Fl-interess ta’ ħadd

Il-ħsieb tal-ILLUM matul dawn iż-żminijiet politikament movimentati

Il-kampanja elettorali, jew dik li qisha kampanja elettorali bħalissa mhi fl-interess tal-ebda partit, imma b’mod speċjali mhix fl-interess tal-poplu u tal-pajjiż. Mhux meta l-elezzjoni ġenerali għad fadlilha sentejn u forsi ftit aktar ukoll biex issir. 

Nibdew bil-Gvern u l-Partit Laburista. Kemm ilu li faqqa’ l-każ ‘Panama’ u l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi fl-istess pajjiż, il-Gvern inqabad fi sqaq politiku  mill-aktar imbarazzanti. L-ewwel żball tal-Gvern u l-Ministru Mizzi kien li ħareġ l-informazzjoni ftit ftit, u li meta tkellem mal-MaltaToday, kien selettiv u ħalla l-kumpanija fil-Panama barra. Jekk se toħroġ l-istorja għax qed tibża’ li se tinqabad, jew se toħroġha kollha kemm hi u titfa’ l-karti kollha fuq il-mejda fl-ewwel mument, jew inkella ma toħroġha xejn. 

It-tieni żball tal-Gvern, u ngħidu aħna l-akbar wieħed, kien li għal wisq ġimgħat sa qabel ma bdiet il-Konferenza Ġenerali, il-Partit Laburista irrestrinġa l-argument tiegħu fuq dak li huwa legali u regolari. Iva, Konrad Mizzi kellu kull dritt jiftaħ trust u iva kellu kull dritt li jkollu kumpanija reġistrata l-Panama. Iva, Konrad Mizzi għandu kull dritt jagħmel kull attività legali li jrid bi flusu u iva Konrad Mizzi kellu u għandu kull dritt jagħmel suċċess fil-ħajja personali tiegħu. 

Li l-Gvern donnu mhux qed jifhem, u mid-dehra lanqas qed jifhem Konrad Mizzi, huwa li dan mhux Ċikku jew Peppi, dan huwa Ministru. U l-prestiġju tal-kariga, jġib miegħu d-doveri u s-sagrifiċċji. Konrad Mizzi missu kien jaf illi li jiftaħ kont f’pajjiż li għal żmien twil kellu marka sewda fuq ismu, kienet xi ħaġa li lanqas biss kellu jaħsibha. Konrad Mizzi, missu kien politikament stuż biżżejjed biex jara li kont f’pajjiż bi storja mċappsa f’dan il-qasam, fejn uħud mill-agħar politiċi fid-dinja tefgħu l-miljuni li serqu minn fuq dahar il-poplu tagħhom, kienet xi ħaġa li ma kellhiex issir. 

Ir-raba’ żball kien li qatt daqs dan il-każ, il-Gvern ma qara ħażin is-sentiment li hawn fost eluf kbar ta’ nies. Dan il-każ, lil hinn mil-legalità u lil hinn minn kollox, tefa’ dellijiet koroh ħafna ta’ suspett fuq Ministru ewlieni tal-Gvern. 

Il-ħames żball kien li minflok għaġġel biex ineħħi dawn id-dellijiet, il-Gvern u l-Partit Laburista ttanta jnaqqas dan id-dell billi jfakkarna li fi żmien Gonzi, kien hemm min għamel agħar u ma tneħħiex. Huwa żball strateġiku li l-PL jipprova jiġġustifika lilu nnifsu billi juża lill-agħar leġiżlatura tal-PN. Huwa żball ukoll li l-PL jaħseb li d-dellijiet ta’ suspett li qatlu u wasslu għal tkaxkira madornali lill-PN, mhux se jwasslu għall-istess destin kiefer lill-PL, jekk ma jindirizzax il-problema. 

L-aħħar żball tal-Gvern huwa li ngħatat l-impressjoni li hemm xi ħadd fil-Partit Laburista li huwa ikbar mill-partit, jew agħar, mill-pajjiż. Ħadd mhu ikbar mill-pajjiż u mill-interess ta’ Malta, u ħadd minn dawk li qiegħed fil-Partit Laburista m’għandu jħoss li huwa indispensabbli, speċjalment jekk dak ix-xi ħadd ikun xi ‘Johnny come lately.’

Min-naħa l-oħra, hemm il-PN. Tajjeb li l-Oppożizzjoni tagħmel xogħolha u tikkritika lill-Gvern, imma l-militanza esaġerata li qed turi, u t-teatrini tal-marmalja quddiem il-Qorti ma jagħmlu ebda ġieħ lill-istess partit. Jekk xejn qed jerġgħu jqajmu fervur u appoġġ fost sezzjoni mdaqqsa ta’ Laburisti li kienu deċiżi li ma jivvutawx fl-elezzjoni. 

Il-PN jitkellem ħafna dwar trasparenza, u ninżawlu l-kappell għal dan, imma bħalissa qed ikun trasparenti wisq u żżejjed fl-għanijiet politiċi tiegħu. Qed tissolidifika l-perċezzjoni li l-għan tal-PN huwa li jinħoloq kjass fil-pajjiż, li jisħnu l-irjus u li tkompli tiela’ t-temperatura politika bit-tir li kollox jistaġna u li eventwalment, il-PN jerġa’ jagħmel dak li għamel fl-1998 u jwaqqa’ Gvern Laburista. 

Għal Simon Busuttil, il-mira indubjament, hija dik li jitqaċċat Muscat, u b’hekk ikun għamel rebħa fuq l-akbar avversarju politiku tiegħu (u forsi personali wkoll) fi żmien tant qasir u wara telfa hekk kbira. Il-fatt li l-PN qed jagħmilha iktar minn ovvja li lest jimxi kull mil u ċentimetru li hemm bżonn, javvelixxi lill-Gvern barra minn xtutna u fil-proċess iġib lill-pajjiż għarkupptejh, basta jmiss il-premju ta’ Kastilja, qed tibda tirrifletti ħażin. Anke jekk ma jridx, Busuttil qed jidher li jrid jilħaq il-poter, ilbieraħ qabel illum. 

Infakkruh fi kliem Fulton John Sheen, “Il-paċenzja hija poter. Il-paċenzja mhux nuqqas ta’ azzjoni, imma l-abbiltà li tistenna biex taġixxi fil-mument it-tajjeb, b’mod tajjeb għall-prinċipju tajjeb.” 

More in Blogs