar m’għandhiex ilma tal-vit. Il-Protettur Pubbliku, sinjura bl-isem ta’ Thuli Madonsela, avukat, mill-partit ta’ Zuma illi ħatarha fl-2009, iddeskriva dan il-proġett bħala “opulenza fuq skala kbira” f’”baħar ta’ faqar u nuqqas ta’ infrastruttura pubblika”. Sab illi reċint għal baqar, garage għall-V.I.P. u pixxina ma’ kienux ġustifikati għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordna lil Zuma jħallas lura xi € 230,000 lill-istat.
Zuma rrifjuta u minflok ordna investigazzjonijiet ġodda mill-ministeru tax-xogħolijiet pubbliċi u tal-pulizija illi eżonerawh. Fost l-iskużi li ħarġu bihom kien hemm illi l-pixxina kienet ġiebja għall-ilma f’każ ta’ ħruq!
Qabel is-sentenza finali, Zuma aċċetta illi ċerta xogħolijiet ma sarux għal raġunijiet ta’ sigurtà u offra illi jirrifondi xi flus. Imma Madonsela u l-opposizzjoni rrifjutaw illi jċedu l-kawża. U l-Qorti Kostituzzjonali ma ddiżappuntathomx għax fis-sentenza tagħha ta’ nhar l-Ħamis, il-ħdax-il imħallef ddeċidew unanimament illi Zuma kiser il-kostituzzjoni meta njora l-ordni tal-Protettur Pubbliku u ordnat illi Zuma personalment irid jirrifondi l-ispejjeż illi saru għal dawk ix-xogħolijiet li ma kienux meħtieġa għas-sigurtà fosthom reċint fejn jinżammu t-tiġieġ. Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet illi r-rapport tal-2014 tal-Protettur Pubbliku kien jorbot legalment u Zuma wera “disprezz sostanzjali” lill-Protettur Pubbliku meta ma obdiehx.
Il-Prim’Imħallef Mogoeng Mogoeng stqarr illi “Fin-nuqqas tiegħu illi jieħu azjoni rimedjali, il-president naqas illi josserva, jobdi u jirrispetta l-kostituzzjoni.” Magoeng qal illi l-president ma kkontestax ir-rapport tal-Protettur Pubbliku bil-mezzi mogħtija lilu mil-liġi imma nqeda b’investigazzjoni separata biex jingħata l-maħfra. Magoeng faħħar ukoll lill-Protettur Pubbliku illi ddeskrivieh bħala “l-inkarnament tad-David bibbliku illi jiġġieled Golija b’but wiesgħa, jiġifieri l-iskorrettezzi tal-uffiċjali tal-gvern.” Barra minn hekk, il-Qorti Kostituzzjonali tat ħasla lill-Parlament illi hu ddominat mill-Kungress Nazzjonali Afrikan illi tiegħu Zuma hu l-kap. Magoeng qal illi l-parlament kellu l-obbligu kostituzzjonali illi jżomm il-president taħt kontroll imma effettivament rrinunzja għal tali obbligu meta għadda risoluzzjoni illi annullat ir-rapport tal-Protettur Pubbliku u ssostitwitu bil-konklużjonijiet tiegħu. Mogoeng ma darx mal-lewża u stqarr illi “Dan imur kontra s-saltna tad-dritt. Huwa mod ieħor kif wieħed jieħu l-liġi f’idejh.” Il-Parlament huwa sovran imma jrid jaġixxi dejjem fir-rispett tal-istituzzjonijiet l-oħra.
Mandosela ovvjament ferħet ferm b’din is-sentenza u qalet : “M’hux xogħoli ngħid jekk il-president hux denju illi jżomm il-kariga jew le. Xogħoli hu illi nipproteġi il-pubbliku minn kondotta m’hux f’lokha. Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat illi jiena wettaqt xogħoli sew... Madankollu ngħid lil min jeżerċita l-poter pubbliku, twarrbux dawk illi ma naqblux magħkom għax tkunu qegħdin tersqu f’xifer l-irdum jekk iddawru ruħkom b’yes men.”
Ma tridx tkun xi Einstein biex tinduna bir-rilevanza ta’ din is-sentenza fil-kuntest lokali. Ir-rapport bejn l-Ombudsman u l-gvern m’hux dejjem kien seren daqs kemm kellu jkun. Tant illi l-Ombudsman kellu jagħmel kawża lill-Ministru tal-Intern ħalli jkollu aċċess għall-files dwar il-promozzjonijiet fl-armata. Kawża illi rebaħ fil-Prim’Awla u wieħed issa jistenna illi l-Qorti tal-Appell ma ddumx tkaxkar saqajha xi erba’ snin biex tagħti s-sentenza finali f’kawża, illi għalkemm m’hijiex kostituzzjonali, għandha ċertament relevanza qawwija ta’ natura kostituzzjonali.
Naqsmu l-Oċejan Atlantiku tan-Nofs-in-Nhar u nixirfu l-Brażil. Hawnhekk insibu pajjiż f’ferment sħiħ bil-president Dilma Rousseff taffaċja proċeduri ta’ impeachment mill-Parlament. Rousseff ħadet il-poter wara l-presidenza tal-leġġendarju Luiz Inácio Lula da Silva li tiegħu għal xi żmien kienet chief of staff. Hija ekonomista illi għamlet xi żmien il-ħabs fi żmien id-dittatura militari. Illum il-gvern tagħha tilef l-appoġġ bil-bosta u miljuni ta’ brażiljani qed joħorġu fil-beraħ jitolbuha biex titlaq.
Raġuni mportanti għala l-gvern ta’ Rousseff tilef daqshekk popularità hija l-bdil fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi tal-pajjiż : il-prezz taż-żejt waqa’ mal-art u d-domanda għall-komoditajiet bħall-qmuħ illi kienu qed iħaxxnu l-bwiet tal-Brażiljani naqset ferm.
Imma raġuni oħra hija Operação Lava Jato (Operazzjoni Car Wash) illi issa ilha għaddejja aktar minn sentejn mill-Pulizija Federali taħt it-tmexxija tal-prosekutur Deltan Dallagnol u l-imħallef Sérgio Moro, żewġ avukati żgħażagħ illi studjaw fil-Ħarvard Law School. Il-Brażil ikkopja sew mill-infrastruttura ġuridika tal-pajjiżi tad-dritt napoleoniku bil-prosekuzzjoni tal-każijiet kriminali f’idejn maġistrat illi jkun indipendenti mill-gvern u bil-ħidma tiegħu ssorveljata minn imħallef. Mudell illi sfortunatament aħna kkupjajna ftit biss minnu u r-ritmu u l-inizjattiva tal-investigazzjonijiet kriminali jitħallew dejjem f’idejn l-pulizija eżekuttiva mingħajr l-indħil tal-maġistratura illi ma’ tantx hi konxja mir-rwol storika tagħna u għala qabel kienet tissejjaħ maġistratura tal-pulizija ġudizzjarja.
Il-ħidma ta’ Dallagnol u Moro kixfet korruzzjoni fuq skala massiċja. Skoprew illi l-kumpanija tal-istat taż-żejt, Petrobras, illi Rousseff kienet tmexxi bejn l-2003 u l-2010, kienet tikkonċedi kuntratti bi prezzijiet ferm minfuħin bid-differenza tispiċċa fil-bwiet tal-politiċi u l-partiti ta’ kull kulur. Matul dawn l-aħħar sentejn, 133 persuna sfaw arrestati, 179 mpoġġijin taħt att ta’ akkuża, 232 investigati u 84 mitfugħin il-ħabs. Dan l-iskandlu nvolva s’issa 16-il kumpanija u qed jintalab ir-rimbors ta’ $ 3.6 bn minn min wettaq il-korruzzjoni. Fit-7 ta’ Marzu li għadda, Marcelo Odebrecht, kap ta’ waħda mill-ikbar kumpanija tal-kostruzzjoni fid-dinja, bi dħul ta’ $ 31 bn fl-2014, ġie kkundannat 19-il sena u 4 xhur ħabs talli xaħħam $30 miljun lill-uffiċjali ta’ Petrobras ħalli jirbaħ kuntratti u influwenza.
Ftit jiem qabel, l-istess ex-president Lula ġie miżmum tlett sigħat mill-pulizija sabiex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-investigaturi li qegħdin jakkużawh b’ħasil ta’ flus u li għandu propjetà li ma tidhierx f’ismu. Lula spiċċa laħaq chief of staff ta’ Rousseff. Imma dlonk l-imħallef Moro rrilaxxa ħamsin reġistrazzjoni ta’ konversazzjoni bejn Rousseff u Lula illi ssuġġerew illi din il-mossa saret biex Lula jiġi protett minn prosekuzzjoni peress illi kien ser jakkwista status ministerjali u jista’ biss jiġi nvestigat mill-Qorti Suprema.
Bosta qablu din l-operazzjoni ma Mani Pulite fl-Italja u dana anke minħabba l-fatt illi s-suċċess tagħha jiddependi ħafna fuq il-ftehim illi qed isir mill-maġistratura ma min jiġi arrestat biex jikxef kull ma jaf, jirritorna l-flus li ħa minn taħt u b’hekk, jieħu piena ridotta. Hemm min għandu riservi dwar dawn il-metodi u l-mod kif jinċidu fuq il-presunzjoni tal-innoċenza. Imma s’issa ġew arrestati t-teżorier tal-Partit tal-Ħaddiema fil-gvern talli rċieva “donazzjonijiet irregulari” u l-ex-chief of staff tal-president Lula talli orkestra parti kbira minn dan l-iskandlu. Fl-istess ħin, l-ispeaker tal-Kamra tad-Deputati qed jiġi nvestigat talli rċieva $ 40 m f’tixħim, l-ex ministru tal-minjieri u enerġija talli ħa aktar minn $ 50 m minn Petrobra u l-ex president Fernando Collor de Mello tal- partit taċ-ċentru lemin ġie akkużat b’korruzzjoni. Tassew il-Brażiljani jagħmlu l-affarijiet bil-kbir !
Kull min isegwi din il-kolonna jaf kemm jien favur il-proġett ewropew. Kif qal, meta rtira mill-Bundestag, Hans Dietrich Genscher, il-ministru tal-affarijiet barranin tedesk fl-epoka tal-għaqda tal-Ġermanja illi miet nhar il-Ġimgħa: “L-Għaqda Ewropea hija r-risposta tal-iżbalji tal-Ġermanja u tal-istorja Ewropea. Hija r-risposta għall-gwerra dinjija terribli. Dawn ir-raġunjiet għadhom tajbin anke illum.” Imma dana ma jfissierx illi ma nitgħallmux mill-esperjenzi ta’ pajjiżi illi qegħdin jagħmlu passi tassew ta’ min ifaħħarhom, pajjiżi illi għal ġieħna, bosta minnha forsi jqisu illi għadhom ferm lura ħdejn.
Tassew għandna minn xiex nitgħallmu mill-avukati u mħallfin kuraġġjużi ta’ dawn il-pajjiżi l-bogħod illi jirriskjaw il-karriera u forsi anke ħajjithom ħalli jaraw illi taħt is-saltna tad-dritt kulħadd irid jagħti rendikont ta’ għemilu.