Il-Panama u l-bżonn ta’ faċenda nazzjonali

Qed ngħixu mument sinifikanti fejn is-saħħa tal-media, rinforzati bl-influwenza virali tal-media soċjali (Fifth Estate) qegħdin jheżżu l-fiduċja tan-nies fil-pilastri tal-poter f’bosta inħawi tad-dinja. Minn dak li nafu sa issa, tnax-il kap ta’ stat, (uħud għadhom fit-tmexxija) u għexieren ta’ individwi f’pożizzjonijiet ċentrali, qegħdin jaffrontaw akkużi li għal raġunijiet tagħhom, ħbew jew kellhom l-intenzjoni jaħbu l-flus. Jissemma Ministru Malti. Jissemmew ukoll 42 Malti sidien ta’ 676 kumpanija. X’jibqa’ fina aħna li niddikjaraw sal-anqas ċenteżmu tal-qligħ tagħna u nħallsu sal-aħħar ċenteżmu tat-taxxa dovuta, meta nisimgħu b’affarijiet bħal dawn? Ninkeddu aktar meta nkunu ħdimna bit-tir li ħwejjeġ bħal dawn ma jseħħux. 

Tliet snin ilu l-gvern beda t-triq mingħajr wisq esperjenza iżda b’aspettazzjonijiet m’ogħla s-sema. L-elezzjoni 2013 tat lil dan il-Gvern opportunità fenomenali biex Malta tibda paġna ġdida. Il-Gvern għamel wegħdiet elettorali ċari u fost dawk l-aktar sinifikanti hemm wegħdiet dwar governanza nadifa. Dawn il-miri ma kinux jirrikjedu biss bidliet legali bħal ma seħħ bil-liġi tal-whistleblower u tal-finanzjament tal-partiti, iżda riforma aktar difficli u profonda fil-kultura politika fil-livelli kollha. Il-maġġoranza miksuba fl-aħħar elezzjoni turi li ħafna minna kienu ħerqana u lesti għal bidla bħal din. 

It-twettiq ta’ programm elettorali ispirazzjonali jeħtieġ sens qawwi ta’ leadership. Il-viżjoni u ħila tal-Prim Ministru u l-kabinett tiegħu kellhom bżonn l-appoġġ ta’ pilastri sodi fit-timijiet magħżula biex jgħinu titwettaq il-ħidma eżekuttiva tagħhom. Kien hemm mumenti fejn uħud mill-Ministri intebħu li ‘they are only as strong as their weakest link’, bil-konsegwenza li rajna xi riżenji u numru ta’ sejħiet għal riżenji oħra.

L-aspettazzjonijiet ta’ bidla fil-kultura politika, mall-ewwel dehru li setgħu jkunu l-Achilles heel ta’ dan il-Gvern. Is-soċjetà ċivili, mall-ewwel bdiet issemma’ leħinha. L-oppożizzjoni Nazzjonalista dlonk iggranfat ma’ dan iċ-ċans biex titla’ fil-wiċċ waqt li kienet qed tipprova tiddewwa minn żewġ tisbitiet elettorali in fila. Meta beda t-tfigħ ta’ tajn, iż-żewġ blokki politiċi ċappsu jdejhom, u fil-proċess flok jispiraw fiduċja, it-tnejn spiċċaw aktar imtappnin.

Jinħass issa fil-media soċjali li bħal mal-Knisja tilfet l-eġemonija tagħha meta warrbet taħt it-tapit numru ta’ kwistjonijiet kurrenti skomdi għaliha, l-istess proċess ta’ sekularizzazzjoni qed jolqot bil-kbir lill-partiti. Addio l-fidi għamja fil-partit u f’mexxej super uman li mistenni jkollu d-doni kollha. M’għadux moda li wieħed jibqa’ leali għal għomru lejn il-partit li tgħammed fih. Segment akbar tal-elettorat għażel xettiċiżmu san vis-a-vis l-klassi politika. Dan kollu jidher ċar mill-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.

Waqt li l-partiti bħalissa qegħdin jisfurzaw biex jagħmlu regrouping mal-għeruq tradizzjonali tagħhom, x’inhu jsir biex ikunu aktar kontabbli u tkun tixiriqilhom il-fiduċja pubblika? X’togħma qegħdin iħallu mal-votanti floaters li fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedu l-eżitu tal-elezzjonijiet? 

Fil-jiem ta’ qabel u wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers, rajna l-gvern jagħżel li jibqa’ miexi jippretendi li kollox business as usual

Fil-jiem ta’ qabel u wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers, rajna l-Gvern jagħżel li jibqa’ miexi jippretendi li kollox business as usual. Bi ftit eċċezzjonijiet, pubblikament deher li l-Gvern qed jittama li bil-mod il-mod, id-dnub tal-Panama jorqod. Kif mistenni, l-Oppożizzjoni fetħet barraxx feroċi għaliex sabet lill-Gvern f’mument maħsud u mifxul. Fl-istess nifs, minkejja li ftit xhur ilu l-PN ippubblika dokument favur governanza nadifa, tniediet l-iskema msejjħa ‘Ċedoli’ biex jisgiċċa l-limitazzjonijiet introdotti bil-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. Il-PN jidher kuntent jimtela’ obbligazzjonijiet lejn min ‘jisilfu’ ammonti li jaqbżu saħansitra l-€10,000.

Pajjiżna jixraqlu aħjar. Illum, Malta laħqet fażi ta’ żvilupp fejn aktar ċittadini ssibhom jgħixu ħajja komda. Kif kien bassar it-teorista S.M. Lipset fis-snin ħamsin, kull fejn il-ħtiġijiet bażiċi jkunu moqdija u l-pajjiż ikollu Prodott Gross Domestiku sodisfaċenti, jiżdiedu l-aspettazzjonijiet tan-nies bħal mhuma valuri, libertajiet u drittijiet ċivili. Jogħlew ukoll l-aspettazzjonijiet rigward standards ta’ tmexxija, trasparenza u governanza. 

Gvernijiet suċċessivi Maltin indirizzaw tal-ewwel u ħadu ħsieb l-oqsma tal-edukazzjoni, saħħa u servizzi soċjali. Iżda fejn tidħol it-trasparenza u l-governanza, naqqsu milli jserrħu ras in-nies b’mod konvinċenti, li akkużi ta’ nuqqasijiet (kemm dawk reali u kemm perċezzjonijiet), jistgħu jiġu indirizzati b’mod adekwat. Il-Panama Papers qed isaħħu d-dubbji. 

Bħal kull leġiżlatura li tinstab f’nofs triq, il-Gvern kurrenti jrid jevalwa u jirrifletti dwar id-direzzjoni li qabad. Il-polls jagħtu stampa tal-opinjoni tal-votanti u dawn qed jindikaw li l-kwistjonijiet tal-governanza u dawk ambjentali saru importanti. Waqt li l-polls urew li l-Gvern li għad għandu l-appoġġ tal-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ, iridu ngħidu li dawn iċ-ċifri m’humiex barometru adekwat għax il-persentaġġi għandhom ħabta jostru realtajiet u ħsejjes kumplessi iżda sinifikanti għall-bniedem. Ma tista’ qatt issib konsolazzjoni fir-riżultati tal-polls għaliex nafu li l-opinjoni pubblika tinbidel mil-lejl għan-nhar. “One week is a long time in politics” kien qal aktarx Harold Wilson. Din kienet ġimgħa twila tassew għall-klassi politika tagħna.

Rajna fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna li meta partit jew gvern ikun assedjat bl-attakki, spiss jaqa’ fit-tentazzjoni li flok jinfetaħ aktar għall-kummenti, suġġerimenti u ideat, jingħalaq fih innifsu. Iżda din dejjem kienet triq tan-niżla li toftom lill-politiċi min-nies. Din hija tentazzjoni li twassal biex wieħed ma jibqax iħoss sew il-polz tal-maġġoranza moderata. 

M’hemm xejn pożittiv fil-battibekki partiġġjani u logħob perikoluż tax-xwabel li qegħdin nesperjenzaw bħalissa. Ħabib fuq Facebook fakkarni fi kwotazzjoni ta’ Mahatma Gandhi: ‘an eye for an eye makes the whole world blind’. Waqt li mogħmija nħammġu lil xulxin, tinkwetani wkoll il-ħsara li qegħdin nagħmlu lil pajjiżna u lilna nfusna. 

Rajna fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna li meta partit jew gvern ikun assedjat bl-attakki, spiss jaqa’ fit-tentazzjoni li flok jinfetaħ aktar għall-kummenti, suġġerimenti u ideat, jingħalaq fih innifsu
M’hemm xejn pożittiv fil-battibekki partiġġjani u logħob perikoluż tax-xwabel li qegħdin nesperjenzaw bħalissa

X’se nieħdu billi niżvogaw nitgħajjru, u fl-istess waqt nehdew nikkonvinċu lid-dinja li aħna banana republic? Ma nidħaqx b’dan l-umoriżmu frustranti meta naf li bħala ċittadini ta’ stat żgħir irridu naqdfu tant biex imqar leħinna jinstema fil-fora internazzjonali, inklużi dawk Ewropej. Hemmhekk, diġà hemm il-perċezzjoni (kultant rinforzata bil-fatti) li l-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Ewropa huma miżgħuda majjali li jiffangaw bla waqfien. PIGS kien akronomu mill-aktar dispreġġjattiv li ġieli ntuża biex tat-tramuntana jirreferu għall-Portugiżi, il-Griegi, l-Ispanjoli u t-Taljani. Il-Panama Papers se jsaħħu dawn il-perċezzjonijiet anke fil-konfront tagħna.

Naħseb għalhekk li flok nitfgħu t-tajn lejn xulxin u nħammġu wieħed lill-ieħor, ikun aħjar nużaw l-enerġija tagħna biex induru dawra madwarna u nagħmlu spring cleaning papali biex nidhru nodfa tazza minn ġewwa u minn barra. Tindifa bħal din tagħtina ġieħ, hi x’inhi l-affiljazzjoni politika li ġejjin minnha…dejjem jekk nagħżlu li nkunu ‘pigeon holed’ ma’ xi partit jew ieħor. 

X’inhu r-rwol tal-mexxejja politiċi f’dan kollu? Li kull wieħed minnhom b’mod konvinċenti jidher imidd idejh għal din it-tindifa, anke jekk dan jirrikjedi deċizjonijiet iebsa. Li jservu ta’ ispirazzjoni u eżempju għal esponenti ġodda li lesti jxammru l-kmiem biex joffru l-kontribut tagħhom lill-pubbliku bi prinċipju, u mhux għall-poter u l-konvenjenza. Li jħajjruna nemmnu li din il-faċenda nazzjonali għadha possibli. Il-waqt huwa issa.

Carmen Sammut hi opinjonista

More in Blogs