Skema Ċedoli: Sigrieta, mhux garantita, bla trasparenza
minn Owen Bonnici
Il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti kienet ilha ġenerazzjonijiet sħaħ biex tgħaddi mill-Parlament. Gvernijiet Nazzjonalisti jew ma kellhomx aptit, jew ma kienx jaqblilhom jew ma kellhomx ħila, iżda għal xi raġuni, ma għamluhiex.
Anke meta l-GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa bdiet issawwat lil pajjizna bi kritika wara l-oħra, bla liġi tal-finanzjament tal-partiti konna, u mingħajr liġi tal-finanzjament tal-partiti bqajna.
Anke meta MPs minn ħdan il-Gvern preċedenti stess bdew isemmgħu leħinhom, bla liġi tal-finanzjament tal-partiti konna, u bla liġi tal-finanzjament tal-partiti bqajna.
Meta Joseph Muscat sar Prim Ministru, immedjatament bdejna naħdmu biex din il-liġi ssir realtà. Wara konsultazzjoni wiesgħa anke mal-Partit Nazzjonalista stess, għaddejna liġi li l-GRECO qalet li hi ‘breakthrough’.
Żgur li hemm fejn inkomplu maż-żmien intejbu, iżda l-liġi li għamilna hija waħda li żzid it-trasparenza u s-serjetà.
Fost affarijiet oħra, din il-liġi ddaħħal tliet principji. L-ewwel nett, li min jagħti donazzjonijiet minn €7,000 ‘l fuq, ismu jrid jiġi ppubblikat. It-tieni nett li wieħed ma jistax jagħti iktar minn €25,000 mill-istess sors f’sena waħda. It-tielet nett li hemm ‘referee’ jew regolatur - il-Kummissjoni Elettorali - li tieħu ħsieb tara li l-affarijiet isiru sewwa.
Permezz tal-Iskema Ċedoli, il-PN rema’ dawn il-prinċipji kollha barra mit-tieqa. Jekk vera rridu nemmnu li l-iskema ta’ self mill-idejn ta’ €10,000 għal għaxar snin b’imgħax ta’ 4% hija skema ta’ self, allura għall-inqas, kellhom jaraw li l-prinċipji ta’ trasparenza u serjetà li trid il-liġi tal-finanzjament tal-partiti jiġu rispettati.
Jekk jirriżulta li dan mhu self xejn, imma donazzjoni b’isem ieħor, allura nkunu qed nitkellmu fuq potenzjal ta’ illegalità u eżempju tajjeb ta’ governanza ħażina
Jekk imbagħad jirriżulta li dan mhu self xejn, imma donazzjoni b’isem ieħor, allura iktar aħjar. Hawn inkunu qed nitkellmu fuq potenzjal ta’ illegalità u eżempju tajjeb ta’ governanza ħażina.
Iddur kemm iddur, jibqa’ l-fatt li mal-ewwel opportunità, il-PN mesaħ saqajh fil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, u rema’ barra mit-tieqa kull diskors dwar trasparenza u onestà.
Is-Segretarja Ġenerali tal-PN Rosette Thake tat xi risposti għad-domandi li għamlula l-ġurnalisti li iktar qanqlu domandi ġodda milli twegibiet. Qalet li taħt din l-iskema, l-iskritturi se jkunu privati, li anke jekk wieħed jiġi b’nofs miljun, ‘he’s welcome u li fil-hajja xejn mhu garantit’.
Iktar ma Ms. Thake titkellem, iktar nikkonvinċi ruħi li din l-Iskema Ċedoli, mhi xejn ħlief skema sigrieta u ta’ ħabi.
Jiddispjaċini għal dawk il-partitarji ġenwini tal-Partit Nazzjonalista li forsi kienu lesti jsellfu dak li faddlu matul is-snin lill-Partit li jħobbu mingħajr ma raw ir-riskju enormi li se jidħlu fih. Dan partit, li ħadd ma jrid isellfu u li qed ibiegħ il-kazini tiegħu. Il-persuni vulnerabbli għandhom jiġu trattati aħjar.
Ukoll nagħti parir lil min beħsiebu jsellef lill-PN jekk huwiex ukoll kopert legalment jekk isellef għal għaxar snin permezz ta’ skrittura privata, u mhux kuntratt pubbliku.
Il-‘bestpractice’ dejjem kienet li self mill-idejn għal iktar minn ħames snin ikun magħmul - bħala basic - b’kuntratt pubbliku u insinwat. Il-‘bestpractice’ dejjem kienet ukoll li jingħata ghħall-inqas - bħala basic - ipoteka ġenerali minn min se jissellef favur min se jsellef.
Minn qalbi nappella, ħudu parir legali. Taqbdux u ssellfu bl-addoċċ meta l-kundizzjonijiet li qed jidhru s’issa huma tant dilettanteski.
Mal-ewwel opportunità, il-PN mesaħ saqajh fil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, u rema’ barra mit-tieqa kull diskors dwar trasparenza u onestà
Ninkwieta wkoll għall-mentalità laxka li l-PN lest li jaċċetta kollox basta jħallas id-dejn. Il-principji ta’ prevenzjoni kontra l-ħasil tal-flus donnhom jieħdu dimensjoni oħra meta fin-nofs hemm il-PN. Jiena nħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti, fosthom il-FIAU, biex jaraw li l-PN għandha strutturi li jassiguraw ‘due diligence’, u li fil-ġenn li għandhom biex iħallsu d-djun, ma jispiċċawx jaċċettaw kollox.
Għall-Partit Nazzjonalista, l-għajta tat-trasparenza u ‘good governance’ hija għajta li ma jemmnux fiha. Bil-paroli jgħidu ħafna, bil-fatti jfallu test wara l-ieħor.
Wara kollox, il-Malti jgħid li lil min tafu, tistaqsix għalih.
Hemm ħafna domandi serjissimi li jolqtu kwistjonijiet differenti dwar din l-Iskema Ċedoli tal-PN. Din hi skema sigrieta, bla garanzija u bla trasparenza.