Tliet Prim Ministri, tliet kriżijiet

“Sant ma kienx jagħmel bih il-poter, Gonzi ma riedx jitilfu minn taħt idejh u Muscat għadu ma fehemx kemm jista’ jkun perikoluż”

Niftakarni mwaħħal fuq l-iskrivanija li fuqha kont nagħmel ix-xogħol li konna ningħataw mill-iskola, naqra strofa minn poeżija li kelli quddiemi, probabilment xi ‘Gelmus’ u fl-istess ħin, bejn daħla u ħarġa t’ommi mill-kamra, nisma l-vuċi ta’ Dom Mintoff iriegħed fil-Parlament.

Kien l-1998, wara li kien elett Gvern Laburista ftit qabel, liema Gvern kien immexxi minn Alfred Sant. L-arja politika kienet waħda tqila, bl-iżviluppi jseħħu kull ftit ħin. Niftakar li dan id-diskors ta’ Mintoff ma ried jispiċċa qatt u li matulu kien fetaħ baraxx kritika fuq l-eks-Prim Ministru Alfred Sant. Mill-art tal-Birgu, sal-Forti Sant’Anġlu, sal-Ewropa u l-prezzijiet ogħla fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Niftakar lil Sant ħiereġ mill-Parlament bil-ġurnalisti, niftakar lil Pierre Portelli u Dione Borg partikolarment, jistaqsuh salt mistoqsijiet. Ir-risposta kienet “attenti l-wajers” qabel Sant ħareġ għaċ-ċapċip ta’ bosta Laburisti. Niftakar dik il-għodwa meta Sant niżel il-Birgu għall-orgolju u r-rabja tal-Laburisti, fejn hemmhekk sammar l-aħħar musmar fil-qabar politiku tiegħu bħala PM u għajjar lil Mintoff ‘traditur’ fil-qalba tal-Kottonera.

George Abela qallu ma jmurx għall-elezzjoni, imma Sant ħaseb li ma setax imexxi. Sakemm morna għall-elezzjoni fl-1998 u l-PN immexxi minn Eddie Fenech Adami rebaħ l-elezzjoni tal-1998. Niftakar il-meetings kbar, il-‘We take the chance’, ‘Ir-rebħa tagħna terġa’ tkun’ u l-vuċi ta’ Guido De Marco tirbombja fi Psaila Street B’Kara bil-kliem, “qed nara baħar, baħar ta’ nies.’

Iktar riċenti, fl-aħħar leġiżlatura, kellna Gvern Nazzjonalista mdendel, mifni b’attakki u kritika qawwija minn ġewwa, l-aktar mid-Deputati voċiferi Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono. U magħhom ingħaqdu vuċijiet oħrajn ta’ dissens fosthom ta’ Deputati bħal Jesmond Mugliett u Jean Pierre Farrugia.

Ir-risposta tal-PN kienet li joħloq karigi lil dawk li kienu qed juru dissens, imma dan ma sewa ta’ xejn. Il-Prim Ministru Gonzi, anke jekk kreditat li mexxa l-ekonomija Maltija fi żmien meta kien hawn għawġ ekonomiku dinji kbir, kien qed imexxi Gvern għajjien, li kien qed jaqla’ kritika ħarxa u kontinwa mhux biss dwar kwistjonijiet ta’ governanza imma wkoll dwar kwistjonijiet oħrajn li dawru pajjiż kontrieh. Minkejja li prova jtawwal kemm seta’ Gonzi, l-inevitabbli ġara u l-Gvern tilef vot ta’ fiduċja u sussegwentement elezzjoni.

Illum għandna l-każ Panama, li kulħadd jaf dwaru u li l-Gvern preżenti, grazzi għalih, qed jaqla’ tumakka fuq tumakka fuq tumakka. Għada se jkollna maratona Parlamentari biex niddiskutu mozzjoni li l-Gvern se jirbaħ u forsi iktar tard ikollna xi riżenja jew bidliet ukoll. Il-każ Panama tefa’ lil Muscat fl-istess rokna kerha li kien fiha Gonzi u Sant qablu, il-mistoqsija hija, Muscat se jkun bħal Sant jew bħal Gonzi? U jekk mhux se jkun la bħal Sant u lanqas bħal Gonzi, Muscat kif se jkun differenti?

Minn dak li ħareġ s’issa, i d-differenza hija din, jekk kellna nitfugħha f’sentenza sempliċi. Alfred Sant ma kienx jagħmel bih il-poter, Gonzi ma riedx jitilfu minn taħt idejh u Muscat għadu ma fehemx kemm jista’ jkun perikoluż.

Alfred Sant, tista’ ma taqbilx miegħu u tista’ bħal m’għamilt jiena stess fuq ħafna mezzi tikkritika l-viżjoni li kellu u l-mod kif kien iwassal din l-istess viżjoni lin-nies. Għamel żbalji strateġiċi galor u dik l-imbierka partnership għad irrid nara qassata daqsha. Imma, minkejja kollox, Sant ma ntrabatx wisq mal-poter. Kien jaf li elezzjoni fl-1998 kienet se twassal għat-telfa tiegħu. Kien jaf ukoll li b’telfa, 22 xahar biss wara li kien elett, il-futur politiku tiegħu kien issiġġillat. Kien jaf ukoll li l-legat li kien se jġorr kien se jkun wieħed pjuttost ikrah, il-PM li dam l-inqas fit-tmun mill-Indipendenza. Minkejja dan, Sant xorta mar għand il-poplu għax ħass li ma setgħax imexxi.

Gonzi, min-naħa l-oħra baqa’ jżomm ma’ xagħra, baqa’ jittama li l-pazjent mhux se jmut, baqa’ fit-tmun tal-pajjiż minkejja li kienet ċara li ma kellux maġġoranza Parlamentari

Muscat, b’differenza, m’għandux maġġoranza ta’ siġġu wieħed u għalhekk għandu l-lussu li Sant u Gonzi ma kellhomx. Minkejja dan iżda, dak li se jiddeċiedi fil-ġranet li ġejjin u dak li se jgħid għada fil-Parlament se jkollu impatt qawwi fuq l-immaġini politika tiegħu. Muscat jeħtieġ juri iktar ħażen politiku minn Alfred Sant, imma jeħtieġ juri wkoll iktar deċiżività minn Gonzi.

Din hija t-tielet kriżi li niftakar kemm ili nsegwi l-politika. Kull kriżi fiha l-kulur u l-angolu tagħha. Pero lil hinn mit-tisbit, mill-voti ta’ sfiduċja, mill-manifestazzjonijiet ta’ saħħa fit-toroq, kull kriżi tibqa’ marbuta mad-deċiżjoni li ħa kull Prim Ministru. Dak li jiddeċiedi Muscat fis-siegħat, ġranet jew ġimgħat li ġejjin se jiddeterminaw kif din il-kriżi politika se tibqa’ msemmija u mfakkra fil-kotba tal-istorja.

More in Blogs